Teżor Sabiħ għal Li Ġej
Fis-snin li ġejjin, jalla aħna nħallu t-titjib li qed isir fit-Tempju ta’ Salt Lake jinkuraġġina u jispirana.
L-Istorja tat-Tempju ta’ Salt Lake
Ejjew immorru lura għall-jum sħun tal-24 ta’ Lulju, 1847, għall-ħabta tas-2 ta’ wara nofsinhar. Wara vjaġġ diffiċli ta’ 111-il ġurnata flimkien ma’ 148 membru tal-Knisja li kienu jiffurmaw l-ewwel grupp li rħielha lejn il-punent, Brigham Young, li kien il-President Tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, marid u dgħajjef bid-deni tal-muntanji, daħal fil-Wied ta’ Salt Lake.
Jumejn wara, waqt li kien qed jirkupra mill-marda li qabditu, Brigham Young mexxa bosta membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu u oħrajn fuq espedizzjoni ta’ esplorazzjoni. William Clayton kiteb, “Madwar tliet kwarti ta’ mil fil-tramuntana tal-kamp, aħna wasalna f’medda art ċatta mill-isbaħ, li b’mod sabiħ ixxaqleb lejn il-punent.”1
Waqt li hu u l-oħrajn bdew jistudjaw din l-art, Brigham Young f’daqqa waħda waqaf u ta daqqa bil-bastun mal-art, u qal, “Hawn għandu jinbena t-Tempju ta’ Alla tagħna.” Fost dawk li kienu miegħu kien hemm il-Presbiteru Wilford Woodruff, li qal li din id-dikjarazzjoni “laqtitu bħal sajjetta,” u hu ħawwel arbuxella biex timmarka l-post li l-President Young laqat bil-bastun. Erbgħin tomna art ntgħażlet għat-tempju, u ġie deċiz li l-belt kellha tiġi ppjanata “kwadru perfett Nord & Sud, lvant & punet” bit-tempju jkun iċ-ċentru ta’ kollox.2
Waqt il-konferenza ġenerali ta’ April 1851, il-membri tal-Knisja vvotaw b’mod unanimu li jsostnu l-mozzjoni li jibnu tempju “f’isem il-Mulej.”3 Sentejn wara, fl-14 ta’ Frar, 1853, is-sit ġie ddedikat minn Heber C. Kimball waqt ċerimonja pubblika li għaliha attendew eluf ta’ Qaddisin, u l-art ġiet impalata għall-pedament tat-Tempju ta’ Salt Lake. Ftit xhur wara, fis-6 April, il-ġebel tax-xewka massiv tat-tempju ġie mpoġġi u ddedikat waqt ċerimonji mill-aktar elaborati li kienu jinkludu fihom gwardja mill-aktar ikkulurita u baned, u puċissjoni mmexxija mill-mexxejja tal-Knisja mit-tabernaklu l-qadim sas-sit tat-tempju, fejn hemm sar diskors u ġie offrut talb għal kull waħda mill-erba’ ġebliet.4
Waqt iċ-ċerimonja tal-bidu tal-proġett, il-President Young semma li hu kien ra viżjoni hekk kif kien għamel l-ewwel pass fuq dak il-post waqt li kienu qed jistudjaw l-art tal-wied, fejn iddikjara, “Jien dak il-ħin kont naf daqs kemm naf illum, li din kienet l-art li fuqha kellna nibnu tempju—rajt kollox quddiem għajnejja.”5
Għaxar snin wara, waqt il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru, 1863, Brigham Young offra din l-intuwizzjoni profetika: “Irrid nara t-tempju mibni b’tali mod li jibqa’ wieqaf u sod tul il-millenju. Dan mhux l-uniku tempju li se nibnu; se jkun hemm mijiet bħalu li se jkunu mibnija u ddedikati għall-Mulej. Dan it-tempju se jkun magħruf bħala l-ewwel tempju mibni fil-muntanji mill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. … Irrid li dak it-tempju … jieqaf bħala monument kburi tal-fidi, tal-perseveranza u l-industrija tal-qaddisin ta’ Alla fil-muntanji.”6
Waqt li kont qed nistudja din l-istorja qasira, ħassejtni naffaxina ruħi bi Brigham Young fl-irwol tiegħu ta’ veġġent—l-ewwel, li ried jara li kemm jista’ jkun, u bl-użu ta’ metodi tal-bini disponibbli f’dak iż-żmien partikolari, it-Tempju ta’ Salt Lake jinbena b’tali mod li jibqa’ sod tul il-Millennju u, it-tieni, bil-profezija tiegħu dwar kemm se jikber in-numru ta’ tempji fit-futur madwar id-dinja, billi saħansitra semma li se jkunu mijiet.
Ir-Rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake
Bħal Brigham Young, il-profeta tagħna tal-lum jieħu ħsieb b’reqqa kbira t-Tempju ta’ Salt Lake u l-oħrajn kollha. Tul is-snin, il-membri tal-Ewwel Presidenza, minn żmien għall-ieħor, iddiskutew mal-Veskovat li Jippresedi biex jiżguraw li l-pedament tat-Tempju ta’ Salt Lake hu wieħed sod. Meta jiena servejt fil-Veskovat li Jippresedi, fuq talba tal-Ewwel Presidenza, aħna dorna dawra sew mal-bini tat-Tempju ta’ Salt Lake, kif ukoll evalwajna l-aktar avvanzi riċenti fid-disinn sismiku u fit-teknika tal-bini.
Dawn huma wħud mir-rakkomandazzjonijiet li dak iż-żmien aħna pprovdejna lill-Ewwel Presidenza: “Fid-disinn u l-bini tat-Tempju ta’ Salt Lake, ġew użati l-aqwa riżorsi ta’ inġinerija, ta’ xogħol manwali, ta’ materjal ta’ kostruzzjoni, ta’ għamara u ta’ affarijiet oħra ta’ dawk iż-żminijiet. Mid-dedikazzjoni tiegħu fl-1893 ’l hawn, it-tempju baqa’ wieqaf sod u serva bħala sinjal qawwi ta’ fidi u tama u bħala dawl għall-poplu. B’reqqa kbira t-tempju ġie operat, imnaddaf, u miżmum f’kundizzjoni tajba. It-travi tal-granit tal-art u tas-saqaf fuq in-naħa ta’ barra u n-naħa ta’ ġewwa jinsabu f’kundizzjoni tajba. Studji riċenti jikkonfermaw li l-art magħżula minn Brigham Young għat-tempju hi art magħmula minn ħamrija tajba ħafna u minn kumpattezza ta’ kwalità eċċellenti.”7
Ir-rakkomandazzjonijiet kienu jikkonkludu li kien jeħtieġ li jsiru ċerti tiswijiet u titjib biex it-tempju jiġi rrestawrat u aġġornat, inkluż fl-art tal-pjazza ta’ quddiemu u mal-madwar, fis-sistemi ta’ utilità li mhumiex skont l-istandards moderni, u fin-naħa tal-battisterju. Madankollu, ġie rakkomandat ukoll li nikkunsidraw sistema sismika separata, aktar aġġornata u komprensiva mill-pedament tat-tempju ’l fuq.
Il-Pedament tat-Tempju
Kif forsi tiftakru, il-President Brigham Young innifsu kien involut bil-kbir fil-bini tal-pedament oriġinali tat-tempju, li serva t-tempju b’mod tajjeb minn meta tlesta 127 sena ilu. Il-pakkett il-ġdid propost dwar l-aġġornament fis-sistema sismika għat-tempju għandu jutilizza t-teknoloġija tal-iżolament tal-pedament, li ħadd ma kien biss jimmaġina fiż-żmien li fih inbena. Din hi kkonsidrata bħala l-aqwa u l-aktar sistema moderna fl-inġinerija għall-protezzjoni minn xi terrimot.
Din it-teknoloġija, li ġiet żviluppata m’ilux, tibda mill-pedament tat-tempju, fejn tipprovdi difiża robusta kontra xi ħsara minn xi terrimot. Fil-fatt, hi ssaħħaħ strutturalment it-tempju biex jibqa’ wieqaf u sod, anke hekk kif l-art u l-inħawi tal-madwar jintlaqtu minn episodju ta’ ċaqliq sismiku.
Ir-rinnovazzjoni tat-tempju li se tkun qed tuża din it-teknoloġija tħabbret is-sena l-oħra mill-Ewwel Presidenza. Il-bini beda ftit xhur ilu, f’Jannar 2020, taħt id-direzzjoni tal-Veskovat li Jippresedi. Hu maħsub li jkun lest bejn wieħed u ieħor fi żmien erba’ snin.
Saħħu l-Pedament Personali Tagħkom
Hekk kif nikkontempla dwar l-erba’ snin li ġejjin fil-ħajja ta’ dan it-Tempju ta’ Salt Lake, mil-aktar nobbli, eżaltat, li jimmeraviljana u jispirana, jiena nħares lejn dan il-perjodu aktar bħala żmien ta’ tiġdid milli żmien ta’ għeluq! Bl-istess mod, aħna nafu nistaqsu lilna nfusna, “Kif jista’ dan it-tiġdid estensiv tat-Tempju ta’ Salt Lake jispirana biex inwettqu t- tiġdid, ir-rikostruzzjoni, it-twelid mill-ġdid, ir-rivitalizzazzjoni, jew ir-restawrazzjonispiritwali tagħna?”
Ħarsa introspettiva taf tiżvela li aħna u l-familji tagħna wkoll nibbenifikaw milli nagħmlu ċerta manutenzjoni u xogħol ta’ rinnovazzjoni mill-aktar meħtieġ, u anke aġġornament sismiku! Aħna nistgħu nibdew dan il-proċess billi nistaqsu:
“Kif jidher il-pedament tiegħi?”
Minn xiex hu magħmul il-ġebel tax-xewka wiesgħa, stabbli u b’saħħu li hu parti mill-pedament personali tiegħi, li fuqu tistrieħ it-testimonjanza tiegħi?”
“X’inhuma l-elementi fundamentali tal-karattru spiritwali u emozzjonali tiegħi li jagħtu lili u lill-familja tiegħi ċ-ċans li nibqgħu sodi u immobbli, saħansitra li nistgħu nifilħu għall-mumenti taċ-ċaqliq u t-taqlib sismiku li żgur nesperjenzaw f’ħajjitna?”
Dawn l-avvenimenti, l-istess bħal terrimot, ħafna drabi diffiċli tbassarhom, u jiġu f’livelli varji ta’ intensità—nitqabdu b’ċerti mistoqsijiet jew dubji, inħabbtu wiċċna ma’ sofferenza jew avversità, negħlbu offiżi personali flimkien ma’ mexxejja tal-Knisja, membri, duttrina, jew polisi. L-aqwa difiża kontra dan tinsab fil-pedament spiritwali tagħna.
X’jista’ jkun ċertu ġebel tax-xewka tal-ħajja personali u tal-familja tagħna? Jaf ikun il-prinċipji tal-evanġelju sempliċi, ċari, u prezzjużi li aħna ngħixu—it-talb tal-familja; l-istudju tal-iskrittura, inkluż il-Ktieb ta’ Mormon; l-attendenza fit-tempju; u t-tagħlim tal-evanġelju permezz ta’ Come, Follow Me u l-lejla d-dar. Riżorsi oħra ta’ għajnuna biex insaħħu l-pedament spiritwali tagħna jistgħu jinkludu l-Artikli tal-Fidi, il-proklamazzjoni tal-familja, u “Il-Kristu l-Ħaj.”
Għalija, il-prinċipji li hemm fil-mistoqsijiet li huma diskussi bħala parti milli wieħed jirċievi r-rakkomandazzjoni tat-tempju jservu bħala bażi soda għal pedament spiritwali—partikolarment l-ewwel erba’ mistoqsijiet. Jien inħares lejhom bħala ġebel tax-xewka spiritwali.
Aħna, bla dubju, familjari ma’ dawn il-mistoqsijiet, għaliex il-President Russell M. Nelson qrahomna, waħda waħda, fl-aħħar konferenza ġenerali.
-
Għandek fidi f’Alla, il-Missier Etern; f’Ibnu, Ġesù Kristu; u fl-Ispirtu s-Santu, u għandek testimonjanza tagħhom?
-
Għandek testimonjanza tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u tal-irwol tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tiegħek?
-
Għandek testimonjanza tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu?
-
Inti ssostni lill-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħala l-profeta, il-veġġent, u r-rivelatur u bħala l-uniku persuna fid-dinja awtorizzata li teżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju?8
Tistgħu taraw kif tistgħu tikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet bħala elementi prezzjużi fil-pedament personali tagħkom li jgħinukom tibnuh u tirrinforzawh? Pawlu għallem lill-Efesin dwar knisja li kienet “mibnija fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka; fiha l-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej.”9
Wieħed mill-ikbar ferħ ta’ ħajti hu meta niġi ispirat mill-membri tal-Knisja li niltaqa’ magħhom mid-dinja kollha li huma eżempju ħaj ta’ fidi f’Ġesù Kristu u fl-evanġelju tiegħu. Huma għandhom pedamenti personali sodi li jagħtuhom iċ-ċans li jifilħu għal mumenti sismiċi permezz ta’ għarfien sod, minkejja l-uġigħ il-qalb li jgħaddu minnu.
Biex nuri dan fuq livell aktar personali, m’ilux jiena tkellimt waqt il-funeral ta’ mara u omm żagħżugħa mill-aktar meraviljuża u vibranti (li hi wkoll ħabiba tal-familja tagħna.) Hi kienet plejer determinata tal-futbol tal-1 Diviżjoni meta ltaqgħet u żżewġet lil żewġha li kien student tad-dentistrija. Huma ġew imberkin b’tifla meraviljuża u prekoċi. Hi għaddiet sitt snin diffiċli tiġġieled b’kuraġġ il-kanċer f’diversi forom tiegħu. Minkejja t-tbatija emozzjonali u fiżika li kienet tesperjenza kontinwament, hi baqgħet tafda f’Missierha tas-Smewwiet kollu mħabba u spiss kienet tiġi kkwotata fuq il-midja soċjali minħabba l-frażi famuża tagħha: “Alla jinsab fid-dettall.”
F’waħda mill-posts tagħha fuq il-midja soċjali hi kitbet li xi ħadd staqsieha, “Kif għad għandek il-fidi bl-uġigħ il-qalb li qed tesperjenza?” Hi wieġbet b’dan il-kliem mill-aktar ċar: “Għaliex hi l-fidi li tgħinni nibqa’ għaddejja f’dawn iż-żminijiet mudlama. Li jkollok il-fidi ma jfissirx li mhu se jiġrilek xejn ħażin. Il-fidi li jien għandi tagħtni ċ-ċans li nemmen li se nerġa’ nara d-dawl. U dak id-dawl se jkun aktar qawwi għaliex jiena mxejt qalb id-dlam. Minkejja d-dlam kollu li jiena esperjenzajt tul is-snin, jiena rajt ferm aktar dawl minn dlam. Jiena rajt il-mirakli. Jiena ħassejt l-anġli ħdejja. Jiena kont naf li Missierna tas-Smewwiet kien qed iġorrni. Jien ma kont nesperjenza xejn minn dan kieku l-ħajja kienet faċli. Il-futur tal-ħajja tiegħi ma nafux, iżda ma nistax ngħid l-istess għall-fidi tiegħi. Jekk jien nagħżel li ma jkollix fidi mela nkun qed nagħżel li nimxi fid-dlam. Għaliex mingħajr fidi, kulma jibqa’ hu biss dlam.”10
It-testimonjanza soda tagħha ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu—permezz ta’ kliemha u għemilha—kienet ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor. Minkejja li ġisimha kien dgħajjef, hi rat kif televa lil ħaddieħor biex ikun aktar b’saħħtu.
Jien jiġu f’moħħi għadd ta’ membri tal-Knisja oħra, qalbiena bħal din l-oħt, li jimxu kuljum bil-fidi, jagħmlu li jistgħu biex ikunu dixxipli leali u kuraġġjużi tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Huma jitgħallmu dwar Kristu. Huma jxandru lil Kristu. Huma jagħmlu l-almu tagħhom biex isiru jixbhuh. Irrispettivament jekk fil-jiem ta’ ħajjithom huma jħabbtux wiċċhom ma’ art soda jew instabbli, il-pedament spiritwali tagħhom hu b’saħħtu u immobbli.
Huma dawk l-erwieħ devoti li jifhmu t-tifsira profonda tal-lirika “X’sisien sodi ferm, Qaddisin tal-Mulej” u “li Kristu s-Salvatur ir-refuġju tagħkom hu.”11 Jiena grat verament li ninsab nimxi qalb dawk li ħejjew pedament spiritwali denju tal-isem Qaddisin u li huma sodi u fermi biżżejjed li jifilħu l-ħafna taqlib tal-ħajja.
Naħseb li qatt ma nistgħu nisħqu biżżejjed l-importanza li pedament sod bħal dan għandu fil-ħajja personali tagħna. Anke f’età tenera, it-tfal tal-Primarja jiġu mgħallmin waqt li jkantaw dwar din il-verità:
Il-bniedem għaqli bena daru fuq il-blat,
U x-xita bdiet nieżla bil-qliel. …
Ix- xita niżlet, u seħħew l-għargħar,
U d-dar fuq il-blat baqgħet hemm.12
L-iskrittura tirrinforza din id-duttrina fundamentali. Is-Salvatur għallem lin-nies fil-Kontinent Amerikan:
“U jekk tagħmlu dejjem dawn il-ħwejjeġ intom tkunu mberkin, għaliex intom mibnija fuq il-blata tiegħi.
“Iżda dawk fostkom li jagħmlu aktar jew anqas minn dan mhumiex mibnija fuq il-blata tiegħi, iżda huma mibnija fuq pedament tar-ramel; u meta tinżel ix-xita, u jiġu l-għargħar, u jonfħu l-irwiefen, u jaħkmuhom, huma jċedu.”13
Hija t-tama sinċiera tal-mexxejja tal-Knisja li r-rinnovazzjoni sinifikanti tat-Tempju ta’ Salt Lake se tikkontribwixxi għat-twettiq tax-xewqa ta’ Brigham Young li jara “it-tempju mibni b’tali mod li jibqa’ wieqaf u sod tul il-millenju.” Fis-snin li ġejjin, jalla aħna nħallu dan it-titjib li qed isir fit-Tempju ta’ Salt Lake jinkuraġġina u jispirana, bħala individwi u familji, ħalli aħna wkoll—“b’mod metaforiku”— inkunu “mibnija b’tali mod li nibqgħu weqfin u sodi tul il-millenju.”
Aħna nagħmlu dan hekk kif nisimgħu minn dak li qalilna l-Appostlu Pawlu biex “naħżnu għalina infusna teżor sabiħ għal li ġej, biex bih niksbu l-ħajja, il-ħajja eterna.”14 Hija t-talba sinċiera tiegħi li l-pedament spiritwali tagħna jkun wieħed sod u kostanti, sabiex it-testimonjanza tagħna tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u tal-irwol Tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna ssir għalina l-ġebla tax-xewka tagħna, u dwar dan jiena nixhed f’ismu, l-istess Ġesù Kistu, amen.