Konferenza Ġenerali
Il-Pjan il-Kbir
Konferenza Ġenerali April 2020


Il-Pjan il-Kbir

Aħna li nafu x’inhu l-pjan ta’ Alla u li għamilna patt li lesti nipparteċipaw fih għandna responsabbiltà ċara biex ngħallmu dawn il-veritajiet.

Anke qalb dawn l-isfidi mill-aktar uniċi, aħna verament imberkin! Din il-konferenza ġenerali tatna nixxiegħa sħiħa tar-rikkezzi u l-ferħ tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Aħna ċċelebrajna l-viżjoni tal-Missier u l-Iben li tat bidu għar-Restawrazzjoni. Aħna fakkarna l-miġja mirakoluża tal-Ktieb ta’ Mormon, li l-għan ewlieni tiegħu hu li jixhed dwar Ġesù Kristu u d-duttrina tiegħu. Aħna ġejna mġeddin b’realtà ta’ ferħ tar-rivelazzjoni—lill-profeti u lilna personalment. Aħna smajna bosta testimonjanzi prezzjużi dwar l-Espjazzjoni infinita ta’ Ġesù Kristu u l-Qawmien mill-Imwiet litterali tiegħu. U aħna ġejna mgħallmin veritajiet oħra tal-milja tal-evanġelju tiegħu żvelati lil Joseph Smith wara li Alla l-Missier iddikjara lil dak li kien għadu kif issejjaħ bħala profeta: “Dan hu Ibni l-Għażiż. IsimgħU!Joseph Smith—History 1:17.

Aħna ġejna msaħħin fl-għarfien tagħna tar-restawrazzjoni tas-saċerdozju u l-imfietaħ tiegħu. Aħna ġejna mġedda fid-determinazzjoni tagħna li naraw li l-Knisja rrestawrata tal-Mulej tkun magħrufa bl-isem propju tagħha, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. U aħna ġejna mistednin biex ningħaqdu f’sawm u talb biex fil-preżent u fil-futur jittaffa l-effett tal-pandemija dinjija mill-aktar devastanti. Dalgħodu aħna ġejna ispirati permezz tal-profeta ħaj tal-Mulej li ppreżenta proklamazzjoni storika tar-Restawrazzjoni. Aħna naffermaw id-dikjarazzjoni tagħha li “dawk li bl-għajnuna tat-talb jistudjaw il-messaġġ tar-Restawrazzjoni u jaġixxu b’fidi, ikunu mberkin li jiksbu x-xhieda personali tagħhom tad-divinità tiegħu u tal-għan tiegħu li jħejji d-dinja għall-imwiegħda Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.”1

Il-Pjan

Dan kollu hu parti minn pjan divin li l-għan tiegħu hu li jagħti ċans lil ulied Alla li jiġu eżaltati u jsiru bħalU. Deskritt fl-iskrittura bħala “il-pjan kbir ta’ ferħ,” “il-pjan tal-fidwa,” u “l-pjan tas-salvazzjoni” (Alma 42:8, 11, 5), dak il-pjan—żvelat fir-Restawrazzjoni—beda permezz tal-Kunsill fis-Smewwiet. Bħala spirti, aħna xtaqna li niksbu l-ħajja eterna li kienu jgawdu l-ġenituri tagħna tas-smewwiet. L-avvanz li għamilna sa dak il-punt kien l-aktar li stajna nilħqu mingħajr esperjenza mortali f’ġisem fiżiku. Biex jipprovdilna dik l-esperjenza, Alla l-Missier ippjana li joħloq din l-art. Fil-ħajja mortali ppjanata minn qabel, aħna konna se nitħammġu bid-dnub hekk kif niffaċċjaw l-oppożizzjoni neċessarja biex nikbru spiritwalment. Aħna konna wkoll se nkunu suġġett għall-mewt fiżika. Biex jeħlisna mill-mewt u mid-dnub, il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet kellu jipprovdilna Salvatur. Il-Qawmien tiegħu mill-Imwiet kellu jifdi lil kulħadd mill-mewt, u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu kellu jħallas il-prezz neċessarju biex ilkoll nitnaddfu mid-dnub jekk nimxu mal-kundizzjonijiet preskritti biex jippromwovu t-tkabbir tagħna. L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hi fil-qofol tal-pjan tal-Missier.

Fil-Kunsill fis-Smewwiet, Missierna tas-Smewwiet introduċa l-pjan tiegħu lill-ulied spirti kollha ta’ Alla, inkluż il-konsegwenzi u l-isfidi mortali tiegħu, l-għajnuna divina tiegħu, u d-destin glorjuż tiegħu. Aħna rajna t-tmiem mill-bidu. In-numru kbir ta’ nies li twieldu f’din id-dinja għażlu l-pjan tal-Missier u ddefendewh fil-taqbida li saret wara fis-smewwiet. Ħafna għamlu wkoll ċerti patti mal-Missier dwar dak li kienu se jagħmlu fil-ħajja mortali. B’modi li għadhom ma ġewx żvelati, l-għemejjel tagħna fid-dinja tal-ispirti influwenzaw iċ-ċirkustanzi tagħna fil-ħajja mortali.

Il-Mortalità u d-Dinja tal-Ispirti

Issa fil-qosor se nsemmi xi wħud mill-elementi prinċipali tal-pjan tal-Missier kif jeffettwawna tul il-vjaġġ mortali tagħna u fid-dinja li jmiss tal-ispirti.

L-għan tal-ħajja mortali u t-tkabbir postmortali li aħna jista’ jkollna warajha hu li wlied Alla jsiru bħalu. Din hi x-xewqa li Missierna tas-Smewwiet għandu għal uliedu. Biex jiksbu dan id-destin ta’ ferħ, il-liġijiet eterni jeħtieġu li aħna nsiru esseri msoffija permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu ħalli nkunu nistgħu ngħammru fil-preżenza tal-Missier u tal-Iben u ngawdu l-barkiet tal-eżaltazzjoni. Kif jgħallem il-Ktieb ta’ Mormon, Hu jistieden “lil kulħadd biex imur għandu u jgawdi mit-tjubija tiegħu; u hu ma jirrifjuta lill-ebda bniedem li jmur għandu, iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara; u hu jiftakar il-ġnus; u kulħadd l-istess għal Alla” (2 Nephi 26:33; ara wkoll Alma 5:49).

Il-pjan divin għalina biex insiru dak li ddestinati li nsiru jeħtieġ minna li nagħżlu li niċħdu l-oppożizzjoni tal-ħażen li ġġarrab lill-bnedmin biex jaġixxu kontra l-kmandamenti ta’ Alla u l-pjan tiegħu. Jeħtieġ ukoll li aħna nkunu suġġett għal oppożizzjoni mortali oħra, bħal kaġun tad-dnubiet ta’ ħaddieħor u minħabba xi difetti tat-twelid. Xi kultant it-tkabbir meħtieġ tagħna aktar nistgħu niksbuh bis-sofferenza u l-avversità milli bil-kumdità u t-trankwilità. U din l-oppożizzjoni mortali kollha ma setgħetx tikseb l-għan etern tagħha li kieku l-intervent divin ma ħelisniex mill-konsegwenzi sfavorevoli tal-mortalità.

Il-pjan jiżvela d-destin tagħna fl-eternità, l-għan, u l-kundizzjonijiet tal-vjaġġ tagħna fil-mortalità, u l-għajnuna divina li aħna nirċievu. Il-kmandamenti ta’ Alla jwiddbuna sabiex ma nintilfux f’ċirkustanzi perikolużi. It-tagħlim ta’ mexxejja ispirati jiggwida triqitna u jagħtina ċerti assigurazzjonijiet li jippromwovu l-vjaġġ etern tagħna.

Il-pjan ta’ Alla jagħtina erba’ assigurazzjonijiet li jassistu lill-vjaġġ tagħna tul il-ħajja mortali. Kollha ġew mogħtija lilna permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, il-qofol tal-pjan. L-ewwel waħda tassigurana li permezz tas-sofferenza tiegħu għad-dnubiet li nindmu minnhom, aħna nistgħu nitnaddfu minn dawk id-dnubiet. Imbagħad l-imħallef finali mimli ħniena mhux “se jiftakarhom aktar” (Doctrine and Covenants 58:42).

It-tieni, bħala parti mill-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna, Hu ħa fuqU kull tbatija mortali oħra. Dan jagħtina ċ-ċans biex nirċievu l-għajnuna u s-saħħa divina biex inġorru t-tagħbija inevitabbli tal-mortalità, personali u ġenerali, bħal gwerra u epidemija. Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdi l-aktar deskrizzjoni skritturali ċara ta’ din il-qawwa essenzjali tal-Espjazzjoni. Is-Salvatur ħa fuqu “l-uġigħ u l-mard [u t-tbatija] tal-poplu tiegħu. … U se jieħu fuqu s-sofferenza tagħhom, sabiex hu jkun mimli bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli huwa jkun jaf, skont il-ġisem, kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:11–12).

It-tielet, is-Salvatur, permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, jirrevoka l-finalità tal-mewt u jagħtina l-assigurazzjoni ta’ ferħ li aħna lkoll se nqumu mill-mewt. Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem, “Din ir-restawrazzjoni se tolqot lil kulħadd, kemm min hu lsir kif ukoll min hu ħieles, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, kemm il-ħżiena kif ukoll it-twajbin; u saħansitra lanqas xagħra waħda minn rashom mhi se tintilef; iżda kollox se jiġi rrestawrat għall-forma perfetta tiegħu” (Alma 11:44).

Aħna niċċelebraw ir-realtà tal-Qawmien mill-Imwiet f’dan iż-żmien tal-Għid. Dan jagħtina l-perspettiva u s-saħħa biex nibqgħu nikkumbattu l-isfidi mortali li niffaċċjaw aħna lkoll u dawk li nħobbu, bħad-defiċjenzi fiżiċi, mentali, jew emozzjonali li nitwieldu bihom jew li nesperjenzaw fil-ħajja mortali tagħna. Minħabba l-Qawmien mill-Imwiet, aħna nafu li dawn id-defiċjenzi mortali huma biss temporanji!

L-evanġelju rrestawrat jassigurana li l-Qawmien mill-Imwiet jinkludi fih l-opportunità li nkunu mal-membri tal-familja tagħna—raġel, mara, tfal, u ġenituri. Dan hu inkuraġġiment mill-aktar kbir biex aħna nwettqu r-responsabbiltajiet tal-familja tagħna f’din il-ħajja mortali. Jgħinna ngħixu flimkien b’imħabba f’din il-ħajja b’antiċipazzjoni għal riunjoni u realzzjonijiet ta’ ferħ fil-ħajja li jmiss.

Ir-raba’ u finalment, ir-rivelazzjoni moderna tgħallimna li l-progress tagħna m’għandux jieqaf mal-ħajja mortali. Ftit ġie żvelat dwar din l-assigurazzjoni importanti. Aħna tgħallimna li din il-ħajja hi żmien biex nitħejjew ħalli niltaqgħu ma’ Alla u m’għandniex nipprokrastinaw l-indiema tagħna (ara Alma 34:32–33). Madankollu, aħna mgħallmin li fid-dinja tal-ispirti l-evanġelju hu mxandar saħansitra lill-“ħżiena u d-diżubbidjenti li ċaħdu l-verità” (Doctrine and Covenants 138:29) u li dawk li jiġu mgħallmin hemm għandhom il-kapaċità li jindmu qabel il-Ġudizzju Finali (ara versi 31–34, 57–59).

Dawn huma xi punti fundamentali oħra tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet:

L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jagħtina perspettiva unika dwar is-suġġett tal-kastità, taż-żwieġ, u tat-trobbija tat-tfal. Jgħallimna li ż-żwieġ skont il-pjan ta’ Alla hu neċessarju biex inwettqu l-għan tal-pjan ta’ Alla, li jipprovdi l-ambjent imfassal b’mod divin għat-twelid mortali, u biex fih il-membri tal-familja jitħejjew għall-ħajja eterna. “Iż-żwieġ hu ordnat minn Alla lill-bniedem,” qal il-Mulej, “… biex id-dinja tkun tista’ tiġġustifika l-għan tagħha” (Doctrine and Covenants 49:15–16). F’dan l-aspett, il-pjan tiegħu, bla dubju, jiffaċċja oppożizzjoni minn ċerti forzi qawwija tad-dinja fil-liġi u fid-drawwa.

Il-qawwa li toħloq il-ħajja mortali hi l-aktar qawwa eżaltata li Alla ta lil uliedu. L-użu tagħha ġie ordnat fl-ewwel kmandament lil Adam u Eva, iżda ngħata kmandament importanti ieħor li jipprojbixxi l-użu ħażin tagħha. Lil hinn mir-rabta taż-żwieġ, kull użu ieħor tal-qawwa prokreattiva hu xi ftit jew wisq dnub degradanti u perverżjoni tal-aktar attribut divin tal-bniedem. L-enfażi li l-evanġelju rrestawrat jagħmel fuq din il-liġi tal-kastità hu minħabba l-għan tal-qawwiet prokreattivi tagħna fit-twettiq tal-pjan ta’ Alla.

Xi Jmiss?

Waqt dan il-200 anniversarju tal-Ewwel Viżjoni, li tat bidu għar-Restawrazzjoni, aħna nafu l-pjan tal-Mulej u nimtlew b’kuraġġ minħabba mitejn sena ta’ barkiet tiegħu permezz tal-Knisja rrestawrata tiegħu. F’din is-sena 2020, aħna għandna dak li ħafna jirreferu għaliha bħala viżjoni 20/20 tal-ġrajjiet tal-passat.

Hekk kif inħarsu lejn il-ġejjieni, madankollu, il-viżjoni tagħna hi ferm anqas ċara. Aħna nafu li żewġ sekli wara r-Restawrazzjoni, id-dinja tal-ispirti issa tinkludi fiha ħafna ħaddiema b’esperjenza kbira mortali biex ixandru t-tagħlim li jseħħ hemmhekk. Nafu wkoll li issa aħna għandna ferm aktar tempji biex fihom inwettqu l-ordinanzi tal-eternità għal dawk li jindmu u jħaddnu l-evanġelju tal-Mulej fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Dan kollu jgħin fil-ħidma tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. L-imħabba ta’ Alla tant hi kbira li, ħlief il-ftit li deliberatament isiru wlied it-telfien, Huwa pprovda destin ta’ glorja għal kull wieħed u waħda minn uliedu (ara Doctrine and Covenants 76:43).

Aħna nafu li s-Salvatur se jerġa’ jirritorna u li se jkun hawn millennju fejn Hu se jsaltan fil-paċi li jwassal għat-tmiem tal-parti mortali tal-pjan ta’ Alla. Nafu wkoll li se jkun hawn resurrezzjonijiet differenti, tal-ġusti u tal-inġusti, bil-ġudizzju finali ta’ kull persuna dejjem iseħħ wara l-qawmien mill-imwiet tiegħu jew tagħha.

Aħna se niġu ġġudikati skont l-għemejjel tagħna, ix-xewqat ta’ qlubna, u t-tip ta’ persuna li aħna sirna. Dan il-ġudizzju se jwassal biex l-ulied kollha ta’ Alla jidħlu f’saltna ta’ glorja li kkwalifikaw għalija permezz tal-ubbidjenza tagħhom u fejn huma se jħossuhom komdi. L-imħallef ta’ dan kollu hu s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu (ara Ġwanni 5:22; 2 Nephi 9:41). L-omnixxenza tiegħu tagħtih għarfien perfett tal-għemejjel u x-xewqat kollha tagħna, kemm dawk li ma ndimniex minnhom jew ma bdilnihomx, u kemm dawk li huma tajbin jew indimna minnhom. Għalhekk, wara l-ġudizzju tiegħu aħna lkoll se nistqarru “li l-ġudizzju tiegħu hu wieħed ġust” (Mosiah 16:1).

Biex nagħlaq, se naqsam magħkom il-konvinzjoni li rċevejt minn bosta ittri u waqt li ndur il-ħafna talbiet biex membri jerġgħu lura fil-Knisja wara li isimhom kien tneħħa jew minħabba apostasija. Ħafna mill-membri tagħna ma jifhmux għal kollox dan il-pjan tas-salvazzjoni, li jwieġeb bosta mistoqsijiet dwar id-duttrina u l-polisis ispirati tal-Knisja rrestawrata. Aħna li nafu x’inhu l-pjan ta’ Alla u li għamilna patt li lesti nipparteċipaw fih għandna responsabbiltà ċara biex ngħallmu dawn il-veritajiet u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inxandruhom lil ħaddieħor fiċ-ċirkustanzi tagħna fil-ħajja mortali. Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, li jagħmel kollox possibbli, f’isem Ġesù Kristu, amen.

Nota

  1. “Ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu: Proklamazzjoni Biċentinarja lid-Dinja,” f’Russell M. Nelson, “Hear Him,” Liahona, Mejju 2020, 91.