Jiżgura Ġudizzju Ġust
Biex jiżgura ġudizzju ġust, is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tas-Salvatur l-ewwel sa tixkupa l-injoranza u x-xewk li wassal għal tant uġigħ minħabba ħaddieħor.
Il-Ktieb ta’ Mormon Jgħallem id-Duttrina ta’ Kristu
Ottubru li għadda, il-President Russell M. Nelson ippreżentalna sfida biex nikkunsidraw kemm tista’ tkun differenti ħajjitna jekk “l-għarfien li ksibna mill-Ktieb ta’ Mormon f’daqqa waħda jitteħdilna”1 Jiena qgħadt nixtarr il-mistoqsija tiegħu, kif jiena żgur li għamlu ħafna minnkom. Ħsieb partikolari feġġ f’moħħi ripetutament—mingħajr il-Ktieb ta’ Mormon u l-mod ċar kif jitkellem dwar id-duttrina ta’ Kristu u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu, fejn nista’ nfittex il-paċi?
Id-duttrina ta’ Kristu—li tikkonsisti fil-prinċipji tas-salvazzjoni u fl-ordinanzi ta’ fidi fi Kristu, l-indiema, il-magħmudija, id-don tal-Ispirtu s-Santu, u li nibqgħu nirreżistu sat-tmiem—hi mgħallma ħafna drabi tul l-iskrittura kollha tar-Restawrazzjoni iżda nsibuha b’qawwa partikolari fil-Ktieb ta’ Mormon.2 Id-duttrina tibda bil-fidi fi Kristu, u kull wieħed mill-elementi tagħha jiddependi f’kemm aħna nafdaw fis-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu.
Kif għallem il-President Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdi l-aktar għarfien sħiħ u awtorevoli tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu li aħna nistgħu nsibu fost il-kotba kollha tal-iskrittura.”3 Aktar ma aħna nifmu dwar id-don divin tas-Salvatur, aktar aħna nsiru nafu, f’moħħna u f’qalbna,4 ir-realtà tal-assigurazzjoni li tana l-President Nelson li “il-veritajiet tal-ktieb ta’ Mormon għandhom il-qawwa li jfejqu, ifarrġu, jirrestawraw, jgħinu, jikkonslaw, u jferrħu l-erwieħ.”5
L-Espjazzjoni tas-Salvatur Tissodisfa d-Domanda tal-Ġustizzja
F’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien tagħna dwar l-Espjazzjoni tas-Salvatur, kontribut importanti, u li jwasslilna l-paċi, tal-Ktieb ta’ Mormon hu t-tagħlim tiegħu li s-sagrifiċċju kollu ħniena ta’ Kristu jissodisfa d-domanda kollha tal-ġustizzja. Kif spjega Alma: “Alla nnifsu patta għad-dnubiet tad-dinja, biex iġib fis-seħħ il-pjan ta’ ħniena, biex jissodisfa d-domanda tal-ġustizzja, biex Alla jkun jista’ jkun Alla perfett u ġust, kif ukoll Alla kollu ħniena.”6 Il-pjan ta’ ħniena tal-Missier7—dak li l-iskrittura ssejjaħlu wkoll il-pjan ta’ ferħ8 jew il-pjan tas-salvazzjoni9—ma jistax jiġi fis-seħħ sakemm ma tintlaħaqx id-domanda tal-ġustizzja.
Iżda x’inhi eżattament “id-domanda tal-ġustizzja”? Ikkunsidraw ftit l-esperjenza ta’ Alma. Ftakru li, meta kien għadu żagħżugħ, Alma beda jipprova “jeqred il-knisja.”10 Fil-fatt, Alma qal lil ibnu Ħelaman li hu kien ġie “itturmentat bl-uġigħ tal-infern” għaliex hu spiċċa biex “qatel ħafna minn ulied Alla” billi “wassalhom għall-qerda.”11
Alma spjega lill-Ħelaman li finalment huwa kiseb il-paċi meta “f’moħħu feġġ” it-tagħlim ta’ missieru “dwar il-miġja ta’ … Ġesù Kristu … biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja.”12 In-niedem Alma talab għall-ħniena ta’ Kristu13 u mbagħad ħass fih il-ferħ u s-serħan meta hu rrealizza li Kristu kien patta għal dnubietu u ħallas dak kollu li kienet qed titlob il-ġustizzja. Għal darb’oħra, x’kienet teħtieġ il-ġustizzja minn Alma? Kif Alma nnifsu għallem aktar tard, “l-ebda ħaġa maħmuġa ma tista’ tiret is-saltna ta’ Alla.”14 Għalhekk, parti mis-serħan li ħass fih Alma seta’ kien li, kieku l-ħniena ma interċeditx, il-ġustizzja kienet se żżommu milli jerġa’ lura biex jgħix ma’ Missierna tas-Smewwiet.15
Is-Salvatur Ifejjaq il-Ġrieħi li Aħna Ma Nistgħux Infejqu
Iżda l-ferħ ta’ Alma kien iffokat biss fuqu nnifsu—fuq li hu evita l-kastig u li hu seta’ jerġa’ lura għand il-Missier? Aħna nafu li Alma ħassu mnikket ukoll minħabba dawk li hu kien biegħed mill-verità.16 Iżda Alma nnifsu ma setax ifejjaq u jirrestawra lil dawk li huwa kien biegħed. Huwa nnifsu ma setax jiżgura li huma kienu se jingħataw opportunità xierqa biex jitgħallmu d-duttrina ta’ Kristu u jiġu mberkin billi jgħixu l-prinċipji tiegħu ta’ ferħ. Huwa ma setax iġib lura lil dawk li setgħu mietu waqt li kienu għadhom għomja bit-tagħlim falz tiegħu.
Kif darba għallem il-President Boyd K. Packer: “Il-ħsieb li ħeles lil Alma … hu dan: Li jirrestawra dak li ma tistax tirrestawra, li jfejjaq il-ġerħa li ma tistax tfejjaq, li jsewwi dak li int kissirt u ma tistax issewwi huwa sewwasew l-għan tal-espjazzjoni ta’ Kristu.”17 Il-verità kollha ferħ li “feġġet” f’moħħ Alma, ma kenitx biss li hu nnifsu seta’ jindaf iżda wkoll li dawk li huwa kien weġġa’ setgħu jfiequ.
Is-Sagrifiċċju tas-Salvatur Jiżgura Ġudizzju Ġust
Snin qabel Alma ġie meħlus minn din id-duttrina ta’ faraġ, is-Sultan Benjamin għallem dwar il-kobor tal-fejqan li hu offrut lilna permezz tas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur. Is-Sultan Benjamin iddikjara li “l-bxara t-tajba ta’ ferħ kbir” ingħatat lilu “minn anġlu mibgħut minn Alla.”18 Dik il-bxara t-tajba kienet tinkludi l-verità li Kristu kien se jsofri u jmut għad-dnubiet u l-iżbalji tagħna biex jiżgura li jkun hemm “ ġudizzju ġust fuq ulied il-bnedmin.”19
X’jirrikjedi eżatt “ġudizzju ġust”? Fil-vers ta’ wara, is-Sultan Benjamin spjega li, biex jiżgura ġudizzju ġust, demm is-Salvatur patta “għad-dnubiet ta’ dawk li waqgħu permezz tal-ħtija ta’ Adam” u għal dawk “li mietu mingħajr ma kienu jafu r-rieda ta’ Alla għalihom, jew li dinbu bla ma jafu.”20 Huwa għallem li ġudizzju ġust jeħtieġ ukoll li “id-demm ta’ Kristu jpatti” għad-dnubiet tat-tfal żgħar.21
Din l-iskrittura tgħallem duttrina glorjuża:is-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur tfejjaq, bħala rigal b’xejn, lil dawk li jidinbu bla ma jafu—dawk li lilhom, kif poġġieha Ġakobb, “ma ngħatat ebda liġi.”22 Ir-responsabbiltà ta’ għemilna minħabba d-dnub tiddependi fuq id-dawl li ngħatajna u tiddependi wkoll fuq l-abbiltà tagħna li neżerċitaw il-volontà tagħna.23 Din il-verità li tfejjaq u tfarraġ nafuha biss mill-Ktieb ta’ Mormon u minn skrittura oħra tar-Restawrazzjoni.24
Bla dubju, fejn tiġi mogħtija l-liġi, fejn aħna nkunu nafu bir-rieda ta’ Alla, aħna nkunu responsabbli ta’ għemilna. Kif enfasizza s-Sultan Benjamin: “Ħażin għalih min jaf u jirribella kontra Alla! Għax is-salvazzjoni tista’ tinkiseb biss permezz tal-indiema u l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu.”25
Din ukoll hija l-bxara t-tajba tad-duttrina ta’ Kristu. Mhux biss is-Salvatur ifejjaq u jirrestawra lil dawk li jidinbu bla ma jafu iżda wkoll, għal dawk li jidinbu kontra d-dawl, is-Salvatur joffri l-fejqan dejjem jekk huma jindmu u jkollhom il-fidi fih.26
Jista’ jkun li f’moħħ Alma “feġġew” dawn iż-żewġ veritajiet. Seta’ Alma ħass dak li hu ddeskriva bħala “ferħ … skwiżit”27 jekk hu ħaseb li Kristu salva lilu iżda ħalla feruti lil dawk li huwa biegħed mill-verità? Bla dubju li le. Għax biex Alma ħass daqshekk paċi, dawk li huwa weġġa’ wkoll kienu jeħtieġu l-opportunità li jfiequ.
Iżda kif eżattament huma—jew dawk li aħna nistgħu nweġġgħu—jistgħu jfiequ? Minkejja li aħna ma nistgħux nifhmu għal kollox it-teknika sagra li permezz tagħha s-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur ifejjaq u jirrestawra, aħna nafu li biex jiżgura ġudizzju ġust, is-Salvatur l-ewwel sa jixkupa l-injoranza u x-xewk li wassal għal tant uġigħ minħabba ħaddieħor.28 Permezz ta’ dan Huwa jassigurana li l-ulied kollha ta’ Alla se jingħataw l-opportunità, b’viżjoni ċara, li jagħżlu huma jekk iridux jagħżlu li jimxu warajh u jaċċettaw il-pjan kbir ta’ ferħ.29
Is-Salvatur Se Jsewwi Dak Kollu Li Aħna Kissirna
Huma dawn il-veritajiet li ġabulu daqstant paċi lil Alma. U huma dawn il-veritajiet li jistgħu jġibu lilna wkoll paċi kbira. Bħala nies naturali, aħna lkoll nolqtu, u xi kultant naħbtu, ma’ xulxin, u nweġġgħu. Kif jista’ jixhed kull ġenitur, l-uġigħ assoċjat mal-iżbalji tagħna mhuwiex sempliċiment il-biża’ għall-kastig tagħna iżda l-biża’ li aħna stajna llimitajna l-ferħ ta’ wliedna jew b’xi mod żammejniehom milli jaraw u jifhmu l-verità. Il-wegħda glorjuża tas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur hija li, fejn jidħlu l-iżbalji tagħna bħala ġenituri, Huwa jżomm lil uliedna bla ħtija u jwegħidhom il-fejqan.30 U anke meta huma jidinbu kontra d-dawl—kif aħna nagħmlu lkoll—id-driegħ Tiegħu tal-ħniena jinsab lest biex jilħaqhom31 u Huwa jifdihom jekk huma jagħżlu li jħarsu lejh u jgħixu.32
Minkejja li s-Salvatur għandu l-qawwa li jsewwi dak li aħna ma nistgħux insewwu, Hu jitlobna biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dan it-tiġdid isir parti mill-indiema tagħna.33 Dnubietna u l-iżbalji tagħna ibiegħdu mhux biss ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla iżda wkoll ir-relazzjoni tagħna ma’ ħaddieħor. Xi kultant kulma jkun hemm bżonn biex aħna nfiequ u niġu rrestawrati hu biss sempliċiment apoloġija, iżda drabi oħra t-tiġdid jaf jeħtieġ snin sħaħ ta’ sforz umli.34 Madankollu, għal ħafna mid-dnubiet u l-iżbalji tagħna, aħna sempliċiment mhux se nkunu kapaċi nfejqu għal kollox lil dawk li nkunu weġġajna. Il-wegħda meraviljuża u li twasslilna l-paċi li hemm fil-Ktieb ta’ Mormon u fl-evanġelju rrestawrat hi li s-Salvatur se jsewwi dak kollu li aħna nkunu kissirna.35 U Hu lest li jfejjaq lilna wkoll jekk aħna nduru lejh b’fidi u nindmu mill-ħsara li nkunu kkawżajna.36 Hu joffrilna dawn iż-żewġ rigali għaliex Huwa jħobbna lkoll b’imħabba perfetta37 u għaliex Huwa determinat li jiżgura li jsir ġudizzju ġust li jonora kemm il-ġustizzja kif ukoll il-ħniena. Nixhed li dan hu veru f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.