Konferenza Ġenerali
L-Ifjen Djar
Konferenza Ġenerali April 2020


L-Ifjen Djar

Is-Salvatur huwa l-aqwa inġinier, bennej, u disinjatur interjuri. Il-proġett tiegħu huwa l-perfezzjoni u l-ferħ etern ta’ ruħna.

M’ilux verament laqatni billbord li rajt fil-Belt ta’ Salt Lake. Kien qed jirriklama kumpanija tal-għamara u tad-disinn interjuri. Kien sempliċiment jiddikjara, “Inservu l-Ifjen Djar fil-Belt ta’ Salt Lake.”

Il-messaġġ kien wieħed li jolqtok—x’inhi “l-ifjen dar”? Għaddejt ħin mhux ħażin naħseb dwar dik il-mistoqsija, speċjalment fejn jidħlu t-tfal li rabbejna jien u marti, Kathy, u t-tfal li jinsabu jrabbu llum. Bħal kull ġenitur ieħor ma’ kullimkien, aħna konna ninkwetaw għall-familja tagħna u dejjem tlabna għaliha. Hekk għadna nagħmlu. Aħna rridu verament l-aħjar għalihom. Kif jistgħu huma u wliedhom jgħixu fl-ifjen djar? Jiena għamilt ħin nirrifletti dwar id-djar tal-membri tal-Knisja li jien u Kathy kellna l-privileġġ li nżuru. Aħna ġejna mistednin inżuru djar fil-Korea u l-Kenya, fil-Filippini u l-Peru, fl-Laos u fil-Latvja. Ippermettuli naqsam magħkom erba’ osservazzjonijiet dwar l-ifjen djar.

L-ewwel, mill-perspettiva tal-Mulej, li nistabbilixxu l-ifjen djar għandu x’jaqsam biss mal-kwalitajiet personali tan-nies li joqogħdu fihom. Dawn id-djar ma jsirux fini b’mod importanti jew dejjiem minħabba l-għamara tagħhom jew kemm jiswew flus jew minħabba l-istatus soċjali tan-nies li huma sidien tagħhom. L-aktar karatteristiċi fini ta’ kwalunkwe dar hija l-immaġni ta’ Kristu li tirrifletti fir-residenti tad-dar. L-aktar ħaġa importanti huwa d-disinn ta’ ġewwa ta’ ruħ l-abitanti, mhux l-istruttura nnifisha.

Il-kwalitajiet ta’ Kristu huma meħtieġa fil-“proċess taż-żmien”1 billi intenzjonalment nimxu ’l quddiem fit-triq tal-patt. Il-kwalitajiet Kristjani jżejnu l-ħajja ta’ dawk li jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħixu fit-tjubija. Huma jimlew djarhom bid-dawl tal-evanġelju, irrelevanti jekk l-art hijiex tat-tajn jew tal-irħam. Anke jekk int l-uniku persuna fid-dar tagħkom li timxi mat-twissija “fittex dawn l-affarijiet,”2 inti tista’ tikkontribwixxi għall-għamara spiritwali tad-dar tal-familja tagħkom.

Aħna nimxu wara l-parir tal-Mulej biex “norganizzaw irwieħna; inħejju kull ħaġa neċessarja; u nistabbilixxu dar” billi norganizzaw, inħejju, u nistabbilixxu l-ħajja spiritwali tagħna, mhux il-bini tal-ġebel. Hekk kif bil-paċenzja kollha aħna nibqgħu nimxu fit-triq tal-patt tas-Salvatur, id-dar tagħna ssir, “dar ta’ glorja, dar ta’ ordni, u dar ta’ Alla.”3

It-tieni, ir-residenti fl-ifjen djar jiddedikaw ħin biex kull jum huma jistudjaw l-iskrittura u l-kliem tal-profeti ħajjin. Il-President Russell M. Nelson stedinna biex “nittrasformaw” u “nimmudellaw mill-ġdid” djarna permezz tal-istudju tal-evanġelju.4 L-istedina tiegħu tagħraf li l-ifjen djar iħaddnu fihom il-ħidma ħelwa u importanti tat-tkabbir personali u l-immudellar mill-ġdid tad-dgħjufijiet tagħna. L-indiema ta’ kuljum tagħna hi għodda trasformattiva li tagħtina ċ-ċans li nsiru aktar twajbin, u li nsiru nafu nħobbu u nifhmu lil ħaddieħor aktar. Li nistudjaw l-iskrittura jressaqna aktar viċin is-Salvatur, li l-imħabba ġeneruża u l-grazzja tiegħu jgħinuna fil-progress tagħna.

Il-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon, u l-Ġawhra li Tiswa Ħafna fihom għad ta’ stejjer dwar il-familji, għalhekk mhux sorpriża li dawk il-volumi divini huma manwali inkomparabbli kif nistgħu nibnu l-ifjen djar. Huma jitkellmu dwar it-tħassib tal-ġenituri, il-periklu tat-tentazzjoni, it-trijonf tas-sewwa, l-isfidi tal-ġuħ u l-abbundanza, u t-terrur tal-gwerra u l-premju tal-paċi. Għal bosta drabi l-iskrittura turina kif il-familji jirnexxu jekk aħna ngħixu ħajja tajba u jfallu jekk naqbdu toroq oħra.

It-tielet, l-ifjen djar jimxu wara l-pjan li ħoloq il-Mulej għall-ifjen dar tiegħu, it-tempju. Biex nibnu tempju jeħtieġ li nibdew bl-ewwel passi bażiċi—innaddfu l-art u nillixxawha. Dawk l-isforzi tal-bidu fit-tħejjija tal-art nistgħu nqabbluhom ma’ meta aħna nħarsu l-kmandamenti bażiċi. Il-kmandamenti huma s-sisien li fuqhom nibnu ħajjitna bħala dixxipli. Li nkunu dixxipli determinati iwassalna biex insiru fermi, sodi, u immobbli,5 bħall-qafas tal-ħadid tat-tempju. Dan il-qafas tal-ħadid jagħti ċans lill-Mulej sabiex jibgħat l-Ispirtu tiegħu biex jgħinna nagħmlu bidla f’qalbna.6 Li nesperjenzaw bidla setgħana f’qalbna hi bħallikieku qed inżidu d-dekor sabiħ fuq in-naħa ta’ ġewwa tat-tempju.

Hekk kif inkomplu mexjin bil-fidi, il-Mulej gradwalment jibdilna. Aħna nirċievu l-immaġni tiegħu fuq wiċċna u nibdew nirriflettu l-imħabba u s-sbuħija tal-karattru tiegħu.7 Hekk kif insiru aktar nixbhuh, aħna nħossuna komdi fid-dar tiegħu, u Hu jħossu komdu fid-dar tagħna.

Aħna nistgħu nżommu darna f’kuntatt mill-viċin ma’ daru billi nikkwalifikaw għal rakkomandazzjoni tat-tempju u nużawha ta’ spiss skont kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi. Hekk kif nagħmlu dan, il-qdusija tad-dar tal-Mulej tibda tinħass ukoll f’darna.

It-Tempju meraviljuż ta’ Salt Lake jinsab viċin fejn ninsabu bħalissa. Mibni minn pijunieri b’għodda mill-aktar bażika, b’materjal lokali u b’ħidma iebsa ma taqta’ xejn, it-tempju dam jinbena mill-1853 sal-1893. L-aqwa li l-ewwel membri tal-Knisja kellhom x’joffru f’dak li huwa inġinerija, arkitettura, u disinn interjuri wassal għall-ħolqien ta’ kapolavur li hu rikonoxxut minn miljuni ta’ nies.

Għaddew kważi 130 sena minn meta t-tempju ġie ddedikat. Kif innota l-bieraħ il-Presbiteru Gary E. Stevenson, il-prinċipji tal-inġinerija li ġew użati biex jiġi ddisinjat it-tempju ġew aġġornati bi standards ġodda u aktar siguri. Jekk nonqsu milli nsaħħu l-inġinerija tat-tempju u nsewwu d-dgħjufijiet li hemm fl-istruttura nkunu qed nittradixxu l-fiduċja tal-pijunieri, li għamlu dak kollu li setgħu u mbagħad fdaw it-tempju f’idejn il-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.

Il-Knisja tat bidu għal proġett ta’ restawr li se jieħu mal-erba’ snin biex ittejjeb is-saħħa strutturali u sismika tat-tempju.8 Il-pedament, l-art, u l-ħitan se jissaħħu. L-aqwa għarfien fl-inġinerija disponibbli fi żmienna se jagħmel it-tempju konferma mal-istandards moderni. Aħna mhux se nkunu kapaċi naraw xi tibdil strutturali, iżda l-effett tiegħu se jkun wieħed reali u importanti. F’din il-ħidma kollha, ix-xogħol mill-isbaħ tad-disinn interjuri tat-tempju se jiġi ppreservat.

Aħna għandna nimxu wara l-eżempju li ngħatajna permezz tar-rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake u niddedikaw ħin biex nevalwaw l-inġinerija sismika u spiritwali tagħna bħala individwi ħalli niżguraw li hi aġġornata. Li minn żmien għall-ieħor nagħtu ħarsa lejna nfusna, kif ukoll nistaqsu lill-Mulej, “X’jonqosni iżjed?”9 jista’ jgħin lilna lkoll nikkontribwixxu għall-bini tal-ifjen dar.

Ir-raba’, l-ifjen djar huma refuġju mill-maltemp tal-ħajja. Il-Mulej wiegħed li dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla “jistagħnew fl-art.”10 Il-prosperità ta’ Alla hi l-qawwa li nibqgħu mexjin ’il quddiem minkejja l-problemi tal-ħajja.

Fl-2002 jiena tgħallimt lezzjoni mill-aktar importanti dwar il-problemi. Meta kont f’Asunción, fil-Paraguay, jiena ltqajt mal-presidenti tal-wited tal-belt. F’dak iż-żmien, il-Paraguay kien għaddej minn kriżi finanzjarja kbira, u bosta membri tal-Knisja kienu qed ibatu u ma kenux qed ilaħħqu mal-ħajja. Minn wara l-missjoni tiegħi ’l hawn qatt ma kont erġajt żort l-Amerka t’Isfel u qatt ma kont mort il-Paraguay. Kont ili nservi fil-Presidenza Reġjonali għal ftit ġimgħat biss. Inkwetat xi ftit dwar l-inabbilità tiegħi li niggwida lil dawk il-presidenti tal-wited, jiena għidtilhom biex jgħiduli biss x’kienu l-affarijiet li kienu sejrin tajjeb fl-utied tagħhom. L-ewwel president tal-wited kellimni dwar ħwejjeġ li kienu sejrin tajjeb. Ta’ warajh semma affarijiet li kienu sejrin tajjeb kif ukoll xi ftit problemi. Meta kien imiss l-aħħar president tal-wited, huwa semma biss sensiela ta’ sfidi inkwetanti. Hekk kif il-presidenti tal-wited bdew jispjegaw il-gravità tas-sitwazzjoni, jiena bdejt ninkwieta mhux ħażin, u ħassejtni kważi niddispra dwar x’kelli ngħid.

Filwaqt li l-aħħar president tal-wited kien qed jikkonkludi l-kummenti tiegħu, feġġ ħsieb f’moħħi: “Presbiteru Clayton, staqsihom din il-mistoqsija: ‘Presidenti, minn fost il-membri tal-utied tagħkom li jħallsu dieċmi sħiħa, iħallsu offerta tas-sawm ġeneruża, jagħmlu ġieħ lis-sejħiet tagħhom fil-Knisja, li fil-fatt iżuru l-familji tagħhom kull xahar bħala għalliema tad-dar jew għalliema taż-żjajjar11 , jagħmlu lejla d-dar mal-familja, jistudjaw l-iskrittura, u kuljum jitolbu bħala familja, kemm minnhom għandhom problemi li ma jistgħux iġorru weħidhom mingħajr mal-Knisja jkollha tintervjeni u ssolvi l-problemi għalihom?”

Biex nagħmel skont is-suġġeriment li kont irċevejt, jiena staqsejt dik il-mistoqsija lill-presidenti tal-wited.

Sorpriżi, huma ħarsu lejja f’mument ta’ silenzju u mbagħad qaluli , “Pues, ninguno,” jiġifieri, “Mela, ħadd minnhom.” Imbagħad qaluli li ħadd mill-membri li kienu qed jagħmlu dan kollu ma kellhom problemi li ma kinux kapaċi jsolvu weħidhom. Għalfejn? Għaliex huma kienu jgħixu fl-ifjen djar. Il-ħajja fidila tagħhom kienet tipprovdilhom il-qawwa, il-viżjoni, u l-għajnuna divina li kienu jeħtieġu waqt l-inkwiet ekonomiku li kellhom madwarhom.

Dan ma jfissirx li t-twajbin ma jimirdux, ma jsofrux inċidenti, ma jħabbtux wiċċhom ma’ problemi ta’ xogħol, jew ma jkollomx jaffrontaw bosta diffikultajiet oħra fil-ħajja. Din il-ħajja mortali dejjem se ġġib magħha għadd ta’ sfidi, iżda ma nafx kemm-il darba jiena rajt li dawk li jagħmlu l-almu tagħhom biex jobdu l-kmandamenti jiġu mberkin li jsibu triqithom ’il quddiem bil-paċi u t-tama. Dawk il-barkiet huma disponibbli għal kulħadd.12

David iddikjara, “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.”13 Toqogħdu fejn toqogħdu, hi kif inhi d-dehra tad-dar tagħkom, u l-kompożizzjoni tal-familja tagħkom, intom tistgħu tgħinu tibnu l-ifjen dar għall-familja tagħkom. L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jipprovdilna l-pjanijiet għal dik id-dar. Is-Salvatur huwa l-aqwa inġinier, bennej, u disinjatur interjuri. Il-proġett tiegħu huwa l-perfezzjoni u l-ferħ etern ta’ ruħna. Permezz tal-għajnuna kollha mħabba tiegħu, ruħkom tista’ tkun dak kollu li Hu jridha tkun u intom tistgħu tkunu l-ifjen verżjoni tagħkom infuskom, preparati biex tistabbilixxu u tgħixu fl-ifjen dar.

Jiena nixhed bi gratitudni li l-Alla u l-Missier tagħna lkoll jgħix. Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu, hu s-Salvatur u l-Feddej tal-umanità kollha. Huma jħobbuna b’mod perfett. Il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Zmien hija s-saltna tal-Mulej fuq l-art. Profeti u appostli ħajjin jinsabu jiggwidawna llum. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa veru. L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu hu l-mod perfett li jgħinna nistabbilixxu l-ifjen djar. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja