Konferenza Ġenerali
Ikkunsidraw it-Tjubija u l-Kobor ta’ Alla
Konferenza Ġenerali April 2020


Ikkunsidraw it-Tjubija u l-Kobor ta’ Alla

Jiena nistedinkom biex kuljum tiftakru fil-kobor ta’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu u x’għamlu għalikom.

Tul iż-żminijiet, anke u speċjalment fi żmien diffiċli, il-profeti dejjem ħeġġewna sabiex niftakru fil-kobor ta’ Alla u nikkunsidraw dak li Hu għamel għalina bħala individwi, bħala familji, u bħala poplu.1 Din id-direzzjoni nsibuha fl-iskrittura kollha iżda hi l-aktar prominenti fil-Ktieb ta’ Mormon. Il-paġna tat-titlu tispjega li wieħed mill-għanijiet tal-Ktieb ta’ Mormon hu “li juri lill-bqija tad-dar ta’ Iżrael kemm għamel ħwejjeġ kbar għal missirijiethom il-Mulej.”2 Il-konklużjoni tal-Ktieb ta’ Mormon tinkludi fiha l-appell ta’ Moroni: “Araw, jien nitlobkom li meta se taqraw dawn il-ħwejjeġ … li tiftakru kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin … u tixtarruhom f’qalbkom.”3

Il-konsistenza tal-appelli tal-profeti biex nirriflettu dwar it-tjubija ta’ Alla hija impressjonanti.4 Missierna tas-Smewwiet iridna niftakru fit-tjubija tiegħu u ta’ Ibnu l-Maħbub, mhux għall-gratifikazzjoni tagħhom iżda minħabba l-influwenza li dan iħalli fuqna. Jekk aħna nikkunsidraw it-tjubija tagħhom, il-perspettiva u l-għarfien tagħna jikbru. Jekk aħna nirriflettu fuq il-kompassjoni tagħhom, aħna nsiru aktar umli, devoti, u determinati.

Esperjenza mill-aktar emozzjonanti li jiena kelli ma’ raġel li kien pazjent tiegħi turi kif il-gratitudni għall-ġenerożità u l-kompassjoni jistgħu jittrasformawna. Fl-1987, jiena ltqajt ma’ Thomas Nielson, raġel meraviljuż li kien jeħtieġ trapjant tal-qalb. Huwa kellu 63 sena u kien joqgħod ġewwa Logan, f’Utah, fl-Istati Uniti. Wara li serva fil-militar fil-Tieni Gwerra Dinjija, huwa żżewweġ lil Donna Wilkes ġewwa t-Tempju ta’ Logan, f’Utah. Huwa sar bennej mill-aktar enerġetiku u ta’ suċċess. Fis-snin ta’ wara huwa kien jieħu gost jaħdem speċjalment man-neputi l-kbir tiegħu, Jonathan, waqt il-vaganzi tal-iskola. It-tnejn li huma żviluppaw relazzjoni speċjali bejniethom l-aktar peress li Tom kien jara f’Jonathan persuna bl-istess karatteristiċi tiegħu.

Kien ta’ frustrazzjoni għal Tom li joqgħod jistenna li jfeġġ xi donatur ta’ qalb. Hu ma kienx partikolarment bniedem paċenzjuż. Hu dejjem irnexxielu jagħmel u jwettaq l-għanijiet tiegħu permezz ta’ xogħol iebes u determinazzjoni kbira. Peress li kien qed ibati b’qalbu, u dan beda jaffettwalu l-kwalità ta’ ħajtu, Tom spiss kien jistaqsini jekk kontx qed nagħmel xi ħaġa biex inħaffef il-proċess. B’ċajta, huwa ssuġġerixxa xi modi kif jiena stajt nikseb xi qalb ta’ donatur kemm jista’ jkun malajr.

Jum ta’ ferħ iżda terribbli, tfaċċat qalb ta’ donatur li kienet mill-aktar ideali għal Tom. Id-daqs u t-tip ta’ demm kienu jaqblu eżatt, u d-donatur kien għadu żgħir, kulma kellu 16-il sena. Il-qalb tad-donatur kienet ta’ Jonathan, il-maħbub neputi ta’ Tom. Aktar kmieni dak inhar, Jonathan kien weġġa’ b’mod fatali meta l-karozza li kien qed isuq intlaqtet minn ferrovija li kienet għaddejja.

Meta jiena mort inżur lil Tom u lil Donna fl-isptar, huma kienu qishom ras maqtugħa. Diffiċli wieħed jimmaġina kif kienu qed iħossuhom, meta jafu li l-ħajja ta’ Tom setgħet titwal jekk jużaw il-qalb tan-neputi tagħhom. Għall-ewwel, huma rrifjutaw li jikkunsidraw il-qalb offruta lilhom mill-ġenituri u l-aħwa mnikktin ta’ Jonathan. Tom u Donna kienu jafu, madankollu, li Jonathan kien mejjet minn moħħu, u bdew jifhmu li t-talb tagħhom li Tom isib donatur ta’ qalb ma kienx il-kaġun tal-aċċident ta’ Jonathan. Le, qalb Jonathan kienet rigal li seta’ jbierek lil Tom fi żmien ta’ bżonn. Huma għarfu li xi ħaġa tajba setgħet toħroġ minn din it-traġedja u ddeċidew li kellna nibdew bil-proċess.

Il-proċeduri tat-trapjant marru tajjeb. Wara, Tom ħassu bniedem differenti. Il-bidla ma kenitx biss li saħħtu tjiebet jew li l-gratitudni tiegħu kibret. Huwa qalli li kull filgħodu huwa kien joqgħod jirrifletti dwar Jonathan, dwar bintu u r-raġel tagħha, u dwar ir-rigal li huwa rċieva, u x’ġab miegħu dak ir-rigal. Għalkemm l-umoriżmu tajjeb u spontanju tiegħu u d-determinazzjoni tiegħu kienu għadhom jidhru fih, jiena osservajt li Tom kien sar aktar solenni, ġentili, u twajjeb.

Tom għex 13-il sena oħra minn wara li sarlu t-trapjant, snin li kieku ma kienx se jgħixhom. L-obitwarju tiegħu kin jgħid li dawn is-snin tawh ċans jinfluwenza fit-tajjeb il-ħajja tal-familja tiegħu u ta’ oħrajn bil-ġenerożità u l-imħabba. Huwa kien benefattur privat u eżempju ta’ ottimiżmu u determinazzjon.

L-istess bħal Tom, kull wieħed u waħda minna rċevejna ċerta rigali li ma stajniex nipprovdu għalina nfusna, rigali mingħand Missierna tas-Smewwiet u l-Iben il-Maħbub tiegħu, inkluż il-fidwa permezz tas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.5 Aħna ksibna l-ħajja f’din id-dinja; aħna se nirċievu l-ħajja fiżika f’li ġejja, u s-salvazzjoni eterna u l-eżaltazzjoni—jekk din tkun l-għażla tagħna—dak kollu grazzi għal Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Kull darba li nużaw dawn ir-rigali, u nibbenifikaw minnhom jew naħsbu dwarhom, jeħtieġ nikkunsidraw is-sagrifiċċju, il-ġenerożità, u l-kompassjoni ta’ dawk li tawhomna. Il-qima tagħna lejn dawk li tawhomna mhux biss tagħmilna grati. Li aħna nirriflettu dwar ir-rigali tagħhom jista’ u għandu jittrasformana.

Trasformazzjoni mill-aktar meraviljużi kienet dik ta’ Alma ż-Żgħir. Kif Alma “kien qed jirribella kontra Alla,”6 deher anġlu. B’ “leħen iriegħed,”7 l-anġlu ċanfar lil Alma talli kien qed jippersegwita lill-Knisja u “jisraq qalb in-nies.”8 L-anġlu widdbu wkoll: “Mur, u ftakar fil-jasar ta’ missirijietek …; u ftakar kemm għamel magħhom għemejjel kbar Alla.”9 Fost kull ħaġa oħra possibbli li seta’ qallu, dan kien li enfasizza l-anġlu.

Alma nidem u ftakar. Aktar tard hu qasam ma’ ibnu Ħelaman x’kien qallu l-anġlu. Alma tah dan il-parir, “Irridek tagħmel dak li għamilt jien, li tiftakar fil-jasar ta’ missirijietna; għax huma kienu fil-jasar, u ħadd ma seta’ jeħlishom ħlief l-Alla ta’ Abraham, … ta’ Iżakk, u … ta’ Ġakobb; u hu fil-fatt ħelishom mis-sofferenza tagħhom.”10 Alma sempliċiment qal, “Jiena fdajt fih.”11 Alma fehem li meta aħna niftakru fil-ħelsien mill-jasar u fis-sapport li nirċievu waqt “kull tip ta’ sfida u nkwiet,” aħna nsiru aktar lil Alla u dwar iċ-ċertezza tal-wegħdiet tiegħu.12

Ftit li xejn minna għaddejna minn esperjenza drammatika daqs ta’ Alma, madankollu it-trasformazzjoni tagħna tista’ tkun waħda daqstant profonda. Fi żmien il-qedem is-Salvatur wiegħed:

“U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel … , u nagħtikom qalb tal-laħam flokha.

“U nqiegħed ruħi ġo fikom. …

“… U intom tkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun Alla tagħkom.”13

Is-Salvatur imqajjem mill-imwiet qal lin-Nefiti kif tibda din it-trasformazzjoni. Huwa identifika ħaġa mill-aktar kruċjali fil-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet meta qal:

“U Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is-salib; u wara li nittella’ fuq is-salib, inkun nista’ inressaq il-bnedmin kollha lejja. …

“U għal din il-kawża jien ġejt mgħolli ’l fuq; għalhekk, skont il-qawwa tal-Missier jiena nressaq il-bnedmin kollha lejja.”14

Inti x’għandek bżonn biex tersaq viċin is-Salvatur? Ikkunsidraw is-sottomissjoni ta’ Ġesù Kristu lejn ir-rieda ta’ Missieru, ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, il-fatt li Hu ħa fuqu dnubietek u n-nuqqasijiet tiegħek, il-qawwa li Hu rċieva mingħand il-Missier biex jagħmel interċessjoni għalik, u l-fidwa aħħarija tiegħu biex jifdik.15 Mhumiex dawn il-ħwejjeġ suffiċjenti biex iressquk lejh? Għalija huma. Ġesù Kristu “jinsab wieqaf b’dirgħajh miftuħin, jittama u lest li jfejqek, jaħfirlek, inaddfek, iqawwik, jippurifikak, u jqaddes lilek u lili.”16

Dawn il-veritajiet għandhom jagħtuna qalb ġdida u jwassluna biex nagħżlu li nimxu wara Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu. Madankollu anke l-qlub ġodda jistgħu jkunu “suxxettibbi li jintilfu, … suxxettibbli li jitbiegħdu minn dak Alla li aħna nħobbu.”17 Biex nikkumbattu din it-tendenza, jeħtieġ li aħna nirriflettu kuljum dwar ir-rigali li aħna rċevejna u dawn x’jinvolvu. Is-Sultan Benjamin tana dan il-parir, “Nixtieq li intom għandkom tiftakru, u dejjem iżżommu f’moħħkom, il-kobor ta’ Alla … u t-tjubija u s-sabar tiegħu lejkom.”18 Jekk nagħmlu dan, aħna nikkwalifikaw għal barkiet divini u meraviljużi.

Li aħna nirriflettu fuq it-tjubija u l-ħniena ta’ Alla jgħinna nsiru aktar spiritwalment riċettivi. Min-naħa l-oħra, sensittività spiritwali akbar tagħtina ċ-ċans li nsiru nafu l-verità ta’ kull ħaġa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.19 Dan jinkludi testimonjanza tal-verità tal-Ktieb ta’ Mormon; li tkun taf li Ġesù hu l-Kristu, is-Salvatur u l-Feddej personali tagħna; u li naċċettaw li l-evanġelju tiegħu ġie rrestawrat f’dawn l-aħħar żminijiet.20

Meta aħna niftakru fil-kobor ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ġesù Kristu u dak li Huma għamlu għalina, aħna lilhom ma niħduhomx for granted, bl-istess mod li Tom ma ħax lil Jonathan for granted. B’mod ta’ ferħ u ta’ qima, Tom kien jiftakar kuljum fit-traġedja li wasslet biex ħajtu titwal. Fl-eżuberanza tal-għarfien li għandna li nistgħu niġu salvati u eżaltati, jeħtieġ li aħna niftakru xi prezz kbir ġie mħallas biex is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ġew fis-seħħ.21 Aħna nistgħu nkunu ferħanin u riverenti hekk kif nirrealizzaw li mingħajr Ġesù Kristu aħna erwieħ mitlufa iżda li bih magħna aħna nistgħu nirċievu l-akbar rigal li Missierna tas-Smewwiet jista’ jagħtina.22 Fil-fatt, din il-qima tagħtina ċ-ċans li ngawdu l-wegħda “tal-ħajja eterna f’din id-dinja” u eventwalment nirċievu “l-ħajja eterna … sewwasew il-glorja immortali” fid-dinja li jmiss.23

Meta aħna nikkunsidraw it-tjubija ta’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu, il-fiduċja tagħna fihom tikber. It-talb tagħna jinbidel għaliex nafu li Alla huwa Missierna u aħna wliedu. Aħna mhux nippruvaw nibdlu r-rieda tiegħu iżda nallinjaw ruħna ma’ tiegħu u niżguraw għalina nfusna l-barkiet li Hu lest jagħtina, dejjem jekk aħna nitolbuh għalihom.24 Aħna nixtiequ li nsiru aktar umli, aktar safja, aktar determinati, aktar Kristjani.25 Dan it-tibdil jikkwalifikana għal aktar barkiet divini.

Jekk aħna nagħrfu li kull ħaġa tajba ġejja minn Ġesù Kristu, aħna nikkomunikaw il-fidi tagħna b’mod aktar effettiv ma’ ħaddieħor.26 Aħna jkollna l-kuraġġ meta nħabbtu wiċċna ma’ ħwejjeġ u ċirkustanzi li jkunu jidhru impossibbli.27 Aħna nsaħħu r-riżoluzzjoni tagħna li nżommu l-patti li aħna għamilna li nimxu wara s-Salvatur.28 Aħna nimtlew bl-imħabba ta’ Alla, inkunu rridu ngħinu lil dawk fi bżonn mingħajr ma niġġudikawhom, inħobbu lil uliedna u nrabbuhom fis-sewwa, niksbu maħfra ta’ dnubietna, u nkunu dejjem ferħanin.29 Dan hu frott meraviljuż li niksbuh jekk aħna niftakru fit-tjubija u l-ħniena ta’ Alla.

B’kuntrast għal dan, is-Salvatur widdibna “U f’xejn il-bniedem ma joffendi lil Alla, jew kontra ħadd mhu sa juri l-għadab tiegħu, ħlief lejn dawk li ma jagħrfux idejh f’kull ħaġa.”30 Jien ma naħsibx li Alla jħossu insultat meta aħna ninsewh. Pjuttost, jien naħseb li Hu jkun verament iddiżappuntat. Huwa jaf li aħna nkunu ċaħħadna lilna nfusna mill-opportunità li nersqu aktar viċin tiegħu billi niftakru fih u fit-tjubija tiegħu. B’hekk aħna nkunu tlifna ċ-ċans li Hu jersaq aktar viċin tagħna u li niksbu ċerti barkiet speċifiċi li Huwa wiegħed.31

Jiena nistedinkom biex kuljum tiftakru fil-kobor ta’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu u x’għamlu għalikom. Araw li l-konsiderazzjoni tagħkom dwar it-tjubija tagħhom tgħaqqad b’aktar fermezza il-qalb dejjem tiġġerra tagħkom ma’ tagħhom.32 Xtarru dwar il-kompassjoni tagħhom, u intom tkunu mberkin b’aktar sensittività spiritwali u ssiru tixbhu aktar lil Kristu. Li tikkontemplaw dwar l-empatija tagħhom jgħinkom “tibqgħu fidili sat-tmiem,” sakemm intom “tiġu milqugħin fis-smewwiet” biex “tgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”33

Missierna tas-Smewwiet, meta kien qed jirreferi għall-Iben il-Maħbub Tiegħu, qal, “Isimgħuh!”34 Hekk kif intom taġixxu skont dak il-kliem u tisimgħuh, ftakru, b’ferħ u qima, li s-Salvatur iħobb jirrestawra dak li intom ma tistgħux tirrestawraw; Huwa jħobb ifejjaq il-ġrieħi li intom ma tistgħux tfejqu; Huwa jħobb isewwi dak li kien tkisser b’mod irreparabbli;35 Huwa jikkompensa għal kull inġustizzja li intom sofrejtu;36 u Hu jħobb isewwi b’mod permanenti l-qlub miksura.37

Hekk kif jien irriflettejt dwar rigali li jiena rċevejt mingħand Missierna tas-Smewwiet u mingħand Ġesù Kristu, jiena tgħallimt dwar l-imħabba infinita tagħhom u l-kompassjoni inkomprensibbli tagħhom għall-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet.38 Dan l-għarfien lili bidilni, u jista’ jibdel lilkom ukoll. F’isem Ġesù Kristu, amen.