M’Għandniex Aħna Nibqgħu Mexjin f’Kawża Daqstant Kbira?
Aħna dejjem għandna niftakru l-prezz li ħallsu Joseph u Hyrum Smith, flimkien ma’ bosta rġiel u nisa u tfal fidili oħra, biex tiġi mwaqqfa l-Knisja.
Grazzi ħafna, President, għal introduzzjoni daqshekk meraviljuża. Ħuti, 215-il sena ilu, il-koppja Joseph u Lucy Mack Smith tweldilhom tifel ġewwa Vermont fir-reġjun magħruf bħala New England fil-grigal tal-Istati Uniti.
Joseph u Lucy Mack kienu jemmnu f’Ġesù Kristu, jistudjaw l-iskrittura mqaddsa, jitolbu b’sinċerità, u jimxu bil-fidi ma’ Alla.
Huma semmew lit-tarbija ġdida tagħhom Joseph Smith Jr.
Dwar il-familja Smith, Brigham Young qal: “Ħarset il-Mulej kienet fuq [Joseph Smith], u fuq missieru, u fuq missier missieru, u fuq il-proġenituri tiegħu li jmorru lura sa Abraham, u minn Abraham sad-dilluvju, mid-dilluvju sa Ħenok u minn Ħenok sa Adam. Huwa kompla jħares lil dik il-familja u lil dak id-demm hekk kif dan baqa’ jiċċirkula min-nixxiegħa tiegħu sat-twelid ta’ dak ir-raġel. Joseph Smith kien ippredestinat fl-eternità.”1
Maħbub mill-familja tiegħu, Joseph Jr. kien viċin ħafna partikolarment ta’ ħuh Hyrum, li meta twieled Joseph hu kellu kważi sitt snin.
Ottubru li għadda, jiena poġġejt bilqiegħda ħdejn il-ġebla tal-fuklar li kienet tinsab fid-dar żgħira tal-familja Smith ġo Sharon, Vermont, fejn twieled Joseph. Jiena stajt inħoss l-imħabba li Hyrum kellu lejn Joseph u bdejt nimmaġinah iżomm f’dirgħajh lil ħuh tarbija u jgħallmu kif jimxi.
Il-Missier u l-Omm tal-familja Smith esperjenzaw numru ta’ ostakli personali, li wassluhom biex għal bosta drabi huma jċaqilqu lill-familja tagħhom minn post għal ieħor qabel ma’ finalment huma qatgħu qalbhom minn New England u ħadu d-deċiżjoni kuraġġjuża li jersqu aktar lejn il-punent fl-Istat ta’ New York.
Peress li l-familja kienet waħda magħquda, huma rnexxielhom jgħaddu minn dawn l-isfidi u flimkien ħabbtu wiċċhom mas-sitwazzjoni diffiċli li jerġgħu jibdew mill-bidu fuq mitt tomna (0.4 km2) art f’nofs masġar ġewwa Manchaster, ħdejn Palmyra, New York.
M’inix ċert jekk ħafna minna nirrealizzawx xi sfidi fiżiċi u emozzjonali ħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tal-familja Smith meta riedu jibdew kollox mill-ġdid—inaddfu l-art, iħawlu s-siġar u jiżirgħu l-għelieqi, jibnu dar żgħira biz-zkuk u xi strutturi oħra għar-razzett, jaħdmu xi xogħol manwali, u jagħmlu prodotti tad-dar biex ibigħuhom fil-belt.
Fiż-żmien li fih il-familja waslet fil-punent ta’ New York, dawk l-inħawi kienu kkaratterizzati minn fervur reliġjuż kbir—magħruf bħala t-Tieni Qawmien Kbir.
Tul dan iż-żmien ta’ dibattitu u kunflitt fost il-gruppi reliġjużi, Joseph esperjenza viżjoni meraviljuża, magħrufa llum bħala l-Ewwel Viżjoni. Aħna mberkin li għandna erba’ rakkonti li minnhom jiena se nikkwota.2
Joseph kiteb: “Waqt dan iż-żmien ta’ eċċitament kbir reliġjuż, jiena ħassejtni nitħawwad u għaddejt ħin nirrifletti b’qawwa; iżda minkejja li s-sentimenti tiegħi kienu profondi u xi kultant mill-aktar intensi, jiena xorta waħda żammejt ’il bogħod minn dawn il-gruppi, għalkemm kont nattendi l-ħafna laqgħat tagħhom kull meta kien ikun possibli. … Madankollu, tant kien hemm konfużjoni u konflitt bejn id-diversi denominazzjonijiet differenti, li kien impossibbli għal persuna tal-età tiegħi, bi ftit li xejn għarfien tan-nies u tal-affarijiet, li tasal għal xi konklużjoni ċerta dwar min kien tajjeb u min kien ħażin.”3
Joseph dar lejn il-Bibbja biex isib it-tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu u qara Ġakbu 1:5: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu.”4
Huwa nnota: “L-ebda passaġġ ieħor mill-iskrittura qatt ma ppenetra qalb il-bniedem b’daqstant qawwa daqs kemm ippenetra qalbi dan il-vers f’dak il-mument. Ħassejtu bħallikieku laqat b’forza mill-aktar kbira kull sentiment li kelli f’qalbi. Jiena bqajt nirrifletti għal ħin twil dwaru.”5
Joseph tgħallem li l-Bibbja ma kienx fiha t-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet tal-ħajja; pjuttost, hija tgħallem lill-bnedmin kif huma setgħu jsibu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom billi jikkomunikaw direttament ma’ Alla permezz tat-talb.
Huwa kompla: “Għalhekk, skont dan il-qari, u d-determinazzjon tiegħi li nistaqsi lil Alla, jiena mort fil-masġar u ppruvajt nitlob. Kienet l-għodwa ta’ jum sabiħ u ċar fir-rebbiegħa tal-elf tmien mija u għoxrin.”6
Ftit wara, Joseph ra “kolonna dawl tistrieħ fuqi u rajt żewġ Personaġġi weqfin fuqi fl-arja, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. “Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ismi u, filwaqt li wera b’sebgħu lill-ieħor, qal—[Joseph,] Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”7
Imbagħad tkellem is-Salvatur: “Joseph, ibni, dnubietek maħfura. Mur, imxi fuq il-preċetti tiegħi, u ħares il-kmandamenti tiegħi. Ara, jiena l-Mulej tal-glorja. Jien ġejt imsallab għad-dinja, sabiex dawk kollha li jemmnu f’ismi jista’ jkollhom il-ħajja eterna.”8
Joseph kompla, “Malli, għalhekk,erġajt ħadt kontroll tiegħi nnifsi, staqsejt lill-Personaġġi li kienu weqfin fid-dawl fuqi, liema fost is-settet kollha kienet it-tajba.”9
Huwa qal, “Huma qaluli li d-denominazzjonijiet reliġjużi kollha kienu qed jemmnu f’duttrina mhux korretta u li ħadd minnhom ma’ kien rikonoxxut minn Alla bħala l-knisja u s-saltna tiegħu. U … fl-istess ħin jiena ġejt imwiegħed li l-milja tal-evanġelju għad tiġi magħrufa fil-futur permezz tiegħi.”10
Joseph innota wkoll, “Jiena rajt bosta anġli f’din il-viżjoni.”11
Wara din il-viżjoni glorjuża, Joseph kiteb: “Ruħi mtliet bl-imħabba, u għal bosta jiem ħassejt ferħ kbir f’qalbi. … Il-Mulej kien miegħi.”12
Huwa ħareġ mill-Masġar Sagru biex jibda t-tħejjija tiegħu ħalli jsir profeta ta’ Alla.
Joseph beda wkoll jitgħallem dwar dak li esperjenzaw il-profeti tal-qedem—rifjut, oppożizzjoni, u persekuzzjoni. Joseph ftakar meta hu tkellem dwar dak li kien ra u sema ma’ wieħed mill-ministri li kien attiv fil-qawmien mill-ġdid reliġjuż:
“Verament issorprendejt ruħi bl-imġieba tiegħu; hu mhux biss ma ħax bis-serjetà dak li kellimtu dwaru, iżda ħadu b’disprezz kbir, fejn qal li kollox kien ġej mix-xitan, li ma kinux jeżistu affarijiet bħal viżjonijiet jew rivelazzjonijiet f’dawn iż-żminijiet; li dak kollu waqaf mal-appostli, li qatt aktar ma konna se nerġgħu nesperjenzaw ħwejjeġ bħal dawk.
“Madankollu, ma domtx wisq biex sibt li r-rakkont tiegħi tal-istorja kien wassal għal ħafna preġudizzju kontrijja mill-professuri tar-reliġjon, u kien il-kawża ta’ persekuzzjoni kbira, li kompliet tikber; … u din kienet xi ħaġa li kien hemm qbil fuqha fost is-settet kollha—kollha magħqudin biex jippersegwitawni.”13
Tliet snin wara, fl-1823, is-smewwiet reġgħu nfetħu bħala parti mir-Restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fl-aħħar żminijiet. Joseph kiteb li anġlu jismu Moroni deherlu u qal “li Alla għandu ħidma lesta għalija biex inwettaqha … u li kien hemm ktieb depożitat, miktub fuq pjanċi tad-deheb” li kien fih “il-milja tal-Evanġelju ta’ dejjem … kif mogħti mis-Salvatur lill-abitanti tal-qedem tal-Kontinent Amerikan.”14
Eventwalment, Joseph kiseb, ittraduċa, u ppubblika l-annali tal-qedem, illum magħrufa bħala l-Ktieb ta’ Mormon.
Ħuh Hyrum, li kien jappoġġjah kontinwament, speċjalment wara l-operazzjoni li kellu f’siequ fl-1838, li kkawżatlu ferm uġigħ u setgħet kienet ta’ periklu għal ħajtu, kien wieħed mix-xhieda tal-pjanċi tad-deheb. Kien ukoll wieħed mis-sitt membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu meta ġiet organizzata fl-1830.
Tul ħajjithom, Joseph u Hyrum iffaċċjaw flimkien il-marmalja kif ukoll persekuzzjoni. Per eżempju, huma għaddew ħames xhur sħaħ jgħixu f’kundizzjonijiet mill-aktar miżeri ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty f’Missouri tul ix-xitwa kiefra tal-1838-39.
F’April 1839, Joseph kiteb lill-martu Emma fejn iddeskriva s-sitwazzjoni tagħhom fiċ-Ċella ta’ Liberty: “Naħseb li issa għaddew ħamex xhur u sitt ijiem minn meta jiena spiċċajt lejl u nhar mgħasses minn ħarsa kiefra ta’ gwardjan, u bejn il-ħitan, il-gradilji, u l-ħoss imwerżaq tal-bibien tal-metall fis-solitudni ta’ ċella mudlama u maħmuġa. … Suppost, f’xi ħin jew ieħor, għandhom joħorġuna minn dan il-post; ma kienx li jasal il-waqt. Jiġri x’jiġri minna, żgur li mkien m’hu agħar minn din il-ħofra. … Żgur li mhux se nimmissjaw Liberty meta nkunu fi Clay County, Missouri. Issaportejna biżżejjed hawnhekk.”15
Qalb dik il-persekuzzjoni, Hyrum wera fidi fil-wegħdiet tal-Mulej, li kienu jinkludu garanzija li huwa jaħrab mill-għedewwa tiegħu jekk hu jagħżel li jagħmel dan. F’barka li Hyrum irċieva fl-1935 minn taħt idejn Joseph Smith, il-Mulej wiegħdu: “Inti se jkollok il-qawwa li taħrab minn idejn l-għedewwa tiegħek. Huma jagħmlu minn kollox biex joqtluk, iżda inti jirnexxilek taħrab. Jekk jogħġob lilek, u tkun ix-xewqa tiegħek, inti se jkollok il-qawwa biex minn jeddek tagħti ħajtek biex tigglorifika lil Alla.”16
F’Ġunju 1844, Hyrum ġie ppreżentat bl-għażla li jgħix jew jagħti ħajtu biex jigglorifika lil Alla u biex “jissiġilla t-testimonjanza tiegħu permezz ta’ demmu”—ħdejn u flimkien mal-għażiż ħuh Joseph.17
Ġimgħa qabel dak l-aħħar vjaġġ lejn Carthage, fejn huma ġew maqtula kiesaħ u biered minn grupp armat ta’ marmalja beżżiegħa li żebgħu wiċċhom biex ma jinqabdux, Joseph kiteb li “Jiena avżajt lil ħija Hyrum biex imur u jieħu l-familja tiegħu fuq il-vapur tal-istim u jmur Cincinnati.”
Għadni verament nemozzjona ruħi meta niftakar fit-tweġiba ta’ Hyrum: “Joseph, ma nistax inħallik waħdek.’’18
Għalhekk Joseph u Hyrum marru Carthage, fejn huma saru martri għall-kawża u l-isem ta’ Kristu.
It-tħabbira uffiċjali tal-martirju kienet tiddikjara dan li ġej: “Joseph Smith, il-Profeta u Veġġent tal-Mulej, … ġab fis-seħħ il-Ktieb ta’ Mormon, li hu ttraduċa bid-don u l-qawwa ta’ Alla, u kien li wasslu biex jiġi ppubblikat f’żewġ kontinenti; bagħat il-milja tal-evanġelju ta’ dejjem, li kien jinsab fih, fl-erbat itruf tad-dinja; ġab fis-seħħ ir-rivelazzjonijiet u l-kmandamenti li jagħmlu parti minn dan il-ktieb ta’ Duttrina u Patti, u bosta dokumenti u struzzjonijiet għaqlin oħra għall-benefiċċju ta’ wlied il-bnedmin; ġabar eluf ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien, waqqaf belt kbira, u ħalla warajh fama u isem li ħadd ma jista’ jeqred. … U bħal ħafna mill-magħżulin tal-Mulej fiż-żminijiet tal-qedem, Joseph issiġilla l-missjoni tiegħu u l-ħidma tiegħu bl-istess demmu; u l-istess għamel ħuh Hyrum. Fil-ħajja ma ġewx mifrudin, u fil-mewt ma ġewx isseparati!”19
Wara l-martirju, il-katavri ta’ Joseph u ta’ Hyrum ittieħdu lura ġo Nauvoo, maħsulin, u mlibbsin biex il-familja Smith tkun tista’ tara lill-maħbubin tagħhom. Il-prezzjuża ommhom qalet: “Ili żmien twil inħejji lili nnifsi b’kull mod bl-enerġija kollha ta’ ruħi; u nitlob lil Alla biex jagħtini s-saħħa; iżda meta dħalt fil-kamra, u rajt lill-uliedi maqtula t-tnejn quddiem għajnejja, u smajt il-krib u l-għajjat tal-familja tiegħi u l-biki … ħiereġ minn fomm marthom, uliedhom, u ħuthom, ma stajtx nissaporti aktar. Inxtħett lura nitlob lill-Mulej, fl-agunija ta’ ruħi, ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi! Alla tiegħi! Għaliex tlaqt lil din il-familja?’”20
F’dak il-mument ta’ niket u dulur, hija qalet li semgħethom jgħidu, “Ma, tibkix għalina; aħna għelibna lid-dinja bl-imħabba.”21
Huma verament għelbu lid-dinja. Joseph u Hyrum Smith, bħal dawn il-Qaddisin fidili deskritti fil-ktieb tal-Apokalissi, “ġew mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf u jinsabu … quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu.
“Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma.
“Ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja: u Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.”22
Hekk kif niċċelebraw din l-okkażjoni ta’ ferħ, il-200 anniversarju tal-Ewwel Viżjoni, aħna dejjem għandna niftakru l-prezz li ħallsu Joseph u Hyrum Smith, flimkien ma’ bosta rġiel u nisa u tfal fidili oħra, biex tiġi mwaqqfa l-Knisja ħalli jien u intom inkunu nistgħu ngawdu l-ħafna barkiet u dawn il-veritajiet żvelati kollha li għandna llum. Il-fedeltà tagħhom m’għandha tintesa qatt!
Spiss nikkontempla għalfejn Joseph u Hyrum u l-familji tagħhom kellhom isofru daqstant. Jista’ jkun li permezz tas-sofferenza tagħhom huma saru jafu lil Alla b’tali mod li ma setgħux ikunu jafuh mingħajrha. Permezz tagħha, huma setgħu jirriflettu fuq il-Ġetsemani u s-salib tas-Salvatur. Kif qal Pawlu, “Għaliex lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih.”23
Qabel il-mewt tiegħu fl-1844, Joseph kiteb ittra mill-aktar spirituża lill-Qaddisin. Kienet sejħa biex jaġixxu, u dan għadu jgħodd għall-Knisja llum:
“Ħuti, m’għandniex aħna nibqgħu mexjin f’kawża daqstant kbira? Imxu ’l quddiem u mhux lura. Kuraġġ, ħuti; u ibqgħu mexjin sar-rebħa! …
“… Ejjew, għalhekk, bħala knisja u poplu, u bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, noffru lill-Mulej offerta fis-sewwa.”24
Hekk kif f’dan it-tmiem il-ġimgħa aħna nisimgħu mill-Ispirtu tul din iċ-ċelebrazzjoni tal-200 anniversarju, ikkunsidraw x’offerta intom se tippreżentaw fis-sewwa lill-Mulej fil-jiem li ġejjin. Agħmlu l-kuraġġ—aqsmuha ma’ xi ħadd li tafdaw, u aktar importanti, jekk jogħġobkom iddedikaw ħin biex tagħmluha!
Jiena naf li s-Salvatur ikun kuntent meta aħna nippreżentawlu offerta minn qalbna fis-sewwa, l-istess kif Huwa kien kuntent bl-offerta fidila ta’ dawk l-aħwa meraviljużi, Joseph u Hyrum Smith, u tal-Qaddisin fidili l-oħra kollha. Dwar dan jiena nixhed b’mod solenni fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.