Konferenza Ġenerali
Talb tal-Fidi
Konferenza Ġenerali April 2020


Talb ta’ Fidi

Hekk kif nitolbu b’fidi, aħna nsiru parti importanti fil-ħidma tal-Mulej hekk kif Hu jħejji lid-dinja għat-Tieni Miġja tiegħu.

It-talba tal-Presbiteru Maynes bil-bidu ta’ din l-ewwel sessjoni tal-konferenza ġenerali qed tiġi mismugħha. Aħna rċevejna l-ispirazzjoni permezz ta’ messaġġi meraviljużi u mużika mill-isbaħ. Il-wegħda tal-President Russell M. Nelson li din il-konferenza se tkun waħda memorabbli diġà qed tiġi fis-seħħ.

Il-President Nelson għażel din is-sena bħala “żmien biċentinarju li qed ifakkar il-200 sena minn meta Alla l-Missier u l-Iben il-Maħbub Tiegħu, Ġesù Kristu, dehru lil Joseph Smith permezz ta’ viżjoni.” Il-President Nelson stedinna biex nagħmlu pjan personali ħalli nħejju lilna nfusna għal din il-konferenza storika, fejn qal li l-kommemorazzjoni tagħha se tkun “punt mill-aktar kritiku fl-istorja tal-Knisja, u l-parti tagħkom hi waħda verament importanti.”1

Naħseb li intom, bħali, smajtu l-messaġġ tiegħu u staqsejtu lilkom infuskom, “B’liema mod il-parti tiegħi hi daqstant importanti?” Jista’ jkun li intom qrajtu u tlabtu dwar il-ġrajjiet tar-Restawrazzjoni. Jista’ jkun, li aktar minn qatt qabel, intom qrajtu r-rakkont ta’ dawk il-ftit drabi meta Alla l-Missier introduċa lill-Iben il-Maħbub tiegħu. Jista’ jkun li intom qrajtu dwar meta s-Salvatur kellem lil ulied Missierna tas-Smewwiet. Jiena naf għax għamilt dak kollu u aktar.

Fil-qari tiegħi jiena sibt referenzi għas-saċerdozju ta’ Alla u l-ftuħ ta’ dispensazzjonijiet. Ħassejtni niċċekken hekk kif irrealizzajt li t-tħejjija tiegħi għal din il-konferenza kienet punt mill-aktar kritiku fl-istorja personali tiegħi. Jiena ħassejt bidla f’qalbi. Ħassejt fija gratitudni ġdida. Jiena mtlejt bil-ferħ minħabba l-prospettiva li ġejt mistieden biex nieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tar-Restawrazzjoni kontinwa.

Nimmaġina li, minħabba ċerta tħejjija li għamlu bir-reqqa, oħrajn ukoll qed iħossuhom aktar ferħanin, aktar ottimisti, u aktar determinati li jservu f’kwalunkwe ħaġa meħtieġa mill-Mulej.

Il-ġrajjiet traxxendenti li aħna qed nonoraw kienu l-bidu tal-aħħar dispensazzjoni li kienet ilha mħabbra, li fiha l-Mulej qed iħejji lill-Knisja tiegħu u n-nies tiegħu, dawk li qed iġorru fuqhom ismu, biex jilqgħuh. Bħala parti mit-tħejjija tagħna għall-miġja tiegħu, Huwa se jgħolli lil kull wieħed u waħda minna ħalli aħna nkunu nistgħu nqumu għal ċerti sfidi u opportunitajiet spiritwali li bħalhom qatt ma rajna fl-istorja tad-dinja.

F’Settembru 1840, il-Profeta Joseph Smith u l-kunsilliera tiegħu fl-Ewwel Presidenza ddikjaraw dan li ġej: “Il-ħidma tal-Mulej f’dawn l-aħħar żminijiet, hi waħda ta’ kobor immens u kważi diffiċli għan-nies mortali li jifhmuha għal kollox. Il-glorji tagħha diffiċli tiddeskrivihom, u xejn ma jiżboq il-kobor tagħhom. Din hija t-tema li ispirat bil-kbir lill-profeti u rġiel twajba oħra mill-ħolqien tad-dinja u tul kull ġenerazzjoni oħra li ġiet wara saż-żminijiet preżenti; u din hi verament id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet, fejn kull ħaġa li tinsab fi Kristu Ġesù, kemm fis-sema kif ukoll fl-art, se tinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, u fejn kull ħaġa se tiġi rrestawrata, kif bassru l-profeti mqaddsa kollha minn meta bdiet id-dinja; għax fiha se jiġi fis-seħħ it-twettiq glorjuż tal-wegħdiet li saru mal-missirijiet, hekk kif il-manifestazzjoni tal-qawwa tal-Għoli se jkunu mill-aktar meraviljużi, glorjużi, u sublimi.”

Huma komplew biex qalu: “Aħna nħossuna disposti li nibqgħu mexjin ’il quddiem u ngħaqqdu flimkien l-enerġiji kollha tagħna fil-bini tas-Saltna, u nistabbilixxu s-Saċerdozju fil-milja u l-glorja tagħhom. Il-ħidma li trid titwettaq fl-aħħar żminijiet hi waħda ta’ importanza enormi, u qed issejjaħ lill-Qaddisin biex joffru l-enerġija, il-ħila, it-talenti, u l-abbiltà kollha tagħhom, ħalli hi tkun tista’ tibqa’ għaddejja b’dik il-glorja u l-maestà li tkellem dwarhom il-profeta Danjel [ara Danjel 2:34–35, 44–45]; u konsegwentament se tkun teħtieġ il-konċentrazzjoni sħiħa tal-Qaddisin, biex iwettqu l-ħidma ta’ daqstant kobor u grandjożità.”2

Ħafna mid-dettalji dwar x’għandna nagħmlu u meta se nagħmlu dan fir-Restawrazzjoni li għadha qed isseħħ fi żmienna għadhom ma ġewx żvelati. Madankollu l-membri tal-Ewwel Presidenza, anke f’dawk l-ewwel żminijiet, kienu jafu xi ftit dwar x’kienet se tinvolvi fiha l-ħidma li l-Mulej poġġa quddiemna. Dawn huma ftit eżempji ta’ x’nafu li se jseħħ:

Permezz tal-Qaddisin tiegħu, il-Mulej se joffri r-rigal tal-evanġelju Tiegħu “lil kull ġens, tribù, ilsien, u poplu.”3 It-teknoloġija u l-mirakli se jkomplu jagħmlu parti minn dan kollu—l-istess bħas-“sajjieda [individwali] tal-bnedmin”4 li jimministraw b’qawwa u b’fidi akbar.

Aħna bħala poplu se nsiru aktar magħqudin qalb kunflitt aktar jiżdied. Aħna se ninġabru flimkien fil-qawwa spiritwali ta’ gruppi u familji mimlija bid-dawl tal-evanġelju.

Anke d-dinja li ma temminx se tikkonoxxi lill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u tagħraf il-qawwa ta’ Alla li hemm fuqha. Bosta dixxipli fidili u qalbiena se jieħdu fuqhom b’kuraġġ, b’umiltà, u mingħajr biża’ l-isem ta’ Kristu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Għalhekk aħna lkoll kif nistgħu nieħdu sehem f’din il-ħidma daqstant kbira u grandjuża? Il-President Nelson għallimna kif nistgħu nikbru fil-qawwa spiritwali. Meta aħna nħarsu lejn l-indiema bħala opportunità ta’ ferħ minħabba l-fidi dejjem tikber tagħna li Ġesù hu l-Kristu, meta aħna nifhmu u nemmnu li Missierna tas-Smewwiet jisma’ kull talba tagħna, meta nagħmlu li nistgħu biex nobdu u ngħixu l-kmandamenti, aħna nikbru fil-qawwa tagħna li nirċievu rivelazzjoni kontinwa. L-Ispirtu s-Santu jista’ jkun is-sieħeb kostanti tagħna. Sentiment ta’ dawl jibqa’ jgħammar fina anke hekk kif id-dinja ta’ madwarna ssir aktar mudlama.

Joseph Smith huwa eżempju ta’ kif nistgħu nikbru f’qawwa spiritwali bħal din. Huwa wriena li t-talba ta’ fidi hija s-sigriet kif aħna nistgħu niksbu r-rivelazzjoni mingħand Alla. Huwa talab bil-fidi, fejn emmen li Alla l-Missier seta’ jisma’ t-talb tiegħu. Huwa talab bil-fidi, fejn emmen li permezz ta’ Ġesù Kristu biss seta’ huwa jinħeles mill-ħtija li ħass għal dnubietu. U hu talab bil-fidi, fejn emmen li hu ried isib il-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu biex jikseb dik il-maħfra.

Matul il-ministeru profetiku tiegħu, Joseph Smith għamel użu mit-talb ta’ fidi biex jikseb ir-rivelazzjoni kontinwa. Hekk kif aħna niffaċċjaw l-isfidi ta’ żmienna u dawk li għad iridu jiġu, aħna wkoll jeħtieġ li nipprattikaw l-eżempju li tana hu. Il-President Brigham Young qal, “Jien ma naf bl-ebda mod ieħor li jistgħu jimxu warajh il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien minn li jaraw li kull nifs li jieħdu jkun virtwalment talba għal Alla biex jiggwida u jmexxi lill-poplu tiegħu.”5

Dan il-kliem mit-talba tas-sagrament għandu għalhekk jiddeskrivi l-ħajja tagħna ta’ kuljum: “Dejjem jiftakru fih.” “Fih” tirreferi għal Ġesù Kristu. Il-kliem li jiġi wara, “u li jżommu l-kmandamenti tiegħu,” jissuġġerixxi xi tfisser li niftakru fih.6 Hekk kif aħna niftakru dejjem f’Ġesù Kristu, aħna nafu nistaqsu permezz ta’ talba siekta, “Hu lili xi jridni nagħmel?”

Talba bħal din, offruta b’fidi f’Ġesù Kristu, tat bidu għal din l-aħħar dispensazzjoni. U se tkun fil-qalba tal-parti li aħna lkoll se nagħmlu fil-ħidma kontinwa tagħha. Jiena, bħalkom, sibt numru ta’ eżempji meraviljużi ta’ dan it-tip ta’ talb.

L-ewwel insibu lil Joseph Smith. Huwa talab b’fidi tixbah lil tat-tfal x’ried minnu l-Mulej. Ir-risposta li hu rċieva bidlet l-istorja tad-dinja.

Għalija, lezzjoni importanti nsibuha fil-mod kif Joseph irreaġixxa għall-attakk ta’ Satana hekk kif hu niżel għarkupptejh biex jitlob.

Minn esperjenza jiena naf li Satana u l-qaddejja tiegħu jippruvaw iġegħluna nħossu li m’għandniex nitlobu. Meta Joseph Smith eżerċita l-qawwiet kollha tiegħu li jsejjaħ lil Alla biex jeħilsu mill-qawwa li ppruvat taħkmu, it-talba tiegħu għall-għajnuna nstemgħet u dehrulu Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu.

L-attentat ta’ Satana li jxekkel il-bidu tar-Restawrazzjoni kien wieħed daqstant sever għaliex it-talba ta’ Joseph kienet verament importanti. Jien u intom se jkollna partijiet iżgħar x’nagħmlu fir-Restawrazzjoni li għadha għaddejja. Madankollu l-għadu tar-Restawrazzjoni se jipprova jwaqqafna milli nitolbu. L-eżempju tal-fidi u d-determinazzjoni ta’ Joseph jistgħu jsaħħuna fid-determinazzjoni tagħna. Din hi waħda mill-ħafna raġunijiet għaliexi t-talb tiegħi jinkludi fih ringrazzjament lil Missierna tas-Smewwiet għall-Profeta Joseph.

Enos fil-Ktieb ta’ Mormon hu mudell ieħor għat-talb ta’ fidi tiegħi hekk kif jien nipprova nagħmel il-parti tiegħi fil-Restawrazzjoni kontinwa. Tkun x’se tkun il-parti tagħkom, tistgħu tħarsu lejh ukoll bħala eżempju personali għalikom.

Bħal Joseph, Enos talab bil-fidi. Huwa ddeskriva l-esperjenza tiegħu b’dan il-mod:

“U ruħi mġewħa kienet; u jiena nżilt għarkupptejja quddiem il-Ħallieq tiegħi, u jien sejjaħtlu permezz ta’ talba setgħana u tlabtu għal ruħi; u għaddejt il-jum kollu nsejjaħlu; iva u meta wasal il-lejl bqajt insemma’ leħni sakemm laħaq is-smewwiet.

“U smajt leħen jgħidli: Enos, dnubietek maħfura, u inti se tkun imbierek.

“U jiena, Enos, kont naf li Alla ma jigdibx; għalhekk, ġejt meħlus mill-ħtija tiegħi.

“U jiena għidt: Mulej, kif jista’ jkun dan?

“U huwa qalli: Minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu, li lilu inti la qatt smajt u lanqas rajt qabel. U se jgħaddu ħafna snin qabel ma hu se juri lilu nnifsu fil-ġisem; għalhekk, mur, il-fidi tiegħek fejqitek.”7

Il-lezzjoni li verament berkitni tinsab f’dan il-kliem: “Minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu, li lilu inti la qatt smajt u lanqas rajt qabel.”

Joseph kellu fidi fi Kristu li jmur fil-maskġar kif ukoll li jitlob għall-ħelsien mill-qawwiet ta’ Satana. Huwa kien għadu ma rax lill-Missier u l-Iben, iżda hu talab b’fidi bl-enerġija kollha ta’ qalbu.

L-esperjenza ta’ Enos għallmitni l-istess lezzjoni prezzjuża. Meta nitlob b’fidi, jiena jkolli miegħi lis-Salvatur bħala l-avukat tiegħi mal-Missier u nista’ nħoss it-talb tiegħi jilħaq is-smewwiet. It-talb jinstama’. Il-barkiet nirċevuhom. Hemm il-paċi u l-ferħ anke fi żminijiet diffiċli.

Jien niftakar meta, bħala l-aktar membru ġdid tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, jiena nżilt għarkupptejja nitlob mal-Presbiteru David B. Haight. Bejn wieħed u ieħor hu kellu l-età li għandi jien bħalissa, bl-isfidi kollha li jien stess qed nesperjenza. Niftakar leħnu hekk kif beda jitlob. Jien għajnejja ma ftaħthomx biex inħares, iżda għalija hu kien qed jinstama’ bħallikieku kien qed jitbissem. Huwa tkellem ma’ Missierna tas-Smewwiet b’leħen mimli ferħ.

F’moħħi nista’ nisma’ l-ferħ tiegħu meta qal, “F’isem Ġesù Kristu.” Għalija nstama’ bħallikieku l-Presbiteru Haight kien qed iħoss f’dak il-mument lis-Salvatur jirriafferma l-messaġġ li huwa talab lill-Missier. U jiena kont ċert li ntlaqa’ bi tbissima.

L-abbiltà tagħna li nagħtu l-kontribut importanti tagħna f’din il-ħidma kontinwa tar-Restawrazzjoni se tikber hekk kif aħna nikbru fil-fidi tagħna f’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna u f’Missierna tas-Smewwiet bħala Missierna li tant iħobbna. Hekk kif nitolbu b’fidi, aħna nsiru parti importanti fil-ħidma tal-Mulej hekk kif Hu jħejji lid-dinja għat-Tieni Miġja tiegħu. Jiena nitlob li aħna lkoll inkunu nistgħu nsibu l-ferħ meta nwettqu l-ħidma li qed jistedinna lkoll biex inwettqu.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu jgħix. Din hija l-Knisja u s-saltna tiegħu fid-dinja. Joseph Smith huwa l-profeta tar-Restawrazzjoni. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta tal-Mulej fid-dinja llum. Huwa jħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. F’isem Ġesù Kristu, amen.