Xhieda Ħajja ta’ Kristu l-Ħaj
Il-messaġġ ċentrali tal-Ktieb ta’ Mormon hu li jirrestawra l-veru għarfien tal-irwol essenzjali ta’ Ġesù Kristu fis-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tal-umanità.
F’jum xemxi tar-rebbiegħa tal-2017, il-ftuħ għall-pubbliku tat-Tempju ta’ Pariġi, fi Franza, kien għaddej fl-aqwa tiegħu meta wieħed mill-gwidi tat-tempju mar fuqu raġel b’espressjoni ta’ niket fuq wiċċu. Huwa qallu li kien joqgħod viċin ħafna tat-tempju u ammetta li kien wieħed li oppona b’mod attiv il-bini tiegħu. Hu qal li darba waħda, hekk kif kien qed iħares ’il barra mit-tieqa tal-appartament tiegħu, huwa ra krejn kbir iniżżel statwa ta’ Ġesù mis-sema u jpoġġiha bil-mod fuq l-art tat-tempju. Ir-raġel iddikjara li din l-esperjenza bidlet għal kollox is-sentimenti tiegħu lejn il-Knisja. Huwa rrealizza li aħna dixxipli ta’ Ġesù Kristu u talab il-maħfra tagħna għall-ħsara li seta’ kkawża qabel.
L-istatwa tal- Kristus, li ssebbaħ il-ġnien tat-Tempju ta’ Pariġi u ta’ propjetajiet oħra tal-Knisja, tixhed dwar l-imħabba tagħna lejn is-Salvatur. L-istatwa tal-irħam oriġinali hija xogħol tal-artist Daniż Bertel Thorvaldsen, li skolpieha fl-1820—l-istess sena tal-Ewwel Viżjoni. L-istatwa tiddistingwi ruħha bil-kbir mill-parti l-kbira tax-xogħol artistiku ta’ dak iż-żmien, li ħafna drabi kien jittratta lil Kristu jsofri fuq is-salib. Ix-xogħol ta’ Thorvaldsen jippreżenta lil Kristu l-ħaj, li, rebbieħ fuq il-mewt u b’dirgħajh miftuħa, qed jistieden lil kulħadd biex jersaq lejh. Huwa biss is-sinjali tal-imsiemer f’idejh u f’riġlejh u l-ġerħa f’ġenbu li jixhdu dwar l-agunija inspejgabbli li Huwa għadda minnha biex isalva l-umanità.
Forsi raġuni għalfejn aħna l-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien inħobbu daqstant din l-istatwa hi li tfakkarna fid-deskrizzjoni mogħtija fil-Ktieb ta’ Mormon dwar id-dehra tas-Salvatur fil-kontinent Amerikan:
“U araw, huma raw Raġel nieżel mis-smewwiet; u hu kien liebes mantar abjad; u niżel u waqaf f’nofshom. …
“U ġara li huwa estenda jdejh u kellem lin-nies u qalilhom:
“Araw, jiena Ġesù Kristu, …
“… Jiena xrobt minn dak il-kalċi morr li tani l-Missier, u gglorifikajt il-Missier hekk kif ħadt fuqi d-dnubiet tad-dinja.”1
Imbagħad Huwa stieden lil kull raġel, mara, tifel u tifla biex jersqu lejh u jqiegħdu idejhom ma’ ġenbejh u jħossu s-sinjali tal-imsiemer f’idejh u f’riġlejh, u b’hekk jirċievu xhieda personali li Hu kien fil-fatt il-Messija li tant kien ilu mistenni.2
Din ix-xena sublimi hija l-qofol tal-Ktieb ta’ Mormon. “Il-bxara t-tajba” kollha tal-evanġelju nsibuha f’din l-immaġni tas-Salvatur, li bil-ħlewwa qed jestendi “id-dirgħajn ta’ ħniena” Tiegħu3 biex jistieden lil kull individwu jersaq lejh u jirċievi l-barkiet tal-Espjazzjoni Tiegħu.
Il-messaġġ ċentrali tal-Ktieb ta’ Mormon hu li jirrestawra l-veru għarfien tal-irwol essenzjali ta’ Ġesù Kristu fis-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tal-umanità. Din it-tema nsibuha tidwi mill-paġna introduttorja sal-aħħar kelmiet li nsibu fl-aħħar kapitlu. Tul sekli sħaħ ta’ apostasija u konfużjoni spiritwali, it-tifsira aktar profonda ta’ dak li Kristu għamel fil-Ġetsemani u fuq il-Golgota intilfet jew tħassret. Min jaf kemm ħassu mqanqal Joseph Smith meta, hekk kif kien qed jittraduċi l-1 Ktieb ta’ Nefi, huwa skopra din il-wegħda meraviljuża: “Dawn l-aħħar annali [il-Ktieb ta’ Mormon] … se jistabbilixxu l-verità tal-ewwel [il-Bibbja] … u se juru l-ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li ttieħdu minnhom; u se juru lil kull razza, ilsien, u poplu, li l-Ħaruf ta’ Alla huwa Iben il-Missier Etern, u s-Salvatur tad-dinja; u li l-bnedmin kollha għandhom jersqu lejh, jew inkella ma jistgħux isalvaw.”4
Veritajiet sempliċi u prezzjużi dwar l-Espjazzjoni tas-Salvatur insibuhom tul il-Ktieb ta’ Mormon kollu. Hekk kif jiena se nsemmi wħud minn dawn il-veritajiet, nistedinkom biex tirriflettu dwar kif huma bidlu jew jistgħu jibdlu ħajjitkom.
-
L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hija rigal b’xejn offrut lil dawk kollha li qatt għexu, li qed jgħixu bħalissa , u li għad iridu jgħixu fid-dinja.5
-
Minbarra li ġarr fuqu it-tagħbija ta’ dnubietna, il-Kristu ħa fuqu nnifsu n-niket, id-dgħufija, is-sofferenza, u l-mard tagħna u t-tbatijiet inerenti kollha fil-kundizzjoni mortali tal-bniedem. M’hemm l-ebda diqa, l-ebda uġigħ, jew niket li Huwa ma sofriex għalina.6
-
Is-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur jagħtina ċ-ċans li negħlbu l-konsegwenzi negattivi tal-Waqgħa ta’ Adam, inkluż il-mewt fiżika. Grazzi għal Kristu, l-ulied kollha ta’ Alla li twieldu f’din id-dinja, irrispettivament il-livell ta’ tjubija tagħhom, se jesperjenzaw ir-riunifikazzjoni tal-ispirtu u l-ġisem tagħhom permezz tal-qawwa tal-Qawmien mill-Imwiet7 u jerġgħu lura għandu biex “jiġu ġġudikati … skont għemilhom.”8
-
B’kuntrast għal dan, li nirċievu l-milja tal-barkiet tal-Espjazzjoni tas-Salvatur hija kkundizzjonata skont kemm aħna ngħixu9 b’diliġenza “id-duttrina ta’ Kristu.”10 Fil-ħolma tiegħu, Leħi ra “trejqa stretta u dejqa”11 li twassal għas-siġra tal-ħajja. Il-frott tagħha, li jirrappreżenta l-imħabba ta’ Alla kif tidher permezz tal-barkiet skwiżiti tal-Espjazzjoni ta’ Kristu, “hi l-aktar prezzjuża u l-aktar mixtieqa … u l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”12 Sabiex inkunu nistgħu naċċessaw dan il-frott, jeħtieġ li neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu, nindmu, “nagħtu kas tal-kelma ta’ Alla,”13 nirċievu l-ordinanzi essenzjali, u nżommu patti sagri sat-tmiem ta’ ħajjitna.14
-
Permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, Ġesù Kristu mhux biss jaħsilna minn dnubietna, iżda Hu jipprovdilna qawwa li ssaħħaħna li permezz tagħha d-dixxipli tiegħu jistgħu “jinżgħu minn fuqhom “il-bniedem naturali,”15 jimxu ’l quddiem “linja wara linja,”16 u jikbru fil-qdusija17 ħalli xi darba huma jkunu jistgħu jsiru esseri perfetti fix-xbieha ta’ Kristu,18 ikkwalifikati biex jerġgħu jgħixu ma’ Alla19 u jirtu l-barkiet kollha tas-saltna tas-smewwiet.20
Verità oħra ta’ faraġ li nsibuha fil-Ktieb ta’ Mormon hi li, minkejja li tilħaq lil kulħadd b’mod infinit u universali, l-Espjazzjoni tal-Mulej hija rigal notevolment personali u intimu, addattat għal kull wieħed u waħda minna individwalment.21 Bl-istess mod kif Ġesù stieden lil kull wieħed mid-dixxipli Nefiti biex iħossu l-ġrieħi tiegħu, Huwa miet għal kull wieħed u waħda minna, personalment, daqs li kieku intom u jiena aħna l-uniċi persuni fid-dinja. Huwa jestendilna l-istedina personali biex nersqu lejh u niksbu l-barkiet meraviljużi tal-Espjazzjoni tiegħu.22
In-natura personali tal-Espjazzjoni ta’ Kristu ssir aktar reali hekk kif aħna nikkunsidraw l-eżempji ta’ numru ta’ rġiel u nisa fil-Ktieb ta’ Mormon. Fosthom hemm Enos, Alma, Żeżrom, is-Sultan Lamoni u martu, u n-nies tas-Sultan Benjamin. L-istejjer ta’ konverżjoni u t-testimonjanzi vibranti tagħhom jipprovdu xhieda ħajja ta’ kif qlubna jistgħu jinbidlu u ħajjitna tittrasforma ruħha permezz tat-tjubija u l-ħniena infinita tal-Mulej.23
Il-profeta Alma staqsa lin-nies tiegħu din il-mistoqsija mill-aktar importanti. Hu qal, “Jekk intom esperjenzajtu bidla f’qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom hekk bħalissa?”24 Din il-mistoqsija hija verament importanti llum, għaliex bħala dixxipli tal-Mulej, aħna neħtieġu l-qawwa feddejja tiegħu biex takkumpanjana, timmotivana, u tibdilna kull jum.
Il-mistoqsija ta’ Alma nistgħu wkoll nistaqsuha b’mod ieħor, meta kien l-aħħar darba li intom ħassejtu f’ħajjitkom l-influwenza ħelwa tal-Espjazzjoni tas-Salvatur? Dan iseħħ meta intom tħossu ferħ “skwiżit u ħelu”25 jaħkimkom li jixhed ma’ ruħkom li dnubietkom ġew maħfura; jew meta ċerti sfidi diffiċli f’daqqa waħda jsiru aktar faċli biex iġġorruhom; jew meta qalbkom tirtab u tkunu kapaċi tesprimu l-maħfra lil xi ħadd li weġġagħkom. Jew jista’ jkun kull darba li intom tinnotaw li l-kapaċità tagħkom li tħobbu u taqdu lill-oħrajn kibret, jew li l-proċess tal-qdusija qiegħed jagħmel minnek persuna differenti, imfassla fuq l-eżempju tas-Salvatur.26
Jiena nixhed magħkom li dawn l-esperjenzi kollha huma reali u huma evidenza li l-ħajjiet jistgħu jinbidlu permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu. Il-Ktieb ta’ Mormon jikkjarifika u jespandi l-għarfien tagħna dwar dan id-don divin. Hekk kif intom tistudjaw dan il-ktieb, intom tisimgħu l-leħen ta’ Kristu l-ħaj jistedinkom biex tersqu lejh. Jiena nwiegħed li jekk intom taċċettaw din l-istedina u tfasslu ħajjitkom fuq l-eżempju tiegħu, l-influwenza feddejja tiegħu tasal biex tidħol f’ħajjitkom. Permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, is-Salvatur jittrasformakom jum wara jum “sa dak il-jum perfett”27 meta intom, kif iddikjara Hu, “taraw wiċċi u tkunu tafu li jiena hu.”28 F’isem Ġesù Kristu, amen.