Il-Barka tar-Rivelazzjoni Kontinwa lill-Profeti u r-Rivelazzjoni Personali biex Tiggwida Ħajjitna
Ir-rivelazzjoni kontinwa ngħatat u qed tingħata permezz tal-mezzi li stabbilixxa l-Mulej.
Illum se nkellimkom dwar ir-rivelazzjoni kontinwa mogħtija lill-profeti u r-rivelazzjoni personali kontinwa biex tiggwida ħajjitna.
Xi kultant aħna nirċievu r-rivelazzjoni anke meta ma nkunux nafu l-għanijiet tal-Mulej. Ftit qabel ma l-Presbiteru Jeffrey R. Holland ġie msejjaħ bħala Appostlu f’Ġunju tal-1994, jiena kelli esperjenza rivelatorja mill-isbaħ li hu kien se jiġi msejjaħ. Jiena kont rappreżentant reġjonali u ma stajt insib l-ebda raġuni għalfejn jiena kelli ningħata dak l-għarfien. Iżda meta konna għadna missjunarji żgħażagħ ġo l-Ingilterra fil-bidu tas-snin 60, aħna konna kollegi ta’ xulxin, u veru kont inħobbu. Jiena kkunsidrajt dik l-esperjenza bħala mument ta’ ħniena mill-aktar tenera. F’dawn l-aħħar snin, jiena staqsejt lili nnifsi jekk il-Mulej kienx qed iħejjini biex inkun il-minuri fit-Tnax għal kollega missjunarju inkredibbli li kien il-kollega minuri tiegħi meta konna missjunarji żgħażagħ.1 Jien xi kultant inwissi lill-missjunarji żgħażagħ biex ikunu ġentili mal-kollega minuri tagħhom għax qatt ma jistgħu jobsru meta hu jispiċċaw bħala l-kollega anzjan tagħhom.
Jien għandi testimonjanza ferma li din il-Knisja rrestawrata hi mmexxija mis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu jaf lil min għandu jsejjaħ bħala l-Appostli tiegħu u f’liema ordni jsejħilhom. Hu jaf ukoll kif għandu jħejji lill-Appostlu anzjan tiegħu biex ikun il-profeta u l-President tal-Knisja.
Dalgħodu kienet barka għalina li kellna l-opportunità nisimgħu lill-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, iwassal proklamazzjoni biċentinarja mil-aktar profonda lid-dinja dwar ir-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.2 Din id-dikjarazzjoni importanti mill-President Nelson għamlitha ċara li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu taf l-oriġni, l-eżistenza, u d-direzzjoni tagħha għall-ġejjieni lill-prinċipju tar-rivelazzjoni kontinwa. Il-proklamazzjoni l-ġdida tirrappreżenta l-komunikazzjoni ta’ Missier kollu mħabba lil uliedU.
Żmien ilu, il-President Spencer W. Kimball esprima s-sentimenti li jien qed inħoss illum. Hu ddikjara: “Fos il-ħwejjeġ kollha, li … l-aktar li għandna nkunu grati għalihom hu li s-smewwiet verament huma miftuħin u li l-knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu hi mwaqqfa fuq il-blata tar-rivelazzjoni. Ir-rivelazzjoni kontinwa hi verament l-aktar ħaġa vitali fl-evanġelju tal-Mulej u s-Salvatur il-ħaj, Ġesù Kristu.”3
Il-profeta Ħenok ra ż-żmien li fih qegħdin ngħixu. Il-Mulej wera lil Ħenok il-ħażen kbir li kien se jaħkem lid-dinja u hu bassar dwar “it-taħbit il-kbir” li kien se jseħħ. Madankollu, il-Mulej wiegħed, “Iżda jiena se nippreserva lill-poplu tiegħi.”4 “U t-tjieba jiena se nibgħat mis-smewwiet; u l-verità se noħroġ mill-art, biex tixhed dwar l-Iben Uniġenitu tiegħi.”5
Il-President Ezra Taft Benson għallem b’qawwa kbira li l-Ktieb ta’ Mormon, iċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna, inħareġ mill-art biex tiġi fis-seħħ id-dikjarazzjoni li l-Mulej għamel lil Ħenok. Il-Missier u l-Iben u anġli u profeti li dehru lill-Profeta Joseph Smith kienu “mmexxija mis-smewwiet biex jirrestawraw il-qawwiet neċessarji tas-saltna.”6
Il-Profeta Joseph Smith irċieva rivelazzjoni wara l-oħra. Xi wħud ġew indirizzati waqt din il-konferenza. Bosta rivelazzjonijiet li rċieva l-Profeta Joseph ġew ippreservati għalina fid-Duttrina u Patti. Fil-kitbiet kanoniċi tal-Knisja nsibu l-moħħ u r-rieda tal-Mulej għalina f’din l-aħħar dispensazzjoni.7
Minbarra din l-iskrittura fundamentali importanti, aħna mberkin bir-rivelazzjoni kontinwa mogħtija lill-profeti ħajjin. Il-profeti huma “aġenti kkummissjonati tal-Mulej, awtorizzati li jitkellmu f’ismU.”8
Xi rivelazzjonijiet huma ta’ importanza monumentali, u oħrajn isaħħu l-għarfien tagħna dwar il-verità divina essenzjali u jipprovdulna gwida għal żmienna.9
Aħna verament grati għar-rivelazzjoni mogħtija lill-President Spencer W. Kimball li f’Ġunju 1978 estendiet il-barkiet tas-saċerdozju u tat-tempju lil kull membru den maskili tal-Knisja.10
Jiena servejt flimkien ma’ ħafna mit-Tnax li kienu preżenti u pparteċipaw meta ngħatat dik ir-rivelazzjoni. Kull wieħed minnhom, permezz ta’ konverżazzjonijiet personali, ikkonfermaw il-gwida spiritwali qawwija u unifikanti li l-President Kimball u huma esperjenzaw. Ħafna qalu li kienet l-aktar rivelazzjoni qawwija li huma qatt irċevew kemm qabel kif ukoll wara dak iż-żmien.11
Aħna li bħalissa qed inservu fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu fi żmienna ġejna mberkin hekk kif irċevejna rivelazzjonijiet mill-aktar sinifikanti permezz tal-profeti riċenti.12 Il-President Russell M. Nelson kien aġent ikkummissjonat mill-Mulej speċjalment fejn jidħlu rivelazzjonijiet li jgħinu lill-familji jibnu santwarji ta’ fidi fi djarhom, jiġbru flimkien l-ulied imxerrda ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu, u jbierku lill-membri ddotati fi ħwejjeġ relatati mal-ordinanzi sagri tat-tempju.
Meta fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2018 tħabbar tibdil importanti li jbierek djarna, jiena xhedt “li fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ġewwa t-tempju, … wara li l-profeta għażiż tagħna talab lill-Mulej biex jagħtih rivelazzjoni … , aħna lkoll irċevejna konferma mill-aktar qawwija.”13
F’dak iż-żmien, ingħataw rivelazzjonijiet oħra relatati ma’ ordinanzi sagri tat-tempju iżda dawn ma ġewx imħabbra jew implimentati.14 Ingħata bidu għal din il-gwida permezz ta’ rivelazzjoni profetika mogħtija b’mod individwali lill-President Russell M. Nelson u permezz ta’ konferma qawwija u ħelwa lil dawk li ħadu sehem fil-proċess. Il-President Nelson speċifikament involva lis-sisters li jippresedu fuq is-Soċjetà tal-Għajnuna, fuq it-Tfajliet, u fuq l-organizzazzjonijiet tal-Primarja. Il-gwida finali, fit-tempju, lill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu kienet profondament waħda spiritwali u qawwija. Aħna lkoll konna nafu li konna rċevejna l-moħħ, ir-rieda, u l-leħen tal-Mulej.15
Jien niddikjara bis-solennità kollha li r-rivelazzjoni kontinwa ngħatat u qed tingħata permezz tal-mezzi li stabbilixxa l-Mulej. Jiena nixhed li l-proklamazzjoni l-ġdida l-President Nelson wasslilna dalgħodu hi rivelazzjoni biex tbierek lin-nies kollha.
Aħna Nistiednu lil Kulħadd biex Jiffesteġġja madwar il-Mejda tal-Mulej
Minn qalbna aħna niddikjaraw ukoll ix-xewqa tagħna li nerġgħu ningħaqdu ma’ dawk li jinsabu inċerti mit-testimonjanza tagħhom, li huma anqas attivi, jew li isimhom tneħħa mir-reġistri tal-Knisja. Nixtiequ niffesteġġjaw magħkom “permezz ta’ kliem Kristu” mal-medja tal-Mulej, biex nitgħallmu x’għandna nagħmlu aħna lkoll.16 Aħna għandna bżonnkom! Il-Knisja għandha bżonnkom! Il-Mulej għandu bżonnkom! It-talba sinċiera tagħna hi li intom tingħaqdu magħna u flimkien inqimu lis-Salvatur tad-dinja. Aħna nafu li xi wħud minnkom stajtu esperjenzajtu xi offiża, xi azzjoni ħażina, jew xi mġieba oħra li mhijiex Kristjana. Nafu wkoll li xi wħud qed jesperjenzaw ċerti sfidi fil-fidi tagħhom li mhux dejjem jiġu apprezzati, mifhuma, jew risolti.
Il-fidi ta’ wħud mill-membri tal-azzar l-aktar fidili tagħna wkoll għaddiet minn żmien ta’ sfida. Kemm jogħġobni r-rakkont veru ta’ W.W. Phelps, li abbanduna l-Knisja u xehed kontra l-Profeta Joseph Smith ġewwa qorti f’Missouri. Wara li nidem, huwa kiteb lil Joseph, “Jien naf is-sitwazzjoni tiegħi, inti tafha, u Alla jafha, u jien irrid insalva jekk jgħinuni sħabi.”17 Joseph ħafirlu, reġa’ involvih fil-ħidma, u b’imħabba kitiblu, “Min qabel kien ħabib, fl-aħħar mill-aħħar jerġa’ jsir ħabib.”18
Ħuti, irrispettivament x’inhi s-sitwazzjoni tagħkom, jekk jogħġobkom kunu afu li l-Knisja u l-membri tagħha se jerġgħu jilqgħukom lura!
Rivelazzjoni Personali biex Tiggwida Ħajjitna
Ir-rivelazzjoni personali hi disponibbli għal dawk kollha li b’umiltà jfittxu l-gwida tal-Mulej. Hi importanti daqs rivelazzjoni profetika. Rivelazzjoni spiritwali personali mingħand l-Ispirtu s-Santu wasslet biex miljuni jirċievu t-testimonjanza neċessarja li jitgħammdu u jiġu kkonfermati membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Ir-rivelazzjoni personali hija l-barka profonda li nirċievu wara l-magħmudija meta aħna “nitqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu.”19 Għadni niftakar rivelazzjoni spiritwali speċjali li rċevejt meta kelli 15-il sena. Ħija l-għażiż kien qed ifittex li jikseb il-gwida tal-Mulej dwar kif kellu jwieġeb lill-maħbub missierna, li ma riedx li ħija jservi missjoni. Jiena tlabt ukoll b’intenzjoni sinċiera u rċevejt rivelazzjoni personali dwar il-verità tal-evanġelju.
L-Irwol tal-Ispirtu s-Santu
Ir-rivelazzjoni personali hi bbażata fuq veritajiet spiritwali li nirċievu mill-Ispirtu s-Santu.20 L-Ispirtu s-Santu hu r-rivelatur u x-xhud tal-verità kollha, speċjalment dik relatata mas-Salvatur. Mingħajr l-ispirtu s-Santu, ma nistgħux inkunu nafu li Ġesù hu l-Kristu. L-irwol importanti tiegħu hu li jixhed dwar il-Missier u l-Iben u t-titli tagħhom u l-glorja tagħhom.
L-Ispirtu s-Santu jista’ jinfluwenza lil kulħadd b’mod qawwi.21 Din l-influwenza tibqa’ kostanti biss jekk persuna titgħammed u tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jservi wkoll bħala aġent li jnaddaf fil-proċess tal-indiema u l-maħfra.
L-Ispirtu jikkomunika b’modi meraviljużi. Il-Mulej uża din id-deskrizzjoni sabiħa:
“Jiena nkellimkom f’moħħkom u f’qalbkom, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jinżel fuqkom u jgħammar f’qalbkom.
“U issa, araw, dan hu l-ispirtu tar-rivelazzjoni.”22
Minkejja li l-impatt tiegħu jaf ikun inkredibbilment wieħed qawwi, ħafna drabi jasal għandna bħal żiffa ħelwa.23 L-iskrittura tinkludi bosta eżempji ta’ kif l-Ispirtu jinfluwenza moħħna, fosthom li jwasslilna l-paċi f’moħħna,24 jokkupa moħħna,25 idawwal moħħna,26 u saħansitra jibgħat leħen ġewwa moħħna.27
Xi prinċipji li jħejjuna biex nirċievu r-rivelazzjoni jinkludu:
-
Nitolbu għall-gwida spiritwali. B’qima u b’umiltà jeħtieġ infittxu u nistaqsu28 u nkunu paċenzjużi u sottomessi.29
-
Inħejju għall-ispirazzjoni. Dan jeħtieġ li aħna nkunu f’armonija mat-tagħlim tal-Mulej u nobdu l-kmandamenti tiegħu.
-
Nieħdu sehem fis-sagrament b’mod den. Meta nagħmlu dan, aħna nixhdu u nagħmlu patt ma’ Alla li aħna nieħdu fuqna isem ibnu l-qaddis u li niftakru fih u nħarsu l-kmandamenti miegħu.
Dawn il-prinċipji jħejjuna biex nirċievu, nagħrfu, u nimxu wara s-suġġerimenti u l-gwida tal-Ispirtu s-Santu. Dawn jinkludu “ħwejjeġ paċifiċi … li jwasslu l-ferħ u … l-ħajja eterna.”30
It-tħejjija spiritwali tagħna tissaħħaħ ferm meta aħna nistudjaw regolarment l-iskrittura u l-veritajiet tal-evanġelju u nixtarru f’moħħna l-gwida li nkunu qed infittxu. Iżda ftakru biex tkunu paċenzjużi u tafdaw fl-orarju tal-Mulej. Aħna ningħataw il-gwida mill-Mulej omnixxenti meta Hu “deliberatament jagħżel li jgħallimna.”31
Ir-Rivelazzjoni fis-Sejħiet u l-Assenjazzjonijiet Tagħna
L-Ispirtu s-Santu jipprovdi wkoll ir-rivelazzjoni fis-sejħiet u l-assenjazzjonijiet tagħna. Mill-esperjenza tiegħi, il-gwida spiritwali mill-aktar sinifikanti ħafna drabi niksbuha meta nkunu qed nippruvaw inbierku lil ħaddieħor waqt li nwettqu r-responsabbiltajiet tagħna.
Niftakar meta kont għadni isqof żagħżugħ kont irċevejt telefonata urġenti minn koppja miżżewġa ftit qabel ma kont se naqbad ajruplan minħabba xogħol. Qabel huma waslu ħdejja tlabt lill-Mulej biex inkun naf kif stajt inberikhom. Ġiet żvelata lili n-natura tal-problema tagħhom u kif jien kelli nweġibhom. Dik il-gwida rivelatorja tatni ċ-ċans li nwettaq ir-responsabbiltajiet sagri tas-sejħa tiegħi bħala isqof minkejja l-ħin veru limitat li kelli. Isqfijiet minn madwar id-dinja jaqsmu miegħi wkoll esperjenzi simili. Bħala president tal-wited, jien mhux biss irċevejt rivelazzjoni importanti iżda wkoll irċevejt korrezzjoni personali li kienet neċessarja biex inwettaq l-għanijiet tal-Mulej.
Nassigurakom li lkoll kemm aħna nistgħu nirċievu l-gwida rivelatorja hekk kif b’umiltà naħdmu fl-għalqa tal-Mulej. Il-gwida li nirċievu tiġi ħafna drabi mill-Ispirtu s-Santu. Xi kultant u minħabba ċerti għanijiet, tiġi direttament mingħand il-Mulej. Jiena personalment nixhed li dan hu veru. Il-gwida f’isem il-Knisja, b’mod inġenerali, tasal għand il-President u l-profeta tal-Knisja.
Aħna, bħala Appostli ta’ żmienna, għandna l-privileġġ li naħdmu u nivvjaġġaw flimkien mal-profeta kurrenti tagħna, il-President Nelson. Nipparafraża dak li Wilford Woodruff qal dwar il-Profeta Joseph Smith; dan japplika bl-istess mod għall-President Nelson. Jiena rajt “il-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla preżenti miegħu, u r-rivelazzjonijiet ta’ Ġesù Kristu jingħataw lilu u rajt ukoll it-twettiq ta’ dawk ir-rivelazzjonijiet.”32
It-talba umli tiegħi llum hi li kull wieħed u waħda minna nfittxu r-rivelazzjoni kontinwa li tiggwida ħajjitna u nimxu wara l-Ispirtu hekk kif inqimu lill-Alla l-Missier f’isem is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li dwaru jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, amen.