Konferenza Ġenerali
Il-Miġja tal-Ktieb ta’ Mormon
Konferenza Ġenerali April 2020


Il-Miġja tal-Ktieb ta’ Mormon

Il-fatti storiċi u x-xhieda speċjali tal-Ktieb ta’ Mormon jixhdu li l-miġja tiegħu kienet tabilħaqq waħda mirakoluża.

Meta f’okkażjoni partikolari l-Profeta Joseph Smith kien qed jiltaqa’ mal-presbiteri tal-Knisja huwa ddikjara: “Warrbu lill-Ktieb ta’ Mormon, u r-rivelazzjonijiet, u x’jibqa’ mir-reliġjon tagħna? Ma jibqa’ xejn.”1 Għeżież ħuti, wara l-ewwel viżjoni, il-miġja mirakoluża tal-Ktieb ta’ Mormon hija t-tieni avveniment fundamentali mill-aktar importanti tar-Restawrazzjoni, li għadha qed tiżvolġi, tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu f’din id-dispensazzjoni. Il-Ktieb ta’ Mormon jixhed dwar l-imħabba ta’ Alla għal uliedu, dwar is-sagrifiċċju altruwist u divin tal-Espjazzjoni tal-Mulej Ġesù Kristu, u dwar il-qofol tal-ministeru tiegħu fost in-Nefiti ftit wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet.2 Hu jixhed ukoll li l-bqija tad-dar ta’ Iżrael għandhom jingħaqdu flimkien permezz tal-ħidma tal-aħħar żminijiet u li huma mhux se jibqgħu mwarrbin għal dejjem.3

Hekk kif nistudjaw dwar il-miġja ta’ dan il-ktieb ta’ skrittura mill-aktar qaddis f’dawn l-aħħar żminijiet, aħna nibdew nagħrfu li l-ħidma sħiħa kollha kienet waħda mirakoluża—minn meta l-Profeta Joseph irċieva l-pjanċi tad-deheb minn anġlu qaddis sat-traduzzjoni tiegħu “permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla,”4 u l-preservazzjoni u l-pubblikazzjoni tiegħu permezz ta’ id il-Mulej.

Il-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon bdiet ferm qabel ma’ Joseph Smith irċieva l-pjanċi tad-deheb minn idejn l-anġlu Moroni. Il-profeti tal-qedem ħabbru dwar il-miġja fi żmienna ta’ dan il-ktieb sagru.5 Isaija tkellem dwar ktieb issiġillat, li jfeġġ fid-dinja meta n-nies ikunu qed jitlewmu bejniethom minħabba l-kelma ta’ Alla. Din iċ-ċirkustanza pprovdiet il-kuntest li fih Alla seta’ jwettaq l-“għeġubijiet mill-aktar kbar” tiegħu, li wasslu biex “jintemm l-għerf tal-għorrief tiegħu, u jgħib id-dehen tad-dehnin tiegħu,” filwaqt li l-imsejknin kienu se “jifirħu fil-Mulej, u l-fqajrin fost il-bnedmin jaqbżu bil-ferħ bil-Qaddis ta’ Iżrael.”6 Eżekjel tkellem dwar il-ħatar ta’ Ġuda (il-Bibbja) u l-ħatar ta’ Efrajm (il-Ktieb ta’ Mormon) li jsiru ħaġa waħda. Kemm Eżekjel (fil-Testment il-Qadim) kif ukoll Leħi (fil-Ktieb ta’ Mormon) it-tnejn indikaw li huma kien se “jikbru flimkien” biex juru kemm kienet żbaljata d-duttrina falza, biex jistabbilixxu l-paċi, u biex iwassluna ħalli jkollna għarfien tal-patti.7

Fil-lejla tal-21 ta’ Settembru, 1823, tliet snin u nofs wara li esperjenza l-Ewwel Viżjoni, Joseph mar iżuru tliet darbiet l-anġlu Moroni, l-aħħar profeta tan-Nefiti fl-Amerka tal-qedem, b’risposta għat-talb sinċier tiegħu. Tul il-laqgħa li huma kellhom li damet sejra l-lejl kollu, Moroni qal lil Joseph li Alla kellu ħidma meraviljuża għalih xi jwettaq—it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni għad-dinja tal-kliem ispirat ta’ profeti tal-qedem mill-kontinent Amerikan.8 L-għada, Joseph mar fuq il-post, li ma kienx ’il bogħod minn fejn kien joqgħod, fejn sekli qabel il-pjanċi kienu ndifnu minn Moroni fl-aħħar ta’ ħajtu. Hemmhekk Joseph reġa’ ra lil Moroni, li talbu biex huwa jħejji lilu nnifsu ħalli fil-futur jirċievi l-pjanċi.

Fl-erba’ snin ta’ wara, kull nhar it-22 ta’ Settembru ta’ kull sena, Joseph kompla jirċievi aktar istruzzjonijiet mingħand Moroni rigward l-għarfien ta’ kif għandha titmexxa s-saltna tal-Mulej fl-aħħar żminijiet. It-tħejjija ta’ Joseph kienet tinkludi wkoll żjarat mill-anġli ta’ Alla, u b’hekk kompliet tiżvolġi l-maestà u l-glorja tal-ġrajjiet li se jibqgħu jseħħu f’din id-dispensazzjoni.9

Iż-żwieġ tiegħu ma’ Emma Hale fl-1827 kien parti minn dik it-tħejjija. Hija kellha rwol importanti fl-għajnuna li hi tat lill-Profeta tul il-ħajja u l-ministeru tiegħu. Fil-fatt, f’Settembru tal-1827, Emma akkumpanjat lil Joseph sal-għolja, fejn kienu moħbijin il-pjanċi, u baqgħet tistennieh hekk kif l-anġlu Moroni għadda l-annali f’idejn Joseph. Joseph irċieva l-wegħda li l-pjanċi kienu se jiġu ppreservati jekk huwa kien se jagħmel l-almu tiegħu biex iżommhom ’il bogħod minn kull periklu sakemm kellhom jerġgħu jmorru lura f’idejn Moroni.10

Għeżież sħabi fl-evanġelju, bosta mill-iskoperti miż-żminijiet tal-qedem li jseħħu llum iseħħu waqt xi skavar arkeoloġiku jew saħansitra b’kumbinazzjoni waqt xi proġett ta’ kostruzzjoni. Joseph Smith, madankollu, ittieħed fejn kien hemm il-pjanċi minn anġlu. Din il-ġrajja fiha nnifisha hija miraklu.

Il-proċess tat-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon ukoll kien miraklu. Dawn l-annali sagri ta’ żmien il-qedem ma ġewx “tradotti” bil-mod tradizzjonali kif l-istudjużi jittraduċu l-kitbiet tal-qedem billi jitgħallmu xi lingwa tal-qedem. Aħna jeħtieġ li nħarsu lejn il-proċess aktar bħala “rivelazzjoni” bl-għajnuna ta’ strumenti tanġibbli li pprovda l-Mulej milli bħala xi “traduzzjoni” minn xi ħadd għaref fil-lingwi. Joseph Smith iddikjara li permezz tal-qawwa ta’ Alla, hu “ittraduċa l-Ktieb ta’ Mormon minn fuq ġeroglifiċi, li l-għarfien dwarhom kien intilef għan-nies tad-dinja, li f’dan l-avveniment meraviljuż hu, żagħżugħ mingħajr skola, kien jinsab wieqaf waħdu jikkumbatti l-għerf tad-dinja u l-injoranza grassa tas-seklu tmintax, permezz ta’ rivelazzjoni ġdida.”11 L-għajnuna tal-Mulej fit-traduzzjoni tal-pjanċi—jew aħjar, fir-rivelazzjoni—hi wkoll ħaġa evidenti meta wieħed jikkunsidra ż-żmien mirakolożament qasir li Joseph Smith ħa biex jittraduċihom.12

L-iskribi ta’ Joseph xehdu dwar il-qawwa ta’ Alla li dehret meta kienu qed jaħdmu fuq it-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon. Oliver Cowdery darba qal: “Dan kien żmien li qatt mhu se jintesa—li kont ninsab bilqiegħda nisma’ l-ħoss ta’ leħen jitkellem permezz tal-ispirazzjoni tas-smewwiet, qanqal fija gratitudni enormi! Jum wara jum jien komplejt nikteb, bla waqfien, dak li kien ħiereġ minn fommu, huwa u jittraduċi … ‘Il-Ktieb ta’ Mormon.’”13

Sorsi storiċi jiżvelaw li minn dak il-mument li fih Joseph kiseb il-pjanċi fl-1827, saru bosta attentati biex jisirquhom mingħandu. Huwa nnota li “intużat forza kbira biex jittieħdu l-pjanċi mingħandu” u li “kull strataġemma li setgħet tiġi vvintata ntużat għal dak il-għan.”14 Eventwalment Joseph u Emma ġew imġiegħla jitilqu minn Manchaster, fi New York, u jmorru Harmony, f’Pennsylvania, biex ifittxu post ’il bogħod mill-periklu biex ikomplu għaddejjin bil-ħidma tat-traduzzjoni, ’il bogħod mill-marmalja u l-individwi li riedu jisirqu l-pjanċi.15 Kif innota wieħed storiku: “B’hekk ġiet fi tmiemha l-ewwel fażi diffiċli tat-tutela ta’ Joseph fuq il-pjanċi. … Madankollu l-annali kienu jinsabu siguri, u fid-diffikultajiet li kellu biex jippreservahom m’hemmx dubju li Joseph tgħallem ħafna dwar il-modi ta’ Alla u tal-bniedem, u dan kien se jservi ta’ għajnuna għalih fiż-żmien ta’ wara.”16

Hekk kif kien qed jittraduċi l-Ktieb ta’ Mormon, Joseph tgħallem li l-Mulej kien se jagħżel xhieda biex jaraw il-pjanċi.17 Din hi parti minn dak li l-Mulej innifsu stabbilixxa meta qal, “Fuq il-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta titwettaq kull kelma.”18 Oliver Cowdery, David Whitmer, u Martin Harris, li kienu wħud mill-ewwel kumpanji ta’ Joseph fit-twaqqif tal-ħidma meraviljuża ta’ Alla f’din id-dispensazzjoni, kienu l-ewwel xhieda msejħin biex jaqsmu mad-dinja testimonjanza speċjali tal-Ktieb ta’ Mormon. Huma xehdu li anġlu, li ġie mill-preżenza tal-Mulej, urihom l-annali ta’ żmien il-qedem u li huma raw l-ittri minquxa fuq il-pjanċi. Huma xehdu wkoll li semgħu leħen Alla mis-smewwiet jiddikjara li l-annali antiki ġew tradotti bid-don u l-qawwa ta’ Alla. Imbagħad huma ġew mitlubin jixhdu dwar dan mad-dinja kollha.19

B’mod mirakoluż il-Mulej sejjaħ tmien xhieda oħra biex jaraw huma stess il-pjanċi tad-deheb u biex ikunu xhieda speċjali mad-dinja tal-verità u d-divinità tal-Ktieb ta’ Mormon. Huma xehdu li raw u eżaminaw bir-reqqa l-pjanċi u l-ittri mnaqqxa fihom. Minkejja l-avversità, il-persekuzzjoni, u kull tip ta’ diffikultà, u saħansitra kien hemm ukoll fosthom li wara naqsitilhom il-fidi tagħhom, dawn il-ħdax-il xhud tal-Ktieb ta’ Mormon magħżula mill-Mulej qatt ma ċaħdu t-testimonjanzi tagħhom li huma raw il-pjanċi. Joseph Smith ma baqax aktar l-uniku wieħed li kien jaf dwar iż-żjajjar ta’ Moroni u l-pjanċi tad-deheb.

Lucy Mack Smith kitbet li binha wasal id-dar ferħan se jtir wara li x-xhieda ġew murija l-pjanċi. Joseph spjega lill-ġenituri tiegħu, “Inħoss li bħallikieku tneħħa minn fuqi piż kbir li kważi kien tqil wisq biex inġorru, u nħoss ferħ kbir fija, li m’għadnix għal kollox waħdi fid-dinja.”20

Joseph Smith ħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni kbira meta ġie biex jistampa l-Ktieb ta’ Mormon hekk kif intemmet it-traduzzjoni tiegħu. Huwa rnexxielu jikkonvinċi wieħed stampatur jismu Egbert B. Grandin ġewwa Palmyra, fi New York, biex jistampah wara li Martin Harris, f’att kbir ta’ fidi u sagrifiċċju, ipoteka r-razzett tiegħu bħala garanzija għall-ispejjeż tal-istampar. Minħabba l-oppożizzjoni kontinwa li kien hemm wara l-pubblikazzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon, Martin Harris b’fedeltà biegħ 151 tomna art (0.6 km2) mir-razzett tiegħu biex ikun jista’ jifdi l-ispejjez tal-pubblikazzjoni. Permezz ta’ rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith, il-Mulej talab lil Martin Harris biex ma joqgħodx jiddispjeċih għall-propjetà tiegħu u jħallas l-ispejjeż tal-istampar tal-ktieb li kien “fih il-verità u l-kelma ta’ Alla.”21 F’Marzu tal-1830 ġew ippubblikati l-ewwel 5,000 kopja tal-Ktieb ta’ Mormon, u llum aktar minn 180 miljun kopja ġew stampati f’aktar minn mitt lingwa differenti.

Il-fatti storiċi u x-xhieda speċjali tal-Ktieb ta’ Mormon jixhdu li l-miġja tiegħu kienet tabilħaqq waħda mirakoluża. Madankollu, il-qawwa ta’ dan il-ktieb mhijiex ibbażata biss fuq l-istorja meraviljuża tiegħu iżda fuq il-messaġġ qawwi u bla paragun li bidel numru kbir ta’ ħajjiet—fosthom tiegħi!

Jiena qrajt il-Ktieb ta’ Mormon kollu kemm hu għall-ewwel darba meta kont għandi daqsxejn ta’ student żagħżugħ tas-seminarju. Kif kien ġie irrakkomandat mill-għalliema tiegħi, jiena bdejt naqrah mill-ewwel paġni ta’ introduzzjoni tiegħu. Il-wegħda li tinsab fl-ewwel paġni tal-Ktieb ta’ Mormon għadha tidwi f’moħħi: “Xtarru f’qalbkom … , imbagħad … staqsu lil Alla [b’fidi] … f’isem Kristu jekk il-ktieb huwiex veru. Dawk li jagħmlu dan … jiksbu testimonjanza dwar il-verità u d-divinità tiegħu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”22

B’dik il-wegħda f’moħħi, jien fittixt b’ħerqa li nkun naf dwar il-verità tiegħu, u fi spirtu ta’ talb, jiena studjajt il-Ktieb ta’ Mormon, ftit ftit, hekk kif kull ġimgħa kont inlesti l-lezzjonijiet tas-seminarju li kont ningħata. Niftakar, qisu lbieraħ, li sentiment ta’ mħabba gradwalment beda jimla ruħi u qalbi, beda jdawwal l-għarfien tiegħi, u beda jsir aktar u aktar delizzjuż, kif deskritt minn Alma huwa u jxandar il-kelma ta’ Alla lill-poplu tiegħu.23 Dak is-sentiment eventwalment inbidel f’għarfien li kiber f’qalbi u sar il-pedament tat-testimonjanza tiegħi tal-ġrajjiet u t-tagħlim sinifikanti li nsibu f’dan il-ktieb sagru.

Permezz ta’ dawn l-esperjenzi personali imprezzabbli u oħrajn, il-Ktieb ta’ Mormon verament sar iċ-ċavi ċentrali li ssostni l-fidi tiegħi f’Ġesù Kristu u t-testimonjanza tiegħi tad-duttrina tal-evanġelju tiegħu. Sar għalija wieħed mill-pilastri li jixhed miegħi dwar is-sagrifiċċju divin tal-Espjazzjoni ta’ Kristu. Sar it-tarka tiegħi tul ħajti kontra l-attentati tal-avversarju li jdgħajjef il-fidi tiegħi u jnissel in-nuqqas ta’ twemmin f’moħħi u jagħtini l-kuraġġ biex bl-aktar mod ċar niddikjara mad-dinja t-testimonjanza tiegħi tas-Salvatur.

Għeżież ħbieb tiegħi, it-testimonjanza tiegħi ksibtha linja wara linja24 bħala miraklu f’qalbi. Sal-lum, din it-testimonjanza qed tkompli tikber hekk kif jiena kontinwament infittex, b’qalb sinċiera, li nifhem aktar il-kelma ta’ Alla kif tinsab f’dan il-ktieb ta’ skrittura mill-aktar straordinarju.

Intom kollha li qed tisimgħu leħni llum, jiena nistedinkom biex tkunu parti mill-miġja meraviljuża tal-Ktieb ta’ Mormon f’ħajjitkom. Inwegħidkom li hekk kif bl-għajnuna tat-talb u b’mod konsistenti intom tistudjaw il-kliem tiegħu, intom tkunu tistgħu tgawdu mill-wegħdiet tiegħu u minn għadd ta’ barkiet meraviljużi f’ħajjitkom. Jiena nirriafferma għal darb’oħra l-wegħda li tinsab tidwi fil-paġni tiegħu: li jekk intom “titolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera; u jekk tistaqsu b’qalb sinċiera, b’intenzjoni vera, b’fidi fi Kristu,” Huwa bil-ħniena “jurikom il-verità tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”25 Jiena nista’ nassigurakom li Hu jweġibkom b’mod mill-aktar personali, kif għamel miegħi u ma’ ħafna oħrajn madwar id-dinja. L-esperjenza tagħkom se tkun għalikom waħda glorjuża u sagra l-istess kif kienu l-esperjenzi ta’ Joseph Smith għalih, kif ukoll kif kienu għall-ewwel xhieda u għal dawk kollha li fittxew biex jirċievu xhieda tal-integrità u l-fedeltà ta’ dan il-ktieb sagru.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li l-Ktieb ta’ Mormon huwa verament il-kelma ta’ Alla. Nixhed li dawn l-annali sagri “fihom id-duttrina tal-evanġelju, jiddeskrivu l-pjan tas-salvazzjoni, u jgħidu lill-bnedmin x’għandhom jagħmlu biex jiksbu l-paċi f’din il-ħajja u s-salvazzjoni eterna fil-ħajja li jmiss.”26 Jiena nixhed li l-Ktieb ta’ Mormon hu l-istrument ta’ Alla biex iġib fis-seħħ il-ġabra ta’ Iżrael fi żmienna u biex jgħin lin-nies isiru jafu lill-Ibnu, Ġesù Kristu. Jiena nixhed li Alla jgħix u jħobbna u Ibnu, Ġesù Kristu, hu s-Salvatur tad-dinja, il-ġebla tax-xewka ewlenija tar-reliġjon tagħna. Jiena ngħid dan fl-isem sagru tal-Feddej tagħna, l-Imgħallem tagħna, u l-Mulej tagħna, l-istess Ġesù Kristu, amen.