Imxu ’l Quddiem bil-Fidi
Inberikkom bil-paċi u b’fidi akbar fil-Mulej.
Għeżież ħuti, hekk kif ninsabu resqin lejn tmiem din il-konferenza storika, aħna nesprimu l-gratitudni tagħna lill-Mulej. Il-mużika kienet waħda sublimi, u l-messaġġi li jispirawna.
Waqt din il-konferenza, aħna esperjenzajna bosta mumenti speċjali. F’dan l-anniversarju biċentinarju, aħna introduċejna proklamazzjoni lid-dinja li tiddikjara r-realtà tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja tiegħu.
Aħna fakkarna r-Restawrazzjoni permezz tal-Għajta tal-Hosanna.
Aħna ppreżentajna simbolu ġdid li juri l-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u bħala rikonoxximent viżwali għall-informazzjoni u l-materjal uffiċjali tal-Knisja.
Aħna sejjaħnielkom għal jum globali ta’ sawm u talb, biex il-pandemija ta’ bħalissa tkun tista’ tiġi kkontrollata, il-kuranti jkunu protetti, l-ekonomija tissaħħaħ, u l-ħajja tiġi għan-normal. Din is-sawma se ssir nhar il-Ġimgħa l-Kbira, 10 ta’ April. X’Ġimgħa kbira din se tkun!
Il-Ħadd li ġej hu Ħadd il-Għid, meta aħna għal darb’oħra se nfakkru l-Espjazzjoni u l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Minħabba l-Espjazzjoni tiegħu, ir-rigal tiegħu tal-qawmien mill-imwiet se jingħata lil kull min qatt għex. U r-rigal tiegħu tal-ħajja eterna se jingħata lil dawk kollha li jikkwalifikaw jekk ikunu fidili lejn l-ordinanzi u l-patti li jsiru fit-tempji mqaddsa tiegħu.
Il-ħafna komponenti li jispirawna f’din il-konferenza ġenerali ta’ April 2020—u tal-ġimgħa sagra li issa qed nagħtu bidu għaliha—nistgħu niġbruhom f’żewġ kelmiet imnissla minn Alla: “Isimgħuh.”1 Aħna nitolbu li l-attenzjoni tagħkom fuq Missierna tas-Smewwiet, li lissen dak il-kliem, u fuq Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, tkun l-aktar ħaġa importanti fost dak kollu li ġara. Nitolbu biex intom terġgħu mill-ġdid verament tisimgħu, tagħtu widen, u toqogħdu attenti għall-kliem tas-Salvatur.2 Inwegħidkom li kif tagħmlu dan intom ikollkom anqas biża’ u aktar fidi.
Grazzi għax-xewqa tagħkom li tagħmlu minn djarkom santwarji vera ta’ fidi, fejn l-Ispirtu tal-Mulej jista’ jgħammar fihom. Il-kurrikulu tal-istudju tagħna tal-evanġelju, Come, Follow Me, ikompli jbierek ħajjitkom. L-isforzi konsistenti tagħkom f’din il-ħidma—anke f’dawk il-mumenti meta tħossukom li m’intomx qegħdin partikolarment tirnexxu—ibiddlulkom ħajjitkom, il-ħajja ta’ familtkom, u d-dinja. Aħna nissaħħu hekk kif insiru dixxipli aktar qalbiena tal-Mulej, weqfin u nitkellmu f’ismU, inkunu fejn inkunu.
Issa, ejjew nitkellmu dwar it-tempji. Aħna għandna 168 tempju ddedikat madwar id-dinja. Oħrajn jinsabu fi stadji differenti ta’ ippjanar u kostruzzjoni. Meta aħna nħabbru l-pjanijiet biex nibnu tempju ġdid, dan isir parti mill-istorja sagra tagħna.
Taf tidher ħaġa stramba li issa se nħabbru tempji ġodda meta t-tempji kollha tagħna jinsabu magħluqin għal xi żmien.
Aktar minn seklu ilu, il-President Wilford Woodruff ippreveda kundizzjonijiet jixbhu lil dawk ta’ żmienna, kif rrekordjat fit-talba dedikatorja tat-Tempju ta’ Salt Lake, mogħtija fl-1893. Jista’ jkun li xi wħud minnkom rajtu partijiet minn din it-talba meraviljuża riċentiment fuq il-midja soċjali.
Isimgħu dan it-talb li talab profeta setgħan ta’ Alla: “Meta n-nies Tiegħek ma jkollhomx l-opportunità li jidħlu f’din id-dar qaddisa … u jkunu magħkusin u fl-inkwiet, maħkuma minn diffikultajiet … u huma jdawru wiċċhom lejn din id-dar mqaddsa Tiegħek u jitolbuk għall-ħelsien, għall-għajnuna, biex il-qawwa Tiegħek timmanifesta ruħha f’isimhom, aħna nitolbuk, biex tħares ’l isfel mill-abitazzjoni mqaddsa Tiegħek bil-ħniena … u tisma’ talbhom. Jew meta ulied il-poplu Tiegħek, fis-snin li ġejjin, se jkunu separati, minħabba xi kawża, minn dan il-post, … u huma jitolbuK bil-ħerqa minn qalb is-sofferenza u n-niket tagħhom biex lilhom inti teħles, aħna b’umiltà u b’sinċerità nitolbuK biex … tisma’ l-krib tagħhom, u tagħtihom il-barkiet li jitolbu għalihom.”3
Ħuti, waqt dawn iż-żminijiet ta’ tbatija li aħna qed nesperjenzaw fejn it-tempji huma magħluqin, intom xorta tistgħu tgawdu mill-qawwa tal-patti u d-dotazzjoni tagħkom tat-tempju hekk kif tonoraw il-patti tagħkom. Jekk jogħġobkom użaw dan il-ħin meta t-tempji huma magħluqin biex tkomplu tgħixu ħajja denja tat-tempju, jew li ssiru denji li tidħlu fit-tempju.
Tkellmu dwar it-tempju mal-familja u l-ħbieb tagħkom. Peress li Ġesù Kristu hu fiċ-ċentru ta’ kulma nagħmlu fit-tempju, hekk kif taħsbu aktar dwar it-tempju intom tkunu qed taħsbu aktar dwaru. Studjaw u itolbu biex titgħallmu aktar dwar il-qawwa u l-għarfien li ġejtu ddotati bihom—jew li għad tridu tiġu ddotati bihom.
Illum bi pjaċir se nħabbru l-pjanijiet biex nibnu tmien tempji ġodda fil-postijiet li ġejjin: Bahía Blanca, l-Arġentina; Tallahassee, Florida; Lubumbashi, Ir-Repubblika Demokratika tal-Congo; Pittsburgh, Pennsylvania; Il-Belt ta’ Benin, Niġeria; Syracuse, Utah; Dubai, Emirati Għarab Magħquda; u Shanghai, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Fit-tmien postijiet li huma, il-periti tal-Knisja se jaħdmu ma’ uffiċjali lokali ħalli t-tempju jsebbaħ l-ambjent tal-komunità u jkun f’armonija miegħu.
Il-pjan għal tempju f’Dubai wasal wara li aċċettajna l-istedina grazzjuża tagħhom, li aħna nagħrfu bi gratitudni.
Il-kuntest għall-pjan għal Shanghai hu importanti ħafna. Il-membri mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma denji li jidħlu t-tempju ilhom aktar minn għoxrin sena jattendu t-Tempju ta’ Hong Kong, fiċ-Ċina. Iżda f’Lulju 2019, dak it-tempju se jagħlaq għal rinnovazzjoni mill-aktar meħtieġa u li ilha ppjanata.
F’Shanghai, post tal-laqgħat li se jintużu għal aktar minn għan wieħed se jipprovdi mod kif il-membri Ċiniżi se jkomplu jipparteċipaw f’ordinanzi tat-tempju—fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina—għalihom u għall-antenati tagħhom.4
F’kull pajjiż, din il-Knisja tgħallem lill-membri tagħha biex jonoraw, jobdu, u jsostnu l-liġi.5 Aħna ngħallmu l-importanza tal-familja, li nkunu ġenituri tajbin u ċittadini eżemplari. Peress li nirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Knisja ma tibgħatx missjunarji hemm biex ixandru l-evanġelju; u lanqas mhu se nibagħtu issa.
Il-kongregazzjonijiet għall-barranin u għaċ-Ċiniżi se jkomplu jiltaqgħu separatament. L-istatus legali tal-Knisja mhux se jinbidel. Fil-fażi inizjali tal-użu tal-faċilità, id-dħul se jkun biss b’appuntament. Id-dar tal-Mulej f’Shanghai mhux se tkun post ta’ destinazzjoni għal turisti minn pajjiżi oħra.
Dawn it-tmien tempji ġodda se jbierku l-ħajja ta’ ħafna nies fuq iż-żewġ naħat tal-velu. It-tempji huma parti suprema mir-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Fit-tjubija u l-ġenerożità ta’ Alla, Hu qed iressaq il-barkiet tat-tempju aktar viċin ta’ wliedU ma’ kullimkien.
Hekk kif ir-Restawrazzjoni tkompli, jiena naf li Alla se jkompli jiżvela ħafna ħwejjeġ kbar u importanti li jippartjenu s-saltna tiegħu hawn fid-dinja.6 Dik is-saltna hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Għeżież ħuti, jiena nesprimi mħabbti lejkom. Waqt dan iż-żmien ta’ tenzjoni u inċertezza, hekk kif insejjaħ għall-awtorità mogħtija lili, nixtieq nikkonferixxi fuqkom barka appostolika.
Inberikkom bil-paċi u b’fidi akbar fil-Mulej.7
Inberikkom b’xewqa li tindmu u li ssiru tixbhuH ftit aktar kull jum.8
Inberikkom biex tkunu tafu li l-Profeta Joseph Smith huwa l-profeta tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja tiegħu.
Jekk hemm xi mard fostkom jew fost il-maħbubin tagħkom, jiena nħallikom b’barka ta’ fejqan, konsistenti mar-rieda tal-Mulej.
Jiena nagħtikom din il-barka, li għal darb’oħra nżid magħha l-espressjoni ta’ mħabbti lejkom ilkoll, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.