“Araw Li Din id-Dar Tinbena lil Ismi”
Il-patti li nirċievu u l-ordinanzi li nwettqu fit-tempji huma essenzjali għall-qdusija ta’ qlubna u għall-ogħla eżaltazzjoni ta’ wlied Alla.
Mitejn sena ilu ġewwa Masġar Sagru, it-tfajjel Joseph Smith ra u tkellem ma’ Alla, il-Missier Etern, u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu. Mingħandhom, Joseph tgħallem dwar il-vera natura tad-Divinità u dwar ir-rivelazzjoni kontinwa hekk kif din il-viżjoni divina tat bidu fl-aħħar żminijiet għad- “dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.”1
Madwar tliet snin wara, bi tweġiba għal talba mill-aktar ferventi fil-lejla tal-21 ta’ Settembru, 1823, il-kamra tas-sodda ta’ Joseph imtliet b’dawl li spiċċa “jiddi aktar mix-xemx ta’ nofsinhar.”2 Deher personaġġ ħdejn is-sodda tiegħu, sejjaħ lit-tfajjel b’ismu u ddikjara li “hu kien messaġġier mibgħut mill-preżenza ta’ Alla … u li ismu kien Moroni.”3 Huwa ta struzzjonijiet lil Joseph dwar il-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon.
Imbagħad Moroni kkwota mill-ktieb ta’ Malakija fit-Testment il-Qadim, b’lingwaġġ ftit differenti minn dak użat fil-verżjoni ta’ King James:
“Ara, jiena se niżvela miegħek is-Saċerdozju, permezz ta’ Elija l-profeta, qabel ma jasal Jum il-Mulej u jum il-biża’. …
“U hu se jiżra’ f’qalb l-ulied il-wegħdiet li saru lill-missirijiet, u se jraġġa’ l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom. Li ma kienx hekk, id-dinja tispiċċa tinqered għal kollox fil-miġja tiegħu.”4
Importanti nifhmu li l-istruzzjoni ta’ Moroni lil Joseph Smith dwar il-missjoni ta’ Elija tat bidu għall-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja fl-aħħar żminijiet u kienet element ewlieni fir-restawr “tat-tiġdid kollu li fl-imgħoddi semma Alla b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu.”5
Jiena nitlob għall-assistenza tal-Ispirtu s-Santu hekk kif nitgħallmu flimkien dwar il-patti, l-ordinanzi, u l-barkiet li huma disponibbli għalina fit-tempji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Ir-Ritorn ta’ Elija
Nibda billi nistaqsi mistoqsija fundamentali: għalfejn kien importanti r-ritorn ta’ Elija?
“Aħna nafu minn rivelazzjoni tal-aħħar żmien li Elija kien iħaddan il-qawwa tas-siġill tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek ”6 u “kien l-aħħar profeta li kien iħaddan dan is-saċerdozju qabel żmien Ġesù Kristu.”7
Il-Profeta Joseph Smith spjega: “L-ispirtu, il-qawwa, u s-sejħa ta’ Elija jfissru li intom għandkom il-qawwa li tħaddnu l-muftieħ tal- … milja tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek … ; u li … tiksbu … l-ordinanzi kollha li jappartjenu għas-saltna ta’ Alla, saħansitra li jraġġgħu l-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-qlub tal-ulied lejn il-missirijiet, anke ta’ dawk li jinsabu fis-smewwiet.”8
Din l-awtorità tas-siġill mill-aktar sagra hija neċessarja ħalli “kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.”9
Biex jikkjarifika aktar dan Joseph qal: “Kif jista’ Alla jeħles lil din il-ġenerazzjoni? Huwa se jibgħat lill-Elija l-profeta. … Elija għandu jiżvela l-patti li jissiġillaw il-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-ulied lejn il-missirijiet.”10
Elija deher ma’ Mosè fuq l-Għolja tat-Trasfigurazzjoni u kkonferixxa din l-awtorità fuq Pietru, Ġakbu, u Ġwanni.11 Elija deher ukoll ma’ Mosè u Elijas fit-3 ta’ April, 1836, fit-Tempju ta’ Kirtland u kkonferixxa l-istess imfietaħ tas-saċerdozju fuq Joseph Smith u Oliver Cowdery.12
Ir-restawrazzjoni tal-awtorità tas-siġill permezz ta’ Elija fl-1836 kienet neċessarja biex tħejji lid-dinja għat-Tieni Miġja tas-Salvatur u tat bidu għal interess akbar u dinji fir-riċerka tal-istorja tal-familja.
Nibdlu, Inraġġgħu, u Nsaffu l-Qlub
Il-kelma qalb hi użata aktar minn 1,000 darba fix-xogħlijiet stabbiliti. Din il-kelma sempliċi iżda sinifikanti ħafna drabi tindika s-sentimenti li nħossu fina dwar xi individwu. Qlubna—il-kumbinazzjoni tax-xewqat, tal-affezzjoni, tal-intenzjoni, tal-mottivi, u l-attitudni tagħna—jiddefinixxu u jiddeterminaw dak li aħna se nsiru. U l-essenza tal-ħidma tal-Mulej qed tibdel, traġġa’, u ssaffi l-qlub permezz tal-patti tal-evanġelju u l-ordinanzi tas-saċerdozju.
Aħna ma nibnux u nidħlu fit-tempji mqaddsa biss biex nesperjenzaw esperjenza memorabbli bħala individwi jew familja. Pjuttost il-patti li nirċievu u l-ordinanzi li nwettqu fit-tempji huma essenzjali għall-qdusija ta’ qlubna u għall-ogħla eżaltazzjoni ta’ wlied Alla.
Li niżirgħu fil-qlub tal-ulied il-wegħdiet li saru mal-missirijiet—sewwasew ma’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb—li nraġġgħu l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom, li mmexxu r-riċerka tal-istorja tal-familja, u li nwettqu ordinanzi tat-tempju f’isem l-antenati tagħna hija ħidma li tbierek l-individwi fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Hekk kif aħna nsiru impenjati b’ħerqa f’din il-ħidma sagra, aħna nkunu qed nobdu l-kmandamenti li nħobbu u nservu lil Alla u lil għajrna.13 U dan it-tip ta’ servizz altruwist jgħinna verament biex “Nisimgħuh!”14 u nersqu lejn is-Salvatur.15
L-aktar patti u ordinanzi tas-saċerdozju sagri nirċevuhom biss fit-tempju—id-dar tal-Mulej. Kull ħaġa li nitgħallmu u dak kollu li nagħmlu fit-tempju jenfasizzaw id-divinità ta’ Ġesù Kristu u l-irwol Tiegħu fil-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet.
Minn Ġewwa għal Barra
Il-President Ezra Taft Benson iddeskriva mudell importanti li l-Feddej juża biex iġib “fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”16 Huwa qal: “Il-Mulej jaħdem minn ġewwa għal barra. Id-dinja taħdem minn barra għal ġewwa. Id-dinja toħroġ lin-nies minn ġol-mandraġġ. Kristu joħroġ il-mandraġġ minn ġon-nies, u mbagħad huma stess joħorġu lilhom infushom mill-mandraġġ. Id-dinja tifforma l-bnedmin billi tibdel l-ambjent tagħhom. Kristu jibdel il-bnedmin, li mbagħad jibdlu l-ambjent tagħhom. Id-dinja tista’ tfassal l-imġieba umana, iżda Kristu jista’ jibdel in-natura umana.”17
Il-patti u l-ordinanzi tas-saċerdozju huma fil-qalba tal-proċess kontinwu ta’ twelid mill-ġdid u trasformazzjoni spiritwali; huma l-mezz li bih il-Mulej jaħdem ma’ kull wieħed u waħda minna minn ġewwa għal barra. Il-patti li jiġu onorati b’fermezza, imfakkra dejjem, u miktuba “bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj … fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbna”18 jipprovdulna għan u l-assigurazzjoni ta’ barkiet fil-mortalità u għall-eternità. L-ordinanzi li aħna nirċievu b’ mod den u li huma kontinwament f’moħħna jipprovdulna l-mezzi divini li permezz tagħhom il-qawwa tad-divinità tkun tista’ tippenetra ħajjitna.
Aħna ma mmorrux fit-tempju biex ninħbew mill-ħażen tad-dinja jew biex naħarbu minnu. Pjuttost, aħna mmorru fit-tempju biex negħlbu lid-dinja ta’ ħażen. Hekk kif nistiednu f’ħajjitna “l-qawwa tad-divinità”19 billi nirċievu l-ordinanzi tas-saċerdozju u nagħmlu u nżommu patti sagri, aħna niġu mberkin b’qawwa barranija20 biex negħlbu t-tentazzjonijiet u l-isfidi tal-mortalità u biex nagħmlu t-tajjeb u nsiru tajbin.
Il-Fama ta’ Din id-Dar se Tikber
L-ewwel tempju ta’ din id-dispensazzjoni nbena ġewwa Kirtland, Ohio, u ġie ddedikat fis-27 ta’ Marzu, 1836.
Permezz ta’ rivelazzjoni lill-Profeta Joseph Smith ġimgħa wara d-dedikazzjoni, il-Mulej iddikjara:
“Ħallu l-qlub tal-poplu kollu tiegħi jifirħu, dawk li, bil-qawwa tagħhom, bnew din id-dar għal ismi. …
“Iva l-qlub ta’ eluf u ta’ għexieren ta’ eluf se jifirħu bil-kbir b’konsegwenza tal-barkiet li se jinxteħtu fuqhom, u d-dota li biha l-qaddejja tiegħi ġew iddotati f’din id-dar.
“U l-fama ta’ din id-dar se tinfirex sa artijiet barranin; u dan huwa l-bidu tal-barka li se tinxteħet fuq ras il-poplu tiegħi.”21
Jekk jogħġobkom innutaw il-frażijiet, il-qlub ta’ eluf u ta’ għexieren ta’ eluf se jifirħu bil-kbir, u l-fama ta’ din id-dar se tinfirex sa artijiet barranin. Dawn kienu dikjarazzjonijiet impressjonanti f’April tal-1836, meta l-Knisja b’mod relattiv kellha biss numru żgħir ta’ membri u tempju wieħed.
Illum fl-2020, aħna għandna 168 tempju li qed jopera. Disgħa u erbgħin tempju ieħor bħalissa jinsabu qed jinbew jew ġew imħabbra. Id-Djar tal-Mulej qed jinbnew fil-“ġżejjer tal-baħar”22 u f’pajjiżi u postijiet li qabel kienu kkunsidrati minn ħafna bħala diffiċli li fihom jinbena tempju.
Bħalissa ċ-ċerimonja tad-dota qed tiġi ppreżentata f’88 lingwa u se ssir disponibbli f’ħafna lingwi oħra hekk kif it-tempji qed jinbnew biex ibierku numru akbar ta’ wlied Alla. Fil-15-il sena li ġejjin, in-numru ta’ lingwi li fihom se jkunu disponibbli l-ordinanzi tat-tempju hemm ċans li jirdoppja.
Din is-sena aħna se nagħżqu l-art u nibdew il-bini ta’ 18-il tempju. B’kuntrast għal dan, domna 150 sena biex bnejna l-ewwel 18-il tempju, mill-organizzazzjoni tal-Knisja fl-1830 sad-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Tokyo, fil-Ġappun mill-President Spencer W. Kimball fl-1980.
Ikkunsidraw ir-rata mgħaġġla tal-ħidma tat-tempju li seħħet, biss biss, tul il-ħajja tal-President Russell M. Nelson. Meta twieled il-President Nelson fid-9 ta’ Settembru, 1924, il-Knisja kellha sitt tempji li kienu qed joperaw.
Meta huwa ġie ordnat Appostlu fis-7 ta’ April, 1984, 60 sena wara, kien hemm 26 tempju li kien qed jopera, żieda ta’ 20 tempju f’60 sena.
Meta l-President Nelson ġie sostnut bħala l-President tal-Knisja, kien hemm 159 tempju li kien qed jopera, żieda ta’ 133 tempju fl-34 sena li matulhom huwa serva bħala membru tal-Kworum tat-Tnax.
Minn meta huwa sar President tal-Knisja fl-14 ta’ Jannar, 2018, il-President Nelson ħabbar 35 tempju ġdid.
Sitta u disgħin fil-mija tat-tempji eżistenti ġew iddedikati tul il-ħajja tal-President Nelson; 84 fil-mija ġew iddedikati minn meta huwa ġie ordnat Appostlu.
Dejjem Iffokaw fuq l-Aktar Ħwejjeġ Importanti
Bħala membri tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej, aħna nimmeraviljaw ruħna bil-pass daqstant mgħaġġel li miexja l-ħidma tiegħu fl-aħħar żminijiet. U se jkun hawn aktar tempji.
Brigham Young ħabbar, “Biex inwettqu din il-ħidma se jkollna bżonn mhux biss tempju wieħed iżda eluf, u eluf u għexieren ta’ eluf ta’ rġiel u nisa se jmorru f’dawk it-tempji u jaħdmu għal nies li għexu fi żminijiet li jmorru lura sa kemm lest jiżvela l-Mulej.”23
Nifhmu li t-tħabbira ta’ kull tempju ġdid hija sors ta’ ferħ kbir u raġuni biex nirringrazzjaw lill-Mulej. Madankollu, l-attenzjoni ewlenija tagħna għandha tkun fuq il-patti u l-ordinanzi li jistgħu jibdlu qlubna u jkabbaru d-devozzjoni tagħna lejn is-Salvatur u mhux sempliċiment lejn il-post jew is-sbuħija tal-bini.
L-obbligi fundamentali li aħna lkoll għandna bħala membri tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej huma (1) li “Nisimgħuh!”24 u li ssir bidla fl-istess qlubna permezz tal-patti u l-ordinanzi, u (2) li nwettqu b’ferħ ir-responsabbiltà mogħtija lilna b’mod divin li noffru l-barkiet tat-tempju lill-umanità kollha fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Bid-direzzjoni u l-għajnuna tal-Mulej, aħna verament inkunu nistgħu nwettqu dawn id-dmirijiet sagri.
Il-Bini ta’ Sijon
Il-Profeta Joseph Smith iddikjara:
“Il-bini ta’ Sijon huwa kawża li interessat lill-poplu ta’ Alla f’kull żmien; hija tema li bi pjaċir tkellmu dwarha profeti, qassisin u slaten; huma ħarsu ’l quddiem b’ferħ u antiċipazzjoni lejn il-jum li fih qed ngħixu; u mimlija b’antiċipazzjoni divina u ferrieħa huma kantaw u kitbu u bassru dwar dawn iż-żminijiet tagħna; iżda huma mietu bla ma raw dan jiġi fis-seħħ; … dan tħalla għalina biex aħna naraw, nipparteċipaw u ngħinu mmexxu ’l quddiem il-glorja tal-Aħħar Żmien.”25
“Is-Saċerdozju Ċelestjali jingħaqad ma’ dak tal-art, biex iġib fis-seħħ dawk l-għanijiet kbar; … ħidma li Alla u l-anġli ilhom b’ferħ jikkontemplaw dwarha għal ġenerazzjonijiet passati; li spirat lill-patrijarki u l-profeti tal-qedem; ħidma li hi destinata biex iġġib fis-seħħ il-qerda tal-qawwiet tad-dlam, ir-rinnovazzjoni tad-dinja, il-glorja ta’ Alla, u s-salvazzjoni tal-familja umana.”26
Jiena nixhed b’mod solenni li l-Missier u l-Iben dehru lil Joseph Smith, u Elija rrestawra l-awtorità tas-siġill. Il-patti u l-ordinanzi tat-tempju jistgħu jsaħħuna u jsaffu qlubna hekk kif “Nisimgħuh!”27 u nirċievu l-qawwa tad-divinità f’ħajjitna. U jiena nixhed li din il-ħidma tal-aħħar żmien se teqred il-qawwiet tad-dlam u ġġib fis-seħħ is-salvazzjoni tal-familja umana. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed b’ferħ fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.