Memorji li Jiddefinixxuna Spiritwalment
Meta d-diffikultajiet personali jew il-kundizzjonijiet tad-dinja li m’għandniex kontroll fuqhom idallmu t-triq tagħna, il-memorji li jiddefinixxuna spiritwalment mill-ktieb ta’ ħajjitna huma bħal ġebel jiddi li jgħin idawwal it-triq li rridu ngħaddu minnha.
Tmintax-il sena wara l-Ewwel Viżjoni, il-Profeta Joseph Smith kiteb rakkont estensiv dwar l-esperjenza tiegħu. Hu ħabbatt wiċċu ma’ oppożizzjoni, persekuzzjoni, turment, theddid, u attakki brutali.1 “Madankollu huwa kompla jixhed b’qawwa dwar l-Ewwel Viżjoni: Jiena fil-fatt rajt dawl, u f’nofs dak id-dawl rajt żewġ Personaġġi, u huma verament kellmuni; u minkejja li esperjenzajt mibegħda u persekuzzjoni kontrija għax għidt li rajt viżjoni, madankollu kienet il-verità. … Jien kont naf dan, u kont naf li Alla kien jaf dan, u ma stajtx niċħdu.”2
Fil-mument diffiċli tiegħu, Joseph beda jaħseb dwar dak li kien ġara kważi għoxrin sena qabel u ftakar b’ċertezza dwar l-imħabba ta’ Alla għalih u dwar il-ġrajjiet li taw bidu għar-Restawrazzjoni li kienet ilha mbassra. Meta kien qed jirrifletti fuq il-vjaġġ spiritwali tiegħu, Joseph qal: “Jien ma nagħti tort lil ħadd li ma jemminx l-istorja tiegħi. Li kieku ma esperjenzajtx dak li esperjenzajt, lanqas jien ma kont nemminha.”3
Iżda l-esperjenzi kienu reali, u hu qatt ma nesiehom jew ċaħadhom, filwaqt li fis-skiet kompla jikkonferma t-testimonjanza tiegħu fi triqtu lejn Carthage. “Jien sejjer bħal ħaruf għall-qatla,” huwa qal, “iżda nħossni kalm daqs għodwa sajfija; fuq il-kuxjenza tiegħi m’għandi xejn li jien qatt offendejt lil Alla jew lill-bnedmin.”4
L-esperjenzi Tagħkom li Jiddefinixxukom Spiritwalment
Ilkoll nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-eżempju tal-Profeta Joseph. Flimkien mad-direzzjoni trankwilla li aħna nirċievu mill-Ispirtu s-Santu, minn żmien għall-ieħor, Alla b’qawwa u b’mod mill-aktar personali jassigurana lkoll li Hu jafna u jħobbna u li Hu jinsab speċifikament iberikna bil-kotra. Imbagħad, fil-mumenti diffiċli tagħna, is-Salvatur ifakkarna dwar dawn l-esperjenzi.
Aħsbu ftit dwar ħajjitkom. Tul is-snin, jiena smajt eluf ta’ esperjenzi spiritwali mill-aktar profondi minn Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar id-dinja, jikkonfermawli bla lok ta’ dubju li Alla jaf u jħobb lil kull wieħed u waħda minna u li Hu jixtieq b’ħerqa li jiżvela lilu nnifsu lilna. Dawn l-esperjenzi jafu jseħħu fi żminijiet kruċjali f’ħajjitna, jew f’okkażjonijiet li għall-ewwel jafu ma jidhrux daqstant sinifikanti, iżda huma dejjem ikunu akkumpanjati minn konferma spiritwali mill-aktar qawwija tal-imħabba ta’ Alla.
Li aħna niftakru dawn l-esperjenzi li jiddefinixxuna spiritwalment iwassalna biex ninżlu għarkupptejna, u niddikjaraw kif għamel il-Profeta Joseph: “Dan li jien irċevejt kien ġej mis-sema. Jiena naf, u naf li Alla jaf li jien naf dan.”5
Erba’ Eżempji
Nitlobkom tirriflettu fuq il-memorji li jiddefinixxukom spiritwalment hekk kif jien se naqsam magħkom xi ftit eżempji ta’ ħaddieħor.
Snin ilu, wieħed patrijarka tal-wited imdaħħal fiż-żmien li kellu żewġ valvi f’qalbu li ma kenux qed jiffunzjonaw sew talab lil dak li kien Dott. Russell M. Nelson biex jintervjeni, minkejja li dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda soluzzjoni kirurġika għat-tieni valv li ma jiffunzjonax. Dott. Nelson finalment qabel li jagħmel l-operazzjoni. Dan hu kliem il-President Nelson:
“Wara li naqqasna l-ostaklu tal-ewwel valv, aħna rajna x’kien hemm fit-tieni valv. Sibna li kien għadu intatt iżda tant kien twessa’ li ma setax jiffunzjona aktar kif suppost. Meta kont qed neżamina dan il-valv, feġġ messaġġ ċar f’moħħi: Naqqas iċ-ċirkonferenza tal-valv. Jiena qsamt dan il-messaġġ mal-assistenti tiegħi. ‘It-tessut tal-valv ikun biżżejjed jekk aħna b’mod effettiv inraqqgħu l-valv għad-daqs normali tiegħu.
“Iżda kif? … F’moħħi rajt stampa mill-aktar ċara, turini kif stajt inpoġġi l-punti—li ndawwar ’l hawn u niġbed ’l hemm. … Għadni niftakar dik l-immaġni f’moħħi—kompluta bil-linji bit-tikkek fejn kelli npoġġi is-suturi. It-tiswija lestejnieha bil-mod li rajt f’moħħi. Aħna ttestjajna l-valv u sibna li t-tnixxija kienet naqset drastikament. L-assistent tiegħi qalli, ‘Dan miraklu.’”6 Il-patrijarka għex għal bosta snin.
Dott. Nelson kien ġie ggwidat. U hu kien jaf li Alla kien jaf li hu kien jaf li kien ġie ggwidat.
Jiena u Kathy ltqajna ma’ Beatrice Magré fi Franza 30 sena ilu. M’ilux Beatrice qaltli dwar esperjenza li hi kellha ftit wara l-magħmudija tagħha meta kienet għadha żagħżugħa li ħalliet impatt fuq il-ħajja spiritwali tagħha. Dan hu kliemha:
“Iż-żgħażagħ tal-fergħa tagħna konna morna fuq vjaġġ mal-mexxejja tagħna sal-Bajja ta’ Lacanau, siegħa u nofs ’il bogħod minn Bordeaux.
“Qabel ġejna lura d-dar, wieħed mill-mexxejja ddeċieda li jaqbeż tal-aħħar fil-baħar u beda jogħdos qalb il-mewġ bin-nuċċali f’wiċċu. Meta hu reġa’ tela’ f’wiċċ l-ilma, in-nuċċali tiegħu kien għosfor. … Kien intilef fil-baħar.
“Mingħajr in-nuċċali kien se jkun diffiċli li jsuq il-karozza tiegħu. Konna se nispiċċaw nibqgħu hemmhekk ’il bogħod mid-dar.
Waħda oħt kollha fidi ssuġġeriet li nitolbu.
“Jiena bdejt ingerger u għedt li t-talb ma kien se jwassalna għal xejn, u xettika kif kont ingħaqadt mal-grupp biex nitolbu pubblikament hekk kif konna weqfin sa qaddna fl-ilma mudlam.
“Meta spiċċajna nitolbu, jiena niżżilt idejja fl-ilma biex inxarrab lil kulħadd. Hekk kif kont qed inxejjer idejja f’wiċċ l-ilma, in-nuċċali tiegħu spiċċa f’idi. F’ruħi ħassejt sentiment mill-aktar qawwi li Alla verament jisma’ u jwieġeb talbna.”7
Ħamsa u erbgħin sena wara, hija bdiet tirrakkonta dan qisu lbieraħ. Beatrice ġiet imbierka, u kienet taf li Alla kien jaf li hi kienet taf li ġiet imbierka.
L-esperjenzi tal-President Nelson u Sister Magré kienu mill-aktar differenti, madankollu għat-tnejn li huma, f’qalbhom tnaqqxet memorja li tiddefinixxihom spiritwalment li ma jistgħu jinsewha qatt.
Dawn l-avvenimenti li jiddefinixxuna ħafna drabi jseħħu meta nkunu qed nitgħallmu dwar l-evanġelju rrestawrat jew inkunu qed naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor.
Dan ir-ritratt ittieħed f’São Paulo, il-Brażil, fl-2004. Floripes Luzia Damasio mill-Wited ta’ Ipatinga fil-Brażil kellha 114-il sena. Meta kienet qed tkellimni dwar il-konverżjoni tagħha, Sister Damasion qaltli li l-missjunarji fil-villaġġ tagħha kienu taw barka saċerdotali lil tarbija li kienet marida b’mod kritiku u li fieqet b’mod mirakoluż. Hi riedet tkun taf aktar. Hekk kif talbet dwar il-messaġġ tagħhom, hi ħasset ix-xhieda innegabbli tal-Ispirtu tikkonfermalha li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla. Meta kellha 103, hi tgħammdet, u ta’ 104, ġiet iddotata. Kull sena hi bagħet tmur fuq vjaġġ ta’ 14-il siegħa bix-xarabank biex tqatta’ ġimgħa fit-tempju. Sister Damasio rċeviet konferma mis-smewwiet u kienet taf li Alla kien jaf li hi kienet taf li dik ix-xhieda kienet vera.
Din hija memorja spiritwali mill-ewwel missjoni tiegħi fi Franza 48 sena ilu.
Waqt li konna qed inħabbtu fuq il-bibien, jien u sieħbi tajna Ktieb ta’ Mormon lil waħda mara anzjana. Meta ġimgħa wara erġajna morna fl-appartament ta’ din il-mara, hi fetħet il-bieb. Qabel ma kienet lissnet kelma waħda, jien ħassejt fija qawwa spiritwali mill-aktar tanġibbli. Dan is-sentiment intens kompla hekk kif Madame Alice Audubert stednitna ġewwa u qaltilna li kienet qrat il-Ktieb ta’ Mormon u kienet taf li kien veru. Hekk kif dak inhar tlaqna mill-appartament tagħha, jiena tlabt, “Missier tas-Smewwiet, jekk jogħġbok għinni biex qatt ma ninsa dak li għadni kif ħassejt.” U jien qatt ma nsejt.
F’mument li kien jidher mill-aktar ordinarju, quddiem bieb li kien jidher bħal mijiet ta’ bibien oħra, jien ħassejt il-qawwa tas-sema. U kont naf li Alla kien jaf li jien kont naf li bwieb is-sema kienu nfetħu.
Individwalizzati u Innegabbli
Dawn il-mumenti li jiddefinixxuna spiritwalment nesperjenzawhom f’mumenti differenti b’modi differenti, lkoll kemm aħna b’mod individwali.
Aħsbu ftit dwar l-eżempji favoriti tagħkom fl-iskrittura. Dawk li kienu qed jisimgħu lill-Appostlu Pawlu “laqtilhom qalbhom.”8 Abis, il-mara Lamanita, emmnet “il-viżjoni meraviljuża ta’ missierha.”9 U feġġ leħen f’moħħ Enos.10
Il-ħabib tiegħi Clayton Christensen iddeskriva b’dan il-mod esperjenza li kellu f’mument ta’ qari mill-aktar devot tal-Ktieb ta’ Mormon: “Spirtu ta’ mħabba mill-aktar sabiħ … ħassejtu jaħkimni u jippenetra ruħi, li ħaddanni miegħu f’sentiment ta’ mħabba li qatt ma mmaġinajt li stajt nesperjenza, u dawn is-sentimenti bqajt nesperjenzahom lejl wara l-ieħor.”11
Ikun hemm mumenti meta s-sentimenti spiritwali inħusshom jippenetraw qalbna bħan-nar, u jilluminaw ruħna. Joseph Smith spjega li xi kultant aħna nirċievu “mumenti spontanji ta’ ideat” u drabi oħra nixxiegħa sħiħa ta’ intelliġenza.12
Il-President Dallin H. Oaks, bi tweġiba lil raġel sinċier li ddikjara li qatt ma kellu xi esperjenza simili, qallu, “Jista’ jkun li t-talb tiegħek ġie mismugħ kemm-il darba, iżda inti stennejt li t-tweġiba tiegħek sa taraha mwaħħla fuq tabella tant kbira jew se tismagħha permezz ta’ leħen tant jgħajjat li taħseb li ma ġiex mismugħ.”13 Is-Salvatur innifsu tkellem dwar nies b’fidi kbira li “ġew imberkin bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu, iżda ma kinux jafu b’dan.”14
Kif Tisimgħuh?
M’ilux smajna lill-President Russell M. Nelson jgħid: Nistedinkom biex taħsbu b’mod profond u ta’ spiss dwar din il-mistoqsija importanti: Lilu intom kif tisimgħuh? Nistedinkom ukoll biex tieħdu ċerti passi biex tisimgħuh aħjar u aktar ta’ spiss.”15 Dalgħodu hu reġa’ tenna dik l-istedina.
Aħna nisimgħuH fit-talb tagħna, fi djarna, fl-iskrittura, fl-għanjiet tagħna, hekk kif nieħdu sehem b’mod den fis-sagrament, hekk kif niddikjaraw il-fidi tagħna, hekk kif inservu lil ħaddieħor, u hekk kif nattendu t-tempju ma’ nies li jemmnu bħalna. Mumenti li jiddefinixxuna spiritwalment nesperjenzawhom hekk kif bl-għajnuna tat-talb nisimgħu l-konferenza ġenerali u hekk kif inħarsu aħjar il-kmandamenti. U intom it-tfal, dawn l-esperjenzi huma għalikom ukoll. Ftakru, Ġesù “għallem u serva lit-tfal … u [it-tfal] lissnu … ħwejjeġ kbar u tal-għaġeb.”16 Il-Mulej qal:
“[Dan l-għarfien] hu mogħti permezz tal-Ispirtu tiegħi lilkom, … u li ma kienx bil-qawwa tiegħi ma stajtux tiksbuh;
“Għalhekk, intom tistgħu tixhdu li smajtu leħni, u tafu kliemi.”17
Aħna nistgħu “nisimgħuh” minħabba l-barka tal-Espjazzjoni inkomparabbli tas-Salvatur.
Filwaqt li ma nistgħux nagħżlu l-orarju ta’ meta se nirċievu dawn il-mumenti li jiddefinixxuna, il-President Henry B. Eyring tana dan il-parir dwar it-tħejjija tagħna: “Illejla, u għada filgħaxija, jista’ jkun li intom tridu titolbu u tixtarru billi tistaqsu l-mistoqsijiet: Tgħid Alla bagħat xi messaġġ speċifikament għalija? Jiena rajtha idu f’ħajti jew fil-ħajja tal-familja tiegħi?”18 Il-fidi, l-ubbidjenza, l-umiltà, u l-intenzjoni ġenwina jiftħu bwieb is-sema.19
Illustrazzjoni
Tafu taħsbu dwar il-memorji spiritwali tagħkom b’dan il-mod. Permezz tat-talb kostanti, determinazzjon li nżommu l-patti tagħna, u d-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna nistgħu ninnavigaw tul il-ħajja. Meta d-diffikultajiet personali, id-dubju, jew l-iskoraġġiment idallmu t-triq tagħna, jew meta l-kundizzjonijiet tad-dinja li m’għandniex kontroll fuqhom iwassluna biex niddubitaw fil-ġejjieni, il-memorji li jiddefinixxuna spiritwalment mill-ktieb ta’ ħajjitna huma bħal ġebel jiddi li jgħin idawwal it-triq li rridu ngħaddu minnha, jassigurawna li Alla jafna, iħobbna, u bagħat lill-Ibnu, Ġesù Kristu, biex jgħinna nerġgħu lura d-dar. U meta xi ħadd iwarrab fil-ġenb il-memorji li jiddefinixxuh u jħossu mitluf u konfuż, aħna ndawruh lejn is-Salvatur hekk kif naqsmu l-fidi u l-memorji tagħna miegħu, u ngħinuh jerġa’ jiskopri dawk il-mumenti spiritwali prezzjużi li darba tant kien jgħożż.
Ċerti esperjenzi tant huma sagri li aħna nżommuhom fil-memorja spiritwali tagħna u ma naqsmuhom ma’ ħadd.20
“L-anġli jitkellmu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; għalhekk, huma jnisslu kliem Kristu.”21
“L-anġli ma waqfux jimministraw lil ulied il-bnedmin.
“Għax araw, huma suġġett għal Kristu, biex jimministraw skont … il-kmand tiegħu, fejn juru lilhom infushom ma’ dawk ta’ fidi soda u moħħ ferm f’kull forma ta’ tjieba.”22
U “id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, … jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.”23
Għożżu l-memorji sagri tagħkom. Emmnuhom. Iktbuhom fid-djarju. Aqsmuhom mal-familja tagħkom. Emmnu li wasslu għandkom mingħand Missierkom tas-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż.24 Ħalluhom iġibulkom il-paċenzja għad-dubji tagħkom u l-għarfien għad-diffikultajiet tagħkom.25 Inwegħidkom li hekk kif intom minn jeddkom tagħrfu u tgħożżu f’ħajjitkom dawn l-avvenimenti li jiddefinixxukom spiritwalment, intom tesperjenzaw ferm aktar. Missierna tas-Smewwiet jafkom u jħobbkom!
Ġesù hu l-Kristu, l-evanġelju Tiegħu ġie rrestawrat, u hekk kif aħna nibqgħu fidili, jien nixhed li aħna nkunu għal dejjem Tiegħu, f’isem Ġesù Kristu, amen.