Insibu Refuġju mill-Maltemp tal-Ħajja
Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni Tiegħu huma r-refuġju li lkoll neħtieġu, irrispettivament mill-maltemp li qed iħabbat f’ħajjitna.
Lura f’nofs id-disgħinijiet, fis-snin li qattajt fl-università, jien kont nifforma parti mir-Raba’ Kumpanija tad-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar ta’ Santiago fiċ-Ċili. Waqt li kont inservi hemm, jien kont ngħix fl-istazzjon tat-tifi tan-nar bħala parti mill-gwardja tal-lejl. Lejn l-aħħar tas-sena, qaluli li f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena kelli nkun fl-istazzjon tat-tifi tan-nar għax f’dak il-jum kważi dejjem kien ikun hemm xi emerġenza. Sorpriż, weġibt, “Vera?”
Mela, niftakarni nistenna ma’ sħabi tax-xogħol meta, f’nofsillejl, beda l-ispettaklu tal-logħob tan-nar fiċ-ċentru ta’ Santiago. Aħna bdejna nitgħannqu ma’ xulxin waqt li noffru x-xewqat tajbin għas-sena l-ġdida. F’daqqa waħda l-qniepen fl-istazzjon tat-tifi tan-nar bdew idoqqu, li indikaw li kien hemm xi emerġenza. Aħna ġbarna l-apparat tagħna u dħalna niġru ġewwa l-vettura tat-tifi tan-nar. Fi triqitna lejn l-emerġenza, hekk kif għaddejna minn qalb folol ta’ nies jiċċelebraw is-sena l-ġdida, stajt ninnota li ħafna minnhom ma kienu qed jinkwetaw u jaħsbu fuq xejn. Huma kienu rilassati, igawdu l-lejl sħun tas-sajf. Madankollu xi mkien viċin, in-nies li konna sejrin ngħinu kienu jinsabu f’inkwiet serju.
Din l-esperjenza għenitni nirrealizza li għalkemm ħajjitna xi kultant tista’ tkun relattivament bla xkiel, se jasal iż-żmien għalina lkoll meta se nħabbtu wiċċna ma’ sfidi u maltempati xejn mistennija li se jittestjaw l-abbilità tagħna li nibqgħu nissaportu. Sfidi fiżiċi, mentali, familjari, u relatati ma’ mpjieg; diżastri naturali; u affarijiet oħra ta’ ħajja jew mewt huma biss uħud mill-eżempji tal-maltemp li se niffaċċjaw f’din il-ħajja.
Meta nħabbtu wiċċna ma’ dan il-maltemp, spiss nesperjenzaw sentimenti ta’ disprament jew biża’. Il-President Russell M. Nelson qal, “Il-fidi hija l-antidot tal-biża’”—fidi fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu (“Uru l-Fidi Tagħkom,” Liahona, Mejju 2014, 29). Peress li rajt kif il-maltemp jaffettwaw il-ħajja tan-nies, jien wasalt fil-konklużjoni li irrispettivament x’tip ta’ maltemp ninsabu nesperjenzaw—irrispettivament jekk hemmx soluzzjoni għalih jew jekk hemmx tama li dalwaqt jgħaddi— hemm biss refuġju wieħed, u hu l-istess għal kull tip ta’ maltempat. Dan ir-refuġju uniku li pprovdielna Missierna tas-Smewwiet hu l-Mulej tagħna Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni Tiegħu.
Ħadd minna mhu eżentat milli jiffaċċja dan il-maltemp. Helaman, profeta tal-Ktieb ta’ Mormon, għallimna kif ġej: “Ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfagħkom ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt” (Helaman 5:12).
Il-Presbiteru Robert D. Hales, li hu stess esperjenza bosta maltemp f’ħajtu, qal: “It-tbatija hija universali; kif nirreaġixxu għat-tbatija hija individwali. It-tbatija tista’ tolqotna jew b’mod jew b’ieħor. Tista’ tkun għalina esperjenza ta’ tisħiħ u purifikazzjoni jekk niffaċjawha b’fidi, jew tista’ tkun forza distruttiva f’ħajjitna jekk ma jkollniex il-fidi fis-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tal-Mulej” (“Your Sorrow Shall Be Turned to Joy,” Ensign, Nov. 1983, 66).
Sabiex ngawdu r-refuġju li Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu joffrulna, jeħtieġ ikollna il-fidi fih—fidi li tagħtina l-abbiltà li negħlbu l-uġigħ kollu tal-perspettiva limitata ta’ din id-dinja. Hu wiegħed li se jħaffef it-tagħbija tagħna jekk aħna nersqu lejh f’dak kollu li nagħmlu.
“Ejjew għandi,” Hu qal, “intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.
“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.
“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mattew 11:28–30; ara wkoll Mosiah 24:14–15).
Jingħad li “lil dak li għandu l-fidi, mhi meħtieġa l-ebda spjegazzjoni. Lil dak li m’għandux il-fidi, l-ebda spjegazzjoni mhija possibbli.” (Din id-dikjarazzjoni ġiet attribwita lil Tumas Akwinu iżda x’aktarx hi parafrażi ta’ affarijiet li għallem.) Madankollu, aħna għandna għarfien limitat tal-affarijiet li jiġru hawn fid-dinja, u ħafna drabi ma jkollniex tweġibiet għall-mistoqsija għaliex. Għalfejn dan qed jiġri? Għalfejn dan qed jiġri lili? X’suppost nitgħallem jiena? Meta ma nistgħux insibu l-ebda tweġiba, ikun il-mument li fih verament nistgħu napplikaw il-kliem li lissen is-Salvatur tagħna lill-Profeta Joseph Smith fiċ-Ċella ta’ Liberty:
“Ibni, inwassallek is-sliem; l-avversità u s-sofferenza tiegħek sa jkunu biss għal żmien qasir;
“U mbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti sat-tmiem, Alla jeżaltak fil-għoli” (Doctrine and Covenants 121:7–8).
Għalkemm huma ħafna n-nies li sewwasew jemmnu f’ Ġesù Kristu, il-mistoqsija ewlenija hi jekk aħna lilu nemmnuhx u jekk aħna nemmnux l-affarijiet li Hu jgħallimna u jitlobna nagħmlu. Forsi xi ħadd jista’ jaħseb, “X’jaf Ġesù Kristu dwar dak li għaddej minnu jien? Hu kif jaf x’għandi bżonn biex inkun ferħan?” Tassew, il-profeta Isaija kien qed jirreferi għall-Feddej u l-Interċessur tagħna meta qal:
“Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard. …
“Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. …
“Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna: għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Isaija 53:3–5).
L-Appostlu Pietru wkoll għallimna dwar is-Salvatur, fejn qal, “Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (1 Pietru 2:24).
Għalkemm il-mument tal-martirju ta’ Pietru kien qed joqrob, kliemu mhuwiex mimli biża’ jew pessimiżmu; anzi, hu għallem lill-Qaddisin biex “jifirħu,” minkejja li “jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi.” Pietru tana l-parir biex niftakru li “bħall-prova tan-nar, … hekk tgħaddi mill-prova l-fidi [tagħna],” u dan iwassal “għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu” u għas-“salvazzjoni [tagħna]” (1 Pietru 1:6–7, 9).
Pietru kompla:
“Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu.
“Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu.” (1 Pietru 4:12–13).
Il-President Russell M. Nelson għallem li “Il-qaddisin jistgħu jħossuhom ferħanin f’kull ċirkustanza. … Meta aħna niffokaw ħajjitna fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna. Il-ferħ jiġi mingħandu u minħabba fih. Huwa s-sors ta’ kull ferħ” (“Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82).
Bla dubju, hu aktar faċli li ngħidu dawn l-affarijiet meta ma nkunux ninsabu f’nofs xi maltempata milli ngħixuhom u napplikawhom waqt il-maltempata. Iżda bħala ħukom, nittama li tistgħu tħossu li sinċerament jien irrid naqsam magħkom kemm hi ħaġa imprezzabbli li tkunu tafu li Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni Tiegħu huma r-refuġju li lkoll neħtieġu, irrispettivament mill-maltemp li qed iħabbat f’ħajjitna.
Naf li aħna lkoll ulied Alla, li Hu jħobbna, u li m’aħniex weħidna. Nistedinkom biex tiġu u taraw li Hu jista’ jħaffef it-tagħbija tagħkom u jkun ir-refuġju li qed tfittxu. Ejjew u għinu lill-oħrajn isibu r-refuġju li tant jixtiequ. Ejjew u ibqgħu magħna f’dan ir-refuġju, li jgħinkom tirreżistu l-maltemp tal-ħajja. M’hemmx dubju f’qalbi li jekk intom tiġu, intom taraw, intom tgħinu, u intom tibqgħu.
Il-profeta Alma xehed dan li ġej lil ibnu Helaman: “Jien naf li kull min jafda f’Alla se jiġi megħjun fl-isfidi tiegħu, fl-inkwiet tiegħu u fis-sofferenza tiegħu, u se jiġi mgħolli ’l fuq fl-aħħar jum” (Alma 36:3).
Is-Salvatur innifsu qal:
“Ħallu qalbkom titfarraġ …; għax kull bniedem jinsab f’idejja; isktu u kunu afu li jien Alla. …
“Għaldaqstant, la tibżgħux lanqas sal-mewt; għax f’din d-dinja l-ferħ tagħkom mhux sħiħ, iżda fija l-ferħ tagħkom hu sħiħ” (Duttrina u Patti 101:16, 36).
L-għanja “Be Still, My Soul,” li messitli qalbi f’bosta okkażjonijiet, għandha messaġġ ta’ faraġ għal ruħna. Il-lirika hi kif ġej:
Ieqaf, ruħi: Is-siegħa dalwaqt tasal
Meta se nkunu għal dejjem mal-Mulej,
Meta d-diżappunt, in-niket, u l-biża’ jħalluna,
Jintesa n-niket, jiġġedded il-ferħ l-aktar pur tal-imħabba.
Ieqaf, ruħi: Meta l-bidla u d-dmugħ jgħaddu,
’Il bogħod mill-periklu u mberkin għad niltaqgħu. (Hymns, num. 124)
Hekk kif niffaċċjaw il-maltemp tal-ħajja, jiena naf li jekk nagħmlu l-almu tagħna u nafdaw f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni Tiegħu bħala r-refuġju tagħna, aħna nkunu mberkin bis-serħan, bil-faraġ, bil-qawwa, bit-temperament, u bil-paċi li qegħdin infittxu, b’ċertezza f’qalbna li fl-aħħar ta’ żmienna hawn fid-dinja, aħna nisimgħu l-kliem tal-Imgħallem: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil: … idħol fl-hena ta’ sidek” (Mattew 25:21). F’isem Ġesù Kristu, amen.