Konferenza Ġenerali
Kif Ibierek liż-Żgħażagħ is-Saċerdozju
Konferenza Ġenerali April 2020


Kif Ibierek liż-Żgħażagħ is-Saċerdozju

Permezz tas-saċerdozju, aħna nistgħu nelevaw irwieħna. Is-saċerdozju jwassal id-dawl fid-dinja tagħna.

Jiena grata li ninsab hawnhekk. Meta skoprejt li kien se jkolli l-opportunità li nkellimkom illum, ħassejtni nimtela bl-eċċitament iżda, fl-istess ħin, ħassejtni wkoll nimtela b’umlità kbira. Għaddejt ħafna ħin naħseb dwar x’nista’ naqsam magħkom, u nittama li l-Ispirtu jitkellem magħkom direttament permezz tal-messaġġ tiegħi.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, Leħi jagħti barka lil kull wieħed minn uliedu s-subien qabel imut, liema barka tgħinhom jagħrfu l-abbiltajiet u l-potenzjal etern tagħhom. Jiena ż-żgħira fost tmint itfal, u għall-ewwel darba din l-aħħar sena jiena kont l-unika waħda fost ħuti li għadni d-dar. Mingħar ħuti viċin tiegħi u mhux dejjem kelli lil xi ħadd ma’ min nitkellem kien veru diffiċli għalija. Kien hemm iljieli fejn ħassejtni verament waħdi. Jiena grata għall-ġenituri tiegħi, li għamlu l-almu tagħhom biex jgħinuni. Eżempju ta’ dan hu meta missieri offra li jagħtini barka saċerdotali ta’ faraġ waqt perjodu li kien partikolarment diffiċli għalija. Wara l-barka tiegħu, l-affarijiet ma nbidlux mill-ewwel, iżda jiena rnexxieli nħoss il-paċi u l-imħabba mingħand Missieri fis-Smewwiet u mingħand l-istess missieri. Jiena nħossni mbierka li għandi missier den li jista’ jipprovdili barkiet tas-saċerdozju kull meta jiena jkolli bżonnhom u li jgħinni biex nagħraf l-abbiltajiet u l-potenzjal etern tiegħi, l-istess kif għamel Leħi meta bierek lil uliedu.

Irrispettivament x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħkom, intom dejjem jista’ jkollkom aċċess għall-barkiet tas-saċerdozju. Permezz ta’ membri tal-familja, ħbieb, aħwa tal-ministeru, mexxejja tas-saċerdozju, u Missier fis-Smewwiet li qatt mhu se jiddiżappuntakom, intom tistgħu tirċievu l-barkiet tas-saċerdozju. Il-Presbiteru Neil L. Andersen qal: “Il-barkiet tas-saċerdozju huma infinitament akbar minn dak l-individwu li jintalab jamministra dan id-don. … Hekk kif aħna nkunu denji, l-ordinanzi tas-saċerdozju jtejbu ħajjitna.”1

Toqogħdux taħsbuha biex tistaqsu għal barka meta jkollkom bżonn ftit aktar gwida. Huwa fl-aktar mumenti diffiċli tagħna li aħna l-aktar li neħtieġu l-Ispirtu biex jgħinna. Ħadd mhu perfett u aħna lkoll nesperjenzaw ċerti diffikultajiet. Xi wħud minna jafu qed ibatu minn anzjetà, dipressjoni, vizzju, jew sentimenti li m’aħniex tajbin biżżejjed. Il-barkiet tas-saċerdozju jistgħu jgħinuna negħlbu dawn l-isfidi u nirċievu l-paċi hekk kif nimxu ’l quddiem lejn il-ġejjieni. Nittama li aħna nagħmlu li nistgħu biex ngħixu denji li nirċievu dawn il-barkiet.

Mod ieħor kif is-saċerdozju jberikna hu permezz ta’ barkiet patrijarkali. Jiena tgħallimt indur lejn il-barka patrijarkali tiegħi kull meta nħossni mnikkta jew waħdi. Il-barka tiegħi tgħinni nara l-potenzjal tiegħi u l-pjan speċifiku li Alla għandu għalija. Tfarraġni u tgħinni nara lil hinn mill-perspettiva mortali tiegħi. Tfakkarni fir-rigali tiegħi u l-barkiet li nista’ nirċievi jekk jien ngħix denja. Tgħinni wkoll inħossni fil-paċi u niftakar li Alla jipprovdili tweġiba għal talbi u jiftaħli ċerti bibien eżattament fil-mument opportun meta l-aktar li jkolli bżonn.

Il-barkiet patrijarkali jgħinu biex iħejjuna nerġgħu lura ħalli ngħixu ma’ Missierna tas-Smewwiet. Jiena naf li l-barkiet patrijarkali ġejjin minn Alla u jistgħu jgħinuna ndawru d-dgħjufijiet tagħna f’qawwa. Dan mhuwiex messaġġ minn xi “ħadd li jaqta’ x-xorti”, dawn il-barkiet jgħidulna dak li għandna bżonn nisimgħu. Huma bħal Liahona għal kull wieħed u waħda minna. Meta npoġġu lil Alla l-ewwel f’ħajjitna u jkollna l-fidi fih, Huwa jgħinna nibqgħu mexjin qalb id-deżert.

Bl-istess mod kif Alla bierek lil Joseph Smith bis-saċerdozju biex il-barkiet tas-saċerdozju jkunu jistgħu jiġu rrestawrati, aħna nistgħu nirċievu l-barkiet tal-evanġelju f’ħajjitna permezz tas-saċerdozju. Kull ġimgħa aħna ningħataw il-privileġġ u l-opportunità li nieħdu sehem fis-sagrament. Permezz ta’ din l-ordinanza tas-saċerdozju, aħna jista’ jkollna l-Ispirtu dejjem magħna, li jista’ jnaddafna u jsaffina. Jekk tħossu l-ħtieġa li teliminaw xi ħaġa minn ħajjitkom, morru għand xi mexxej li intom tafdaw biex jgħinkom terġgħu lura fit-triq il-ġusta. Il-mexxejja tagħkom jistgħu jgħinukom biex taċċessaw il-qawwa sħiħa tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Grazzi għas-saċerdozju, aħna nistgħu wkoll nirċievu l-barkiet tal-ordinanzi tat-tempju. Minn dakinhar li stajt nidħol fit-tempju, jiena ddeċidejt li għalija kienet se tkun ta’ prijorità li nattendi regolarment. Minħabba l-ħin li niddedika u s-sagrifiċċji neċessarji li jien nagħmel biex inkun aktar viċin ta’ Missieri tas-Smewwiet fid-dar imqaddsa tiegħu, jiena ġejt imbierka bl-għotja tar-rivelazzjoni u tas-suġġerimenti li verament għenuni tul ħajti.

Permezz tas-saċerdozju, aħna nistgħu nelevaw irwieħna. Is-saċerdozju jwassal id-dawl fid-dinja tagħna. Il-Presbiteru Robert D. Hales qal: “Mingħajr il-qawwa tas-saċerdozju, id-dinja tispiċċa tinqered għal kollox’ (ara D&C 2:1–3). Ma jkun hawn l-ebda dawl, l-ebda tama—dalma biss.”2

Alla qiegħed jissapportjana. Huwa jridna nerġgħu lura għandu. Huwa jafna personalment. Huwa jafkom. Huwa jħobbna. Huwa dejjem konxju tagħna u jberikna anke meta aħna nħossu li ma jixraqilniex. Huwa jaf x’neħtieġu u meta neħtiġuh.

“Itolbu u jingħatalkom; fittxu u ssibu; ħabbtu u jifħulkom:

Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu” (Mattew 7:7–8).

Jekk intom għad m’għandkomx testimonjanza dwar is-saċerdozju, inħeġġiġkom biex titolbu ħalli ssiru tafu intom stess dwar il-qawwa tiegħu, imbagħad aqraw l-iskrittura biex tisimgħu kliem Alla. Jiena naf li jekk aħna nagħmlu sforz biex nesperjenzaw il-qawwa tas-saċerdozju ta’ Alla, aħna nkunu mberkin. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Neil L. Andersen, “Power in the Priesthood,” Liahona, Nov. 2013, 92.

  2. Robert D. Hales, “Blessings of the Priesthood,” Ensign, Nov. 1995, 32.