Konferenza Ġenerali
Il-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon fil-Konverżjoni
Konferenza Ġenerali April 2020


Il-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon fil-Konverżjoni

Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdilna nutrijent spiritwali, jagħtina pjan ta’ azzjoni, u jgħaqqadna mal-Ispirtu s-Santu.

Wara li tajt ħarsa lejn rapport ta’ eżami tas-saħħa li għamilt ricentament, jiena sirt naf li kelli bżonn nagħmel ċertu tibdil fl-istil ta’ ħajja tiegħi. Biex jgħinni, it-tabib tiegħi fassalli pjan ta’ dieta u eżerċizzju, li jekk nagħżel li nimxi warajh, jibdilni f’persuna aktar b’saħħitha.

Jekk aħna lkoll nagħmlu eżami spiritwali, x’nitgħallmu dwarna nfusna? X’tibdil jgħidilna biex nagħmlu t-tabib spiritwali tagħna? Biex aħna nsiru dak li jeħtieġ li nkunu, hu essenzjali li nkunu nafu x’għandna nagħmlu u nagħmlu dak li nafu.

Ġesù Kristu huwa t-Tabib Prim.1 Permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, Huwa jinfaxxa l-ġrieħi tagħna, jieħu fuqu nnifsu l-mard tagħna, u jfejjaq il-qalb maqsuma tagħna.2 Permezz tal-grazzja tiegħu, id-dgħjufija tagħna tista’ tissarraf f’qawwa.3 Huwa jistedinna biex nimxu warajh4 billi nitgħallmu dwaru, nisimgħu kliemu, u nimxu fil-ħlewwa tal-Ispirtu tiegħu.5 Huwa wiegħed li se jgħinna6 f’dan il-proċess ta’ konverżjoni tul ħajjitna, li jittrasformana u jwasslilna l-ferħ etern.7

Is-Salvatur tana l-Ktieb ta’ Mormon bħala għodda effettiva biex tgħin fil-konverżjoni. Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdilna nutrijent spiritwali, jagħtina pjan ta’ azzjoni, u jgħaqqadna mal-Ispirtu s-Santu. Miktub għalina,8 hu fih il-kelma ta’ Alla miktuba b’mod mill-aktar ċar9 u jkellimna dwar l-identità, l-għan, u d-destin tagħna.10 Flimkien mal-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon jixhed dwar Ġesù Kristu11 u jgħallimna kif nistgħu nsiru nafu l-verità u nsiru nixbhuh.

Brother Saw Polo

Brother Saw Polo kellu 58 sena meta introduċewh għall-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Meta jien iltqajt miegħu, huwa kien ilu snin iservi bħala president tal-fergħa, iżda jiena sirt naf li hu qatt ma kien qara l-Ktieb ta’ Mormon għaliex kien għadu mhux disponibbli bil-Burmiż, il-lingwa nattiva tiegħu. Meta jiena staqsejtu kif kien jaf li l-ktieb kien veru mingħajr qatt ma kien qrah, huwa wieġeb li hu kien studja kuljum il-ktieb bl-istampi Stejjer mill-Ktieb ta’ Mormon billi kien joqgħod iħares lejn l-illustrazzjonijiet, juża d-dizzjunarju biex jittraduċi l-kliem Ingliż, u bir-reqqa kollha jieħu n-noti ta’ dak li jkun tgħallem. Huwa spjega, “Kull darba li kont nistudja, kont nitlob dwar dak li nkun tgħallimt, u kont inħoss fija l-paċi u l-ferħ, kont inħoss iċ-ċarezza f’moħħi, u qalbi kienet tirtab. Jiena ħassejt l-Ispirtu s-Santu jixhed miegħi li huwa veru. Jiena naf li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla.”

Bħal Brother Saw Polo, ilkoll kemm aħna nistgħu nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon skont iċ-ċirkustanzi tagħna. Hekk kif aħna nuru x-xewqa li nemmnu u nixtarru t-tagħlim tiegħu f’qalbna, aħna nistgħu nistaqsu lil Alla jekk it-t-tagħlim tiegħu huwiex veru.12 Jekk aħna nkunu sinċiera fix-xewqa tagħna li nkunu nafu u jkollna intenzjoni ġenwina biex naġixxu, Huwa jweġibna f’qalbna permezz tal-Ispirtu s-Santu. Huwa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li nistgħu nkunu nafu l-verità ta’ kollox.13 Meta aħna niksbu xhieda divina tal-Ktieb ta’ Mormon, bl-istess qawwa aħna nkunu nafu wkoll li Ġesù Kristu hu s-Salvatur tad-dinja, li Joseph Smith hu l-profeta tiegħu, u li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hi l-knisja rrestawrata tiegħu.14

Meta bħala żagħżugħ kont għadni fil-bidu tas-servizz missjunarju tiegħi, irkibt ajruplan għall-Awstralja. Kont ħassejt fija sentiment ta’ solitudni, anzjetà, u inadegwatezza, iżda peress li kont diġà ddeċidejt li nservi, jiena verament kelli bżonn ir-riassigurazzjoni li dak li kont nemmen kien veru. Jiena tlabt u qrajt l-iskrittura b’intenzjoni reali, iżda hekk kif konna ninsabu fl-ajru, id-dubji li kelli kibru u l-kundizzjoni fiżika tiegħi ddeterjorat. Wara li kont ili sigħat sħaħ nitqabad miegħi nnifsi, wieħed mill-assistenti tat-titjira waqaf ħdejja. Hu ħa minn idejja l-Ktieb ta’ Mormon li kont qed naqra. Ħares lejn il-qoxra u qalli, “Dak ktieb meraviljuż!” imbagħad tani lura l-ktieb u baqa’ miexi. Qatt ma rajtu aktar.

Filwaqt li kliemu baqa’ jidwi f’widnejja, jien b’mod mill-aktar ċar smajt u ħassejt f’qalbi l-kliem, “Jien ninsab hawn, u naf fejn inti tinsab. Ara li tagħmel l-almu tiegħek, u l-kumplament ħallih f’idejja.” Fuq dak l-ajruplan itir fuq l-Oċean Paċifiku, jiena rċevejt xhieda personali tal-istudju tiegħi tal-Ktieb ta’ Mormon u s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu li s-Salvatur tiegħi kien jaf jien min jien u li l-evanġelju kien veru.

Il-Presbiteru David A. Bednar għallem: “L-essenza ta’ testimonjanza hi li tkun taf li l-evanġelju huwa veru. L-essenza tal-konverżjoni hi li konsistentement tkun leali lejn l-evanġelju.”15 Il-konverżjoni teħtieġna li nkunu “dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux dawk li jisimgħuha biss.”16 Il-pjan ta’ azzjoni li l-Mulej għandu għalina—id-duttrina ta’ Kristu—hu mgħallem bl-aktar mod ċar fil-Ktieb ta’ Mormon.17 Dan jinkludi:

  • L-ewwel, neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu billi nafdaw fih, inħarsu l-kmandamenti tiegħu, u nkunu nafu li Hu lest li jgħinna.18

  • It-tieni, nindmu kuljum min-nuqqasijiet tagħna u nesperjenzaw il-ferħ u l-paċi meta Hu jaħfrilna.19 L-indiema teħtieġ minna li naħfru lil ħaddieħor20 u tgħinna nimxu ’l quddiem. Is-Salvatur wegħedna li jaħfrilna kull darba li nindmu.21

  • It-tielet, nagħmlu u nżommu l-patti ma’ Alla permezz ta’ ordinanzi bħall-magħmudija. Dan iżommna fit-triq tal-patt li twassalna għandu.22

  • Ir-raba’, nirċievu id-don tal-Ispirtu s-Santu. Dan id-don jagħtina ċ-ċans li jkollna magħna s-sħubija kostanti ta’ min jista’ jqaddisna, ifarraġna, u jiggwidana.23

  • U l-ħames, nibqgħu nżommu sħiħ sal-aħħar billi nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fermezza waqt li niffesteġġjaw kuljum permezz tal-kelma ta’ Kristu.24 Meta aħna niffesteġġjaw permezz tal-Ktieb ta’ Mormon u nżommu sod mat-tagħlim tiegħu, aħna nistgħu negħlbu t-tentazzjoni u nirċievu l-gwida u l-protezzjoni tul ħajjitna.25

Billi napplikaw b’mod konsistenti d-duttrina ta’ Kristu f’ħajjitna, aħna negħlbu l-inerzja li timpedixxi l-bidla u l-biża’ li żżommna milli naġixxu. Aħna nirċievu r-rivelazzjoni personali, għax l-Ispirtu s-Santu “sejjer jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu,”26 u “l-kliem ta’ Kristu se jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.”27

Għal 20 sena sħaħ, Brother Huang Juncong baqa’ jikkumbatti l-vizju tal-alkoħol, tas-sigaretti, u tal-logħob tal-azzard b’mod kompulsiv. Meta f’ħajtu huwa sab lil Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat tiegħu, Brother Huang wera x-xewqa li jinbidel b’rispett għall-familja tiegħu li kienet għadha fl-infanzja tagħha. L-akbar sfida tiegħu kien it-tipjip. Raġel li kien ipejjep sigarett wara l-ieħor, hu kemm-il darba pprova jieqaf, dejjem bla suċċess. Darba waħda, feġġ f’moħħu dan il-kliem mill-Ktieb ta’ Mormon: “b’qalb sinċiera, b’intenzjoni ġenwina.”28 Minkejja li kull darba li pprova qabel ma kienx irnexxielu, hu ħass li forsi seta’ jinbidel bl-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Il-missjunarji full-time ngħaqdu miegħu fil-fidi tagħhom u pprovdewlu pjan ta’ azzjoni li kien jikkonsisti minn ċerti interventi prattiċi, flimkien ma’ doża qawwija ta’ talb u studju tal-kelma ta’ Alla. B’sinċerità u intenzjoni ġenwina, Brother Huang aġixxa b’determinazzjon soda u sab li hekk kif hu beda jiffoka aktar fuq ċerti drawwiet ġodda li xtaq jiżviluppa, bħall-istudju tal-Ktieb ta’ Mormon, hu beda jiffoka anqas fuq il-vizzji li xtaq jaqta’.

Meta beda jitkellem dwar l-esperjenza li kellu 15-il sena qabel, huwa qal, “Ma niftakarx eżattament meta jien qtajt is-sigaretti, iżda hekk kif bdejt nipprova kuljum li nagħmel dawk il-ħwejjeġ li kelli bżonn nagħmel biex nistieden l-Ispirtu tal-Mulej f’ħajti u bqajt nagħmel dan, il-ħajra lejn is-sigaretti marritli u għadni s’issa ma npejjipx.” Billi applika f’ħajtu t-tagħlim tal-Ktieb ta’ Mormon, Brother Huang ittrasforma ħajtu, u huwa sar raġel u missier aħjar.

Huang Juncong u l-familja

Il-President Russell M. Nelson wiegħed: “Hekk kif bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, intom tibdew tieħdu deċiżjonijiet aħjar—kull jum. Jien inwegħidkom li hekk kif intom tixtarru dak li tistudjaw dwaru, jinfetħu għalikom bwieb is-sema, u intom tirċievu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħkom kif ukoll direzzjoni għal ħajjitkom. Inwegħidkom li, hekk kif kuljum intom tgħaddsu raskom fil-Ktieb ta’ Mormon, intom tiġu mlaqqmin kontra l-ħażen ta’ żmienna, saħansitra kontra l-pesta qerrieda tal-pornografija u vizzji oħra li jeqirdulna s-sensittività spiritwali tagħna.”29

Għeżież ħbieb tiegħi, il-Ktieb ta’ Mormon hu l-kelma ta’ Alla, u aħna nersqu aktar viċin Tiegħu jekk nistudjawh.30 Hekk kif nesperimentaw permezz tal-kliem tiegħu, aħna niksbu xhieda tal-verità tiegħu30 Hekk kif b’mod konsistenti ngħixu skont it-tagħlim tiegħu, aħna ma jkollniex “aktar xewqa li nagħmlu l-ħażen.”32 Qalbna, id-dehra tagħna u n-natura tagħna jittrasformaw ruħhom biex isiru jixbhu aktar lis-Salvatur.33 Jiena naqsam magħkom ix-xhieda ċerta tiegħi li Ġesù hu l-Kristu, is-Salvatur, il-Feddej, u l-Ħabib tagħna F’isem Ġesù Kristu, amen.