Konferenza Ġenerali
Is-Saċerdozju ta’ Melkisedek u l-Imfietaħ
Konferenza Ġenerali April 2020


Is-Saċerdozju ta’ Melkisedek u l-Imfietaħ

Fil-Knisja l-awtorità tas-saċerdozju tiġi eżerċitata taħt id-direzzjoni ta’ mexxej tas-saċerdozju li jħaddan l-imfietaħ ta’ dak is-saċerdozju.

Jiena għażilt li nitkellem aktar dwar is-saċerdozju ta’ Alla, suġġett li diġà ġie indirizzat qabel minn tliet kelliema li għallmuna dwar kif is-saċerdozju jbierek il-ħajja tan-nisa, tat-tfajliet, u tal-ġuvintur.

Is-saċerdozju huwa qawwa u awtorità divina fdatha f’idejna biex nużawha għall-ħidma ta’ Alla għall-benefiċċju ta’ wliedu kollha. Is-Saċerdozju mhuwiex dawk li ġew ordnati għal xi uffiċċju tas-saċerdozju jew dawk li jeżerċitaw l-awtorità tiegħu. L-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju mhumiex is-saċerdozju. Filwaqt li m’għandniex nirreferu għal irġiel ordnati bħala is-saċerdozju, hu xieraq li nirreferu għalihom bħala detenturi tas-saċerdozju.

Il-qawwa tas-saċerdozju teżisti kemm fil-Knisja kif ukoll fl-organizzazzjoni tal-familja. Iżda l-qawwa tas-saċerdozju u l-awtorità tas-saċerdozju jiffunzjonaw b’mod differenti fil-Knisja milli jagħmlu fil-familja. Dan kollu skont il-prinċipji li stabbilixxa l-Mulej. L-għan tal-pjan ta’ Alla hu li jmexxi lil uliedu sal-ħajja eterna. Il-familji mortali huma essenzjali għal dak il-pjan. Il-Knisja teżisti biex tipprovdi d-duttrina, l-awtorità, u l-ordinanzi neċessarji biex iwasslu r-relazzjonijiet tal-familja fl-eternitajiet. Għalhekk, l-organizzazzjoni tal-familja u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu għandhom relazzjoni rrinforzata b’mod mutwali. Il-barkiet tas-saċerdozju—bħall-milja tal-evanġelju u l-ordinanzi bħall-magħmudija, il-konferma, u l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu, id-dota tat-tempju, u ż-żwieġ etern huma disponibbli kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.1

Is-saċerdozju li qed nitkellmu dwaru hawn huwa s-Saċerdozju ta’ Melkisedek, li ġie rrestawrat fil-bidu tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju. Joseph Smith u Oliver Cowdery ġew ordnati minn Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, li ddikjaraw lilhom infushom “li jippossedu l-imfietaħ tas-saltna, u tad-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet” (Doctrine and Covenants 128:20). Dawn l-Appostli aktar anzjani rċevew l-awtorità mingħand is-Salvatur innifsu. L-awtoritajiet jew l-uffiċċji l-oħra kollha fis-saċerdozju huma appendiċi għas-Saċerdozju ta’ Melkisedek (ara Doctrine and Covenants 107:5), għax dan “iħaddan id-dritt tal-presidenza, u għandu l-qawwa u l-awtorità fuq l-uffiċċji kollha fil-knisja f’kull żmien tad-dinja” (Doctrine and Covenants 107:8).

Fil-Knisja l-awtorità tas-saċerdozju ikbar, is-Saċerdozju ta’ Melkisedek, u s-saċerdozju inqas jew ta’ Aron hi eżerċitata taħt id-direzzjoni ta’ mexxej tas-saċerdozju, bħal isqof jew president, li jħaddan l-imfietaħ ta’ dak is-saċerdozju. Biex nifhmu l-eżerċizzju tal-awtorità tas-saċerdozju fil-Knisja, jeħtieġ li aħna nifmu l-prinċipju tal-imfietaħ tas-saċerdozju.

L-imfietaħ tas-saltna tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek ġew ikkonferiti minn Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, iżda dan ma ġabx fis-seħħ ir-restawrazzjoni sħiħa tal-imfietaħ tas-saċerdozju. Xi mfietaħ tas-saċerdozju ġew ikkonferiti wara. Wara d-dedikazzjoni tal-ewwel tempju ta’ din id-dispensazzjoni f’Kirtland, Ohio, tliet profeti—Mosè, Elijas, u Elija—irrestawraw “l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni,” fosthom l-imfietaħ li jippartjenu lill-ġabra ta’ Iżrael u l-ħidma tat-tempji tal-Mulej (ara Doctrine and Covenants 110), kif għadu kif iddeskriva b’tant persważjoni l-President Eyring.

L-aktar eżempju familjari dwar il-funzjoni tal-imfietaħ jinsab fit-twettiq tal-ordinanzi tas-saċerdozju. Ordinanza hija att solenni li s-sinifikat tagħha hu l-għamil tal-patti u l-wegħda tal-barkiet. Fil-Knisja l-ordinanzi kollha jitwettqu taħt l-awtorizzazzjoni tal-mexxej tas-saċerdozju li jħaddan l-imfietaħ għal dik l-ordinanza.

Ordinanza ħafna drabi tiġi uffiċċjata minn persuni li ġew ordnati f’uffiċċju fis-saċerdozju u li qed jaġixxu taħt id-direzzjoni ta’ wieħed li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju. Per eżempju, id-detenturi ta’ diversi uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Aron juffiċjalizzaw fl-ordinanza tas-sagrament taħt l-imfietaħ u d-direzzjoni tal-isqof, li jħaddan l-imfietaħ tas-Saċerdozju ta’ Aron. L-istess prinċipji japplikaw għall-ordinanzi tas-saċerdozju li fihom in-nisa juffiċjalizzaw fit-tempju. Għalkemm in-nisa ma jħaddnux uffiċċju fis-saċerdozju, huma jwettqu ċerti ordinanzi sagri tat-tempju taħt l-awtorizzazzjoni tal-president tat-tempju, li jħaddan l-imfietaħ tal-ordinanzi tat-tempju.

Eżempju ieħor tal-awtorità tas-saċerdozju taħt id-direzzjoni ta’ wieħed li jħaddan l-imfietaħ hu t-tagħlim ta’ rġiel u nisa msejħa biex jgħallmu l-evanġelju, kemm fil-klassijiet fl-oqsma ta’ fejn joqogħdu jew fl-għalqa tal-missjoni. Eżempji oħra huma dawk li jħaddnu pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-qasam u jeżerċitaw l-awtorità tas-saċerdozju fit-tmexxija tagħhom minħabba s-sejħiet tagħhom, wara li jiġu destinti taħt id-direzzjoni tal-mexxej tas-saċerdozju li jħaddan l-imfietaħ fil-qasam jew fil-wited. Dan hu kif l-awtorità u l-qawwa tas-saċerdozju tiġi eżerċitata u titgawda fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.2

L-awtorità tas-saċerdozju hija wkoll eżerċitata u l-barkiet tagħha realizzati fil-familji tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. B’familji rrid infisser mara u raġel li jħaddan is-saċerdozju li huma miżżewġin, flimkien ma’ wliedhom. Jiena ninkludi wkoll lil dawk kollha li mhumiex f’relazzjonijiet ideali minħabba mewt jew divorzju.

Il-prinċipju li l-awtorità tas-saċerdozju tista’ tiġi eżerċitata biss taħt id-direzzjoni ta’ wieħed li jħaddan l-imfietaħ għal dik il-funzjoni hu fundamentali fil-Knisja, iżda dan ma japplikax fil-familja. Per eżempju, missier jippresedi u jeżerċita s-saċerdozju fil-familja tiegħu bl-awtorità tas-saċerdozju li hu jħaddan. M’hemmx għalfejn li jingħata direzzjoni jew approvazzjoni minn xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju biex ikun jista’ jwettaq il-ħafna funzjonijiet fil-familja. Dawn jinkludu li hu jiddiskuti mal-membri tal-familja tiegħu, imexxi laqgħat tal-familja, jagħti barkiet tas-saċerdozju lil martu u lil uliedu, jew jagħti barkiet ta’ fejqan lil xi membri tal-familja jew lil ħaddieħor.3 L-awtoritajiet tal-Knisja jgħallmu lill-membri tal-familja iżda huma ma jmexxux l-eżerċizzju tal-awtorità tas-saċerdozju fil-familja.

L-istess prinċipju japplika meta l-missier ikun assenti u l-omm hija l-mexxej tal-familja. Hija tippresedi fid-dar tagħha u hi strumentali biex twassal il-qawwa u l-barkiet tas-saċerdozju fil-familja tagħha permezz tad-dota u s-siġill tagħha fit-tempju. Minkejja li hi mhux awtorizzata li tagħti barkiet tas-saċerdozju li jistgħu jingħataw biss minn persuna li tħaddan xi uffiċċju fis-saċerdozju, hi tista’ twettaq il-funzjonijiet l-oħra kollha tat-tmexxija tal-familja. Hekk kif tagħmel dan, hi tkun qed teżerċita l-qawwa tas-saċerdozju għall-benefiċċju tat-tfal li fuqhom hija tippresedi fil-pożizzjoni tat-tmexxija fil-familja.4

Jekk il-missirijiet ikabbru s-saċerdozju tagħhom fil-familja tagħhom, huma jkunu qed imexxu ’l quddiem il-missjoni tal-Knisja daqs kull ħaġa oħra li jistgħu jagħmlu. Il-missirijiet li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek għandhom jeżerċitaw l-awtorità tagħhom “bil-persważjoni, bis-sabar, bil-ġentilezza u l-ħlewwa, u b’imħabba sinċiera” (Doctrine and Covenants 121:41). Dan l-istandard għoli għall-eżerċizzju tal-awtorità tas-saċerdozju hu l-aktar importanti fil-familja. Id-detenturi tas-saċerdozju għandhom ukoll iżommu l-kmandamenti ħalli jkollhom il-qawwa tas-saċerdozju biex jagħtu barkiet lill-membri tal-familja tagħhom. Huma għandhom jikkultivaw relazzjoni ta’ mħabba fil-familja ħalli l-membri tal-familja jkunu jridu jistaqsuhom għall-barkiet. U l-ġenituri għandhom iħeġġu aktar barkiet tas-saċerdozju fil-familja.5

F’dawn il-laqgħat tal-konferenza, hekk kif aħna nfittxu post fejn nistkennu ftit mill-inkwiet mortali minħabba l-pandemija mill-aktar devastanti, aħna ġejna mgħallmin prinċipji importanti tal-eternità. Inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex ikollna għajnejna “safja” sabiex nirċievu dawn il-veritajiet tal-eternità ħalli ġisimna “ikun kollu mdawwal” (3 Nephi 13:22).

Fid-diskors tiegħu lill-miġemgħa kif deskritt fil-Bibbja u fil-Ktieb ta’ Mormon, is-Salvatur għallem li l-ġisem mortali jista’ jkun kollu mdawwal jew kollu mudlam. Aħna, bla dubju, irridu li jkun kollu mdawwal, u s-Salvatur tagħna għallimna kif nistgħu nagħmlu dan. Għandna nisimgħu messaġġi dwar il-veritajiet tal-eternità. Huwa uża l-eżempju ta’ għajnejna, li permezz tagħhom aħna nirċievu d-dawl f’ġisimna. Jekk “għajnejna tkun safja”—fi kliem ieħor, jekk aħna nkunu qed nikkonċentraw fuq li nirċievu d-dawl u l-għarfien etern—Huwa spjega, “ġismek kollu jkun imdawwal” (Mattew 6:22; 3 Nephi 13:22). Iżda jekk “għajnejna tkun marida”—jiġifieri, jekk infittxu l-ħażen u nħalluh jidħol f’ġisimna—Huwa widdeb, “ġismek kollu jkun mudlam” (vers 23). Fi kliem ieħor, id-dawl jew id-dlam f’ġisimna jiddependi minn kif naraw—jew nirċievu— il-veritajiet eterni li ġejna mgħallmin.

Aħna għandna nimxu wara l-istedina tas-Salvatur li nfittxu u nitolbu biex nifhmu l-veritajiet tal-eternità. Huwa jwiegħed li Missierna tas-Smewwiet hu lest li jgħallem lil kulħadd il-veritajiet li huma jfittxu (ara 3 Nephi 14:8). Jekk aħna nixtiequ dan u għandna għajnejna safja biex nirċievuhom, is-Salvatur iwiegħed li l-veritajiet tal-eternità “jinfetħu” għalina (ara 3 Nephi 14:7–8).

B’kuntrast għal dan, Satana jara kif jagħmel biex iħawwad ħsibijietna jew biex jiżżvijana fuq affarijiet importanti bħall-operat tas-saċerdozju ta’ Alla. Is-Salvatur widdibna dwar “profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa” (3 Nephi 14:15). Hu tana dan it-test biex jgħinna nagħżlu l-verità minn ħafna tagħlim differenti ieħor li jista’ jħawwadna: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhomm” għallem Hu (3 Nephi 14:16). “Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmel frott tajjeb” (vers 18). Għalhekk, aħna għandna nħarsu lejn ir-riżultat—“il-frott”—tal-prinċipji li jiġu mgħallmin u l-persuni li jgħallmuhom. Din hi l-aqwa tweġiba għall-ħafna mill-oġġezzjonijiet li nisimgħu kontra l-Knisja u d-duttrina, u l-polisis u t-tmexxija tagħha. Imxu wara t-test li għallem is-Salvatur. Ħarsu lejn il-frott—ir-riżultat.

Meta naħsbu dwar il-frott tal-evanġelju u l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, aħna nifirħu kif il-Knisja, fil-ħajja tal-membri ħajjin tagħha, kibret minn ftit kongregazzjonijiet lokali fin-naħa tal-Punent qalb il-muntanji għal aktar minn 16-il miljun membru li l-biċċa kbira minnhom joqogħdu barra l-Istati Uniti. Ma’ dan it-tkabbir, aħna ħassejna tkabbir ukoll fil-kapaċità tal-Knisja li tassisti lill-membri tagħha. Aħna nassistu fiż-żamma tal-kmandamenti, fit-twettiq tar-responsabbiltajiet li jiġi mxandar l-evanġelju rrestawrat, fil-ġabra ta’ Iżrael, u fil-bini ta’ bosta tempji madwar id-dinja.

Aħna mmexxijin minn profeta, il-President Russell M. Nelson, li t-tmexxija tiegħu il-Mulej uża biex jikseb il-progress li lkoll ħassejna f’dawn is-sentejn u fuqhom ta’ tmexxija tiegħu. Issa aħna se niġu mberkin li nisimgħu mill-President Nelson, li se jgħallimna aktar dwar kif nistgħu nibqħu mexjin ’il quddiem f’din il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Jien nixhed dwar il-verità ta’ dawn il-ħwejjeġ u ningħaqad magħkom fit-talb għall-profeta tagħna, li issa lilu se nisimgħuh, f’isem Ġesù Kristu, amen.