Konferenza Ġenerali
Messaġġ tal-Bidu
Konferenza Ġenerali April 2020


2:3

Messaġġ tal-Bidu

Aħna għandna nfittxu, b’kull mod li nistgħu, li nisimgħu lil Ġesù Kristu, li jkellimna permezz tal-qawwa u l-qadi tal-Ispirtu s-Santu.

Għeżież ħuti, hekk kif nilqgħukom għal din il-konferenza ġenerali storika ta’ April 2020 tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, għal raġunijiet li tafuhom, jien ninsab wieqaf quddiemkom f’awditorju vojt!

Min kellu jgħidli, meta fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2019, jiena wegħidkom li din il-konferenza ta’ April kienet se tkun waħda “memorabbli” u “li ma tintesiex,” li l-fatt li nitkellem quddiem kongregazzjoni viżibbli ta’ anqas minn 10 min-nies kien se jagħmel din il-konferenza waħda memorabbli u li ma tintesiex għalija! Madankollu, l-għarfien li intom qed tipparteċipaw permezz ta’ trasmissjoni elettronika, u l-kor ikanta verżjoni mill-isbaħ ta’ “It Is Well with My Soul,” jimlieli ruħi b’faraġ kbir.

Kif tafu, l-attendenza għal din il-konferenza ġenerali ġiet strettament limitata bħala parti mill-isforzi tagħna li nkunu ċittadini globali tajbin u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nillimitaw il-firxa tal-COVID-19. Dan il-virus ħalla impatt kbir madwar id-dinja. Wassal ukoll biex għal xi żmien ikun hemm tibdil fil-laqgħat tal-Knisja, fis-servizz missjunarju, u fil-ħidma tat-tempju tagħna.

Minkejja li r-restrizzjonijiet tal-lum huma relatati ma’ virus qerriedi, l-isfidi personali tal-ħajja imorru lil hinn minn din il-pandemija. Sfidi oħra futuri jistgħu jkunu riżultat ta’ xi aċċident, diżastru naturali, jew xi uġigħ il-qalb personali bla mistenni.

Kif nistgħu nikkumbattu b’kuraġġ dawn l-isfidi? Il-Mulej qalilna li “jekk intom preparati, m’għandkomx għalfejn tibżgħu.” 1 Bla dubju, aħna nistgħu naħżnu r-riserva tagħna ta’ ikel, ilma, u flus. Iżda kruċjali wkoll hu l-bżonn tagħna li nimlew l-imħażen spiritwali tagħna bil-fidi, bil-verità, u bit-testimonjanza.

It-tfittxija aħħarija tagħna fil-ħajja hi li nitħejjew biex niltaqgħu mal-Ħallieq tagħna. Aħna nagħmlu dan billi kuljum nagħmlu li nistgħu biex insiru nixbhu aktar lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. 2 U nagħmlu dan hekk kif nindmu kuljum u nirċievu l-qawwa Tiegħu li tnaddafna, tfejjaqna, u ssaħħaħna. Imbagħad aħna nkunu nistgħu nħossu paċi u ferħ dejjiema, anke fi żminijiet diffiċli. Dan hu eżattament għalfejn il-Mulej talabna biex nieqfu f’postijiet qaddisa u “ma nitħarrkux.” 3

Din is-sena, aħna qed nikkommemoraw il-200 anniversarju ta’ waħda mill-aktar ġrajjiet sinifikanti fl-istorja tad-dinja—sewwasew, id-dehra ta’ Alla l-Missier u tal-Iben il-Maħbub tiegħu, Ġesù Kristu, lil Joseph Smith. Matul dik il-viżjoni straordinarja, Alla l-Missier ipponta lejn Ġesù Kristu u qal: “Dan hu Ibni l-Għażiż. IsimgħU!” 4

Dik it-twissija mogħtija lil Joseph tapplika għalina lkoll. Aħna għandna nfittxu, b’kull mod li nistgħu, li nisimgħu lil Ġesù Kristu, li jkellimna permezz tal-qawwa u l-qadi tal-Ispirtu s-Santu.

L-għan ta’ din il-konferenza u ta’ kull konferenza ġenerali oħra hu biex tgħinna nisimgħuh. Aħna tlabna, u nitlobkom sabiex titolbu, li l-Ispirtu tal-Mulej ikun magħna b’abbundanza kbira ħalli intom tkunu tistgħu tisimgħu l-messaġġi li s-Salvatur għandu speċjalment għalikom—messaġġi li jġibulkom il-paċi f’qalbkom. Messaġġi li jfejqu lill-qalb maqsuma tagħkom. Messaġġi li jdawwlu moħħkom. Messaġġi li jgħinukom tkunu tafu x’għandkom tagħmlu hekk kif tibqgħu mexjin f’dawn iż-żminijiet ta’ nkwiet u sfida.

Aħna nitolbu li din il-konferenza tkun waħda memorabbli u li ma tintesiex minħabba l-messaġġi li se tisimgħu, it-tħabbiriet uniċi li se jsiru, u l-esperjenzi li intom se tiġu mistiedna biex tipparteċipaw fihom.

Per eżempju, fi tmiem is-sessjoni tal-Ħadd filgħodu, aħna se niltaqgħu flimkien f’assemblea solenni dinjija fejn jiena se mmexikom fl-Għajta sagra tal-Hosanna. Nitolbu li dan ikun għalikom il-qofol ta’ esperjenza spiritwali hekk kif aħna nesprimu b’vuċi waħda dinjija l-gratitudni profonda tagħna lil Alla l-Missier u lil Ibnu l-Għażiż billi nfaħħruhom b’dan il-mod uniku.

Għal din l-esperjenza sagra, aħna nużaw maktur abjad nadif. Iżda jekk m’għandkomx wieħed, intom tistgħu sempliċiment ixxejru idkom. Fi tmiem l-Għajta tal-Hosanna, il-kongregazzjoni se tingħaqad mal-kor u flimkien inkantaw “L-Ispirtu ta’ Alla.” 5

Għeżież ħuti, din il-konferenza se tkun waħda meraviljuża. Din is-sena se tkun waħda straordinarja hekk kif niffokaw b’attenzjoni kbira fuq is-Salvatur u l-evanġelju rrestawrat Tiegħu. L-aktar effett dejjiem importanti ta’ din il-konferenza storika se jkun meta qlubna jinbidlu u nagħtu bidu għal tfittxija tul ħajjitna li nisimgħuh.

Merħba għall-konferenza ġenerali ta’ April, 2020! Jiena naf li Alla, Missierna tas-Smewwiet, u Ibnu, Ġesù Kristu, huma konxji minna. Huma se jkunu magħna tul l-avvenimenti ta’ dawn il-jumejn glorjużi hekk kif infittxu li nersqu aktar viċin tagħhom u nonorawhom. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.