Dija Perfetta ta’ Tama
Peress li r-Restawrazzjoni tirriafferma l-verità fundamentali li Alla jinsab jaħdem f’din id-dinja, aħna nistgħu nittamaw, aħna għandna nittamaw, anke meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet kritiċi.
Ottubru li għadda, l-President Russell M. Nelson stedinna biex inħarsu ’l quddiem lejn din il-konferenza ta’ April 2020 billi, bil-mod personali tagħna, inħarsu lkoll lura biex naraw il-maestà ta’ id Alla fir-restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jien u Sister Holland ħadna din l-istedina profetika bis-serjetà. Immaġinajna lilna nfusna qed ngħixu fil-bidu tas-seklu dsatax, niflu t-twemmin reliġjuż ta’ dak iż-żmien. F’dik l-istampa mmaġinarja, aħna staqsejna lilna nfusna, “Hawn xi ħaġa nieqsa, x’inhi? X’nixtiequ li għandna? X’inhu dak li aħna nittamaw li Alla jipprovdi bi tweġiba għax-xewqa spiritwali tagħna?”
Mela, għal ħaġa waħda, aħna rrealizzajna li mitejn sena ilu aħna konna żgur nittamaw għar-restawrazzjoni ta’ kunċett aktar reali ta’ Alla milli kellhom ħafna li kienu jgħixu dak iż-żmien, li għalihom Alla kien ta’ spiss jidher moħbi wara sekli ta’ żbalji u nuqqas ta’ għarfien. Biex nissellef frażi minn William Ellery Channing, bniedem reliġjuż prominenti ta’ żmienu, aħna żgur li konna nfittxu “il-karattru ta’ Alla bħala ġenitur,” liema ħaġa Channing ikkunsidra bħala “l-ewwel duttrina importanti tal-Kristjanità.”1 Duttrina bħal din kienet tasal biex tagħraf lid-Divinità bħala Missier tas-Smewwiet li jħobbna, minflok xi mħallef aħrax lest biex jikkastigana jew xi sid il-kera assenti li darba kellu x’jaqsam mal-affarijiet tad-dinja iżda issa jinsab preokkupat xi mkien ieħor fl-univers.
Iva, it-tama tagħna fl-1820 kienet tkun li nsibu Alla li fi żmienna jkellimna u jiggwidana b’imħabba kif Hu għamel fil-passat, Missier veru, fil-veru sens tal-kelma, b’imħabba kbira. Bla dubju Hu ma kienx se jkun xi awtokrat arbitrarju bla emozzjoni li għażel minn qabel xi ftit magħżulin għas-salvazzjoni u mbagħad ikkundanna l-kumplament tal-familja umana għal dejjem. Le, Hu se jkun wieħed li kull azzjoni tiegħu, permezz ta’ dikjarazzjoni divina, se tkun “għall-benefiċċju tad-dinja; għax hu jħobb id-dinja”2 u l-abitanti kollha tagħha. Dik l-imħabba se tkun l-akbar raġuni tiegħu biex jibgħat lil Ġesù Kristu, l-Iben Waħdieni tiegħu, fid-dinja.3
Rigward Ġesù, li kieku konna ngħixu f’dawk l-ewwel snin tas-seklu 19, żgur li konna nirrealizzaw bi tħassib kbir li ċerti dubji dwar ir-realtà tal-ħajja u l-Qawmien mill-Imwiet tas-Salvatur kien qed jibda jkollhom effett sinifikanti fid-dinja Kristjana. Għalhekk, aħna konna żgur nittamaw għal xi evidenza biex iżżur id-dinja kollha ħalli tikkonferma x-xhieda bibblika li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben litterali ta’ Alla, Alfa u Omega, u l-uniku Salvatur li din id-dinja qatt se jkollha. Kienet żgur tkun fost l-akbar tamiet tagħna li xi evidenza skritturali oħra tinġieb fid-dinja, xi ħaġa li setgħet tikkostitwixxi testment ieħor ta’ Ġesù Kristu, li jkabbar u jsaħħaħ l-għarfien tagħna tat-twelid mirakoluż, tal-ministeru meraviljuż, tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni, u l-Qawmien mill-Imwiet glorjuż tiegħu. Verament li dokument bħal dan ikun “tjieba mibgħuta mis-smewwiet; u verità ħierġa mill-art.”4
Waqt li konna nkunu qed nosservaw id-dinja Kristjana ta’ dak iż-żmien, konna żgur nittamaw li nsibu lil xi ħadd awtorizzat minn Alla bl-awtorità vera tas-saċerdozju li seta’ jgħammidna, jagħtina d-don tal-Ispirtu s-Santu, u jamministralna l-ordinanzi tal-evanġelju kollha neċessarji għall-eżaltazzjoni. Fl-1820, konna nittamaw li naraw li jiġu fis-seħħ il-wegħdiet elokwenti ta’ Isaija, Mika, u profeti oħra tal-qedem rigward ir-ritorn tad-dar maestuża tal-Mulej.5 Żgur li kien ikollna eċċitament kbir li naraw il-glorja tat-tempji mqaddsa mwaqqfin mill-ġdid, bl-Ispirtu, bl-ordinanzi, bil-qawwa, u bl-awtorità li permezz tagħhom jiġu mgħallma veritajiet eterni, jitfejqu ċerti ġrieħi personali, u jgħaqqdu lill-familji flimkien għal dejjem. Żgur li kont infittex kullimkien biex nara nsibx lil xi ħadd awtorizzat li lili u lill-għażiża tiegħi Patricia jgħidilna li ż-żwieġ tagħna f’dak il-post ġiet issiġillat għal din il-ħajja u għall-eternità kollha, u ma jkollniex għalfejn nisimgħu jew ikollna impost fuqna l-kliem misħut “sakemm il-mewt tifridna.” Jiena naf li “fid-dar ta’ Missierna hemm ħafna postijiet,”6 iżda, nitkellem għalija personali, jekk jiena kont se nkun daqstant fortunat li niret wieħed minnhom, ma jkun ifisser assulutament xejn għalija jekk Pat u wliedna ma setgħux ikunu miegħi biex jaqsmu miegħi dak il-wirt. Għall-antenati tagħna, li wħud minnhom għexu u mietu fiż-żmien tal-qedem bla ma semgħu isem Ġesù Kristu, aħna konna nittamaw għal dawk il-kunċetti bibbliċi mill-aktar ġusti u ta’ ħniena biex jerġgħu jiġu rrestawrati—id-drawwa li l-ħajjin joffru l-ordinanzi tas-salvazzjoni f’isem l-antenati mejtin tagħhom.7 L-ebda drawwa oħra li nista’ nimmaġina ma setgħet turi b’aktar splendur l-imħabba kbira li Alla għandu lejn kull wieħed u waħda minn uliedu, irrispettivament meta għexu jew fejn mietu.
Mela, nista’ nibqa’ nsemmi l-lista ta’ tamiet li kien ikollna fl-1820, iżda probabbilment l-aktar messaġġ importanti tar-Restawrazzjoni hu li dawn it-tamiet ma kinux se jkunu għal xejn. Mill-bidu tagħhom fil-Masġar Sagru u kif għadhom iseħħu sal-lum, dawn ix-xewqat bdew jiġu fis-seħħ u saru, kif għallmu l-Appostlu Pawlu u oħrajn, ankri vera tar-ruħ, sħaħ u qawwija.8 Dak li darba konna biss nittamaw għalih issa sar storja.
B’hekk ħarisna lura lejn 200 sena ta’ tjubija ta’ Alla lid-dinja. Iżda xi ngħidu għaż-żmien li ġej? Aħna xorta waħda għad għandna tamiet li għadhom ma ġewx fis-seħħ. Anke waqt li qed inkellimkom, qegħdin niġġieldu gwerra “li fiha ngaġġati lkoll” kontra l-COVID-19, li b’mod solenni tfakkarna li virus9 1,000 darba iżgħar minn farka ramel10 jista’ jipparalizza popli sħaħ u ekonomiji globali. Aħna nitlobu għal dawk li tilfu xi maħbubin tagħhom f’din il-marda ta’ żmienna, kif ukoll għal dawk li bħalissa jinsabu infettati jew f’riskju. Aħna ċertament nitolbu għal dawk li qed jagħtu servizz tas-saħħa daqstant meraviljuż. Meta din il-marda se nirbħuha—u hekk se nagħmlu—jalla aħna nuru l-istess impenn biex neħilsu d-dinja mill-virus tal-ġuħ, neħilsu bosta bliet u ġnus mill-virus tal-faqar. Jalla aħna nittamaw għal skejjel fejn l-istudenti jiġu mgħallmin—mhux imwerwrin li se jinqatlu b’xi sparatura—u għar-rigal tad-dinjità personali għall-ulied kollha ta’ Alla, ħielsa minn kull forma ta’ preġudizzji razzjali, etniċi, jew reliġjużi. Issostni dan kollu hemm it-tama bla waqfien tagħna għal aktar devozzjoni lejn l-akbar żewġ kmandamenti fost il-kmandamenti kollha: li nħobbu lil Alla billi nagħtu widen ta’ kliemu u li nħobbu lil għajrna billi nuru t-tjubija u l-kompassjoni, il-paċenzja u l-maħfra.11 Dawn iż-żewġ direttivi divini għadhom—u għal dejjem jibqgħu—l-unika vera tama li għandna biex nagħtu lil uliedna dinja aħjar minn dik li huma jafu bħalissa.12
Minbarra dawn ix-xewqat globali, ħafna fost din l-udjenza llum għandhom ċerti tamiet kbar personali: tama li ż-żwieġ jissaħaħ, jew xi kultant tama li intom tiżżewġu, tama li tegħlbu xi vizzju, tama li xi tfal ribellużi jerġgħu lura, tama li ma tibqgħux tesperjenzaw aktar uġigħ fiżiku jew emozzjonali ta’ kull tip. Peress li r-Restawrazzjoni tirriafferma l-verità fundamentali li Alla jinsab jaħdem f’din id-dinja, aħna nistgħu nittamaw, aħna għandna nittamaw, anke meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet kritiċi. Dan hu li riedet tfisser l-iskrittura meta Abraham irnexxielu jittama kontra t-tama13—jiġifieri, hu kien kapaċi jemmen minkejja li kellu kull raġuni li ma jemminx—li hu u Sarah seta’ jkollhom tarbija meta dik dehret li kienet ħaġa verament impossibbli. Għalhekk, nistaqsi, “Jekk daqstant tamiet li aħna kellna fl-1820 setgħu jibdew iseħħu b’leħħa ta’ dawl divin li niżlet fuq daqsxejn ta’ tifel li kien jinsab għarkupptejh f’bosk fin-naħa ta’ fuq ta’ New York, għalfejn aħna m’għandniex nittamaw li x-xewqat ġusti u Kristjani tagħna għad jistgħu jinstemgħu b’mod meraviljuż u mirakoloż mill-Alla ta’ kull tama?” Aħna lkoll jeħtieġ li nemmnu li dak li aħna nixtiequ fis-sewwa jista’ xi darba, b’xi mod, jiġi fis-seħħ.
Ħuti, aħna nafu x’kienu wħud mid-defiċjenzi reliġjużi fil-bidu tas-seklu 19. Barra minn hekk, aħna nafu xi ħaġa dwar in-nuqqasijiet reliġjużi ta’ żmienna li għadhom iħallu lil xi wħud jixxenqu bil-ġuħ u t-tama. Aħna nafu li ħafna minn dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjon qed iwassal biex xi wħud jitbiegħdu mill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi tradizzjonali. Aħna nafu wkoll, kif kiteb wieħed kittieb frustrat, li “bosta mexxejja reliġjużi ta’ żmienna jidhru li lanqas biss għandhom idea” kif jindirizzaw din is-sitwazzjoni dejjem tiħżien, li għaliha kulma qed joffru hu “daqsxejn ta’ għasida rqiqa ta’ twemmin terapewtiku, ftit attiviżmu simboliku li ma jiswa għal xejn, ereżiji qalb kliem ħelu, jew xi kultant sempliċiment kliem bla sens li ma jispirakx”14—u fl-istess ħin meta d-dinja teħtieġ ferm aktar, meta l-ġenerazzjoni li għadha tielgħa jixirqilha ferm aktar, u meta fi żmien Ġesù Hu offra ferm aktar. Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna fi żmienna nistgħu nelevaw ruħna ’l fuq minn dawk l-Iżraelin tal-qedem li b’karba qalu, “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet.”15 Tabilħaqq, jekk aħna finalment nitilfu t-tama, aħna nitilfu l-aħħar ħaġa li tista’ ssostnina. Kien sewwasew dwar l-istess kanċelli tal-infern li Dante kiteb twissija għal dawk kollha li jaqraw ix-xogħol tiegħu Kummiedja Divina: “Abbandunaw kull tama,” huwa qal, “intom li tidħlu hawn.”16 Verament meta t-tama tmut, li jkun baqa’ hu biss il-fjamma tal-infern taqbad b’qilla madwarna.
Għalhekk meta jkollna daharna mal-ħajt, kif tgħid l-għanja, “ħadd m’hemm min jgħinna u l-ebda faraġ,”17 fost aktar virtujiet indispensabbli li għandna nsibu dan id-don prezzjuż tat-tama marbut b’mod inseparabbli mal-fidi tagħna u l-karità tagħna lejn ħaddieħor.
F’din is-sena biċentinarja, meta nħarsu lura ħalli naraw dak kollu li ngħatajna u nifirħu li daqstant tamiet ġew fis-seħħ, jiena ntenni s-sentiment ta’ waħda oħt meraviljuża li rritornat lura mill-missjoni, u li ġewwa Johannesburg ftit xhur ilu qaltilna, “Aħna ma wasalniex sa hawn biex naslu biss sa hawn.”18
Biex nipparafraża waħda mill-aktar valeditorji li tispirana li qatt inkitbu fl-iskrittura, jiena ngħid flimkien mal-profeta Nefi u ma’ dik it-tfajla żagħżugħa:
“Għeżież ħuti, wara li intom irċevejtu dan l-ewwel frott tar-Restawrazzjoni, jiena nistaqsikom jekk hux biżżejjed? Araw, jien ngħidilkom, Le. …
“… Ħarsu ’l quddiem b’fidi ferma fi Kristu, b’dija qawwija ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. … Jekk tagħmlu dan[,] … jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”19
Jiena grat, ħuti, għal dak kollu li aħna ngħatajna f’din l-aħħar u l-akbar fost id-dispensazzjonijiet kollha, id-dispensazzjoni tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Ir-rigali u l-barkiet li jnixxu mill-evanġelju jfissru kollox għalija—kollox—għalhekk f’kull sforz biex nirringrazzja lil Missieri tas-Smewwiet għalihom, jiena għandi “wegħdiet xi nżomm, u mili x’nimxi qabel norqod, u mili x’nimxi qabel norqod.”20 Jalla aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem b’qalb mimlija mħabba, nimxu b’“dija ta’ tama”21 li ddawwal it-triq tal-antiċipazzjoni qaddisa li ilna mexjin fiha 200 sena. Jiena nixhed li l-ġejjieni se jkun wieħed mimli mirakli u mbierek b’mod abbundanti kif kien il-passat. Aħna għandna kull raġuni biex nittamaw għal barkiet saħansitra akbar minn dawk li diġà rċevejna, għaliex din hi l-ħidma ta’ Alla s-Setgħan, din hi l-Knisja tar-rivelazzjoni kontinwa, dan hu l-evanġelju tal-grazzja u l-benevolenza bla limitu ta’ Kristu. Jiena nixhed magħkom ilkoll dwar dawn il-veritajiet u aktar, f’isem Ġesù Kristu, amen.