Twettiq ta’ Profezija
Il- profeziji li ġew fis-seħħ permezz tar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huma ħafna.
Għeżież ħuti, jiena nħossni onorat li se nkellimkom f’din il-konferenza ġenerali storika li qed tfakkar l-Ewwel Viżjoni ta’ Joseph Smith li seħħet f’dak li hu, bla dubju, Masġar Sagru, fejn hemm huwa ra lil Alla l-Missier u lil Ibnu, Ġesù Kristu. Dik il-viżjoni kienet bidu meraviljuż għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju u dak kollu li seħħ wara, mill-Ktieb ta’ Mormon sar-ritorn tal-awtorità u l-imfietaħ tas-saċerdozju, l-organizzazzjoni tal-vera Knisja tal-Mulej, it-tempji ta’ Alla, u profeti u appostli li jmexxu l-ħidma f’dawn l-aħħar żminijiet.
Permezz ta’ pjan divin, numru ta’ profeti tal-qedem ta’ Alla, meta ġew immexxija mill-Ispirtu s-Santu, bassru dwar ir-Restawrazzjoni u x’kellu jseħħ fi żmienna, l-aħħar dispensazzjoni u l-milja taż-żminijiet. Din l-istess ħidma “ispirat ir-ruħ” tal-ewwel veġġenti.1 Tul il-ġenerazzjonijiet taż-żmien, huma ħabbru, ħolmu, raw, u bassru dwar il-futur tas-saltna ta’ Alla fid-dinja, li Isaija ddeskriva bħala “għeġubijiet mill-aktar kbar.”2
Il-profeziji li ġew fis-seħħ permezz tar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, fosthom Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, huma ħafna. Illum, madankollu, jiena se nsemmi biss uħud mill-favoriti tiegħi. Dawn jiena tgħallimthom mill-għalliema għeżież tiegħi tal-Primarja u fuq l-irkoppa tal-anġlu ommi.
Danjel, li mmansa lill-iljuni permezz tal-fidi tiegħu fil-Mulej Ġesù Kristu u permezz tal-interċessjoni tal-anġli li jimministraw ta’ Alla, kien wieħed li ra żmienna permezz ta’ viżjoni. Meta kien qed jinterpreta ħolma għas-Sultan Nabukodonosor tal-Babilonja, Danjel bassar li l-Knisja tal-Mulej kienet se tqum fl-aħħar żminijiet bħal ġebla li “mill-muntanja tinqata’ bla ma messha ħadd.”3 “Bla ma messha ħadd,” jiġifieri, permezz ta’ intervent divin, il-Knisja tal-Mulej se tkompli tikber fil-kobor tagħha sakemm timla l-art kollha, “li ma tinqered qatt … iżda tibqa’ wieqfa għal dejjem.”4
Hi xhieda mill-aktar profonda li l-kliem ta’ Danjel qed jiġi fis-seħħ hekk kif illum għadd kbir ta’ membri tal-Knisja, minn madwar id-dinja kollha, qed isegwu u jisimgħu l-konferenza.
L-Appostlu devot Pietru ddeskriva li se “iseħħ it-tiġdid kollu … li ssemma fl-imgħoddi.”5 L-Appostlu Pawlu kiteb li fil-milja taż-żminijiet, Alla “kollox se jiġbor … taħt ras waħda, li hu Kristu,”6 “fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka.”7 Jiena xtarrejt b’qawwa dawn il-profeziji meta kont qed nipparteċipa fid-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Ruma, fl-Italja. Il-profeti u l-appostli kollha kienu jinsabu hemmhekk jaqsmu t-testimonjanza tagħhom dwar Ġesù Kristu, il-Feddej tad-dinja, kif għamlu Pietru u Pawlu. Ħuti, il-Knisja hi eżempju ħaj ta’ dak it-tiġdid, u l-membri tagħna huma xhieda ta’ dawk il-profeziji divini li ġew imbassra żmien ilu.
Ġużeppi tal-Eġittu bassar li fl-aħħar żminijiet: “Il-Mulej Alla tiegħi se jqajjem veġġent, li se jkun veġġent magħżul ġej minn nisli.”8 “Għax hu se jwettaq il-ħidma tal-Mulej.”9 Joseph Smith, il-profeta tar-Restawrazzjoni, kien dak il-veġġent.
Ġwanni r-Rivelatur bassar dwar anġlu tas-Setgħan li se jġib flimkien elementi importanti tar-Restawrazzjoni permezz ta’ dan il-kliem: “Imbagħad rajt anġlu ieħor jittajjar fl-għoli tas-sema, bl-evanġelju ta’ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribù, lsien, u poplu.”10 Dak l-anġlu kien Moroni. Huwa ra żmienna kif hemm miktub fil-Ktieb ta’ Mormon. Permezz ta’ diversi dehriet, huwa ħejja lil Joseph Smith għall-ministeru tiegħu, inkluż it-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu.
Profeti oħra bassru wkoll dwar żmienna. Malakija tkellem dwar Elija jdawwar “il-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom.”11 Elija ġie, u b’riżultat ta’ dan, illum, għandna 168 tempju madwar id-dinja. Kull tempju jservi lil membri denji li jwettqu patti sagri u jirċievu ordinanzi mbierka għalihom infushom u għall-antenati mejtin tagħhom. Din il-ħidma sagra li ddeskriva Malakija hi “fil-qalba tal-pjan tal-Ħallieq għad-destin etern ta’ wliedu.”12
Aħna ngħixu f’dak iż-żmien imbassar; aħna n-nies li ġejna mogħtija r-responsabbiltà li nagħtu bidu għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu; aħna għandna niġbru lil ulied Alla, dawk li jisimgħu u jħaddnu l-veritajiet, il-patti, u l-wegħdiet tal-evanġelju ta’ dejjem. Il-President Nelson sejħilha “l-akbar sfida, l-akbar kawża, u l-akbar ħidma fid-dinja llum.”13 Jiena nixhed dwar dak il-miraklu.
Fuq ħidma assenjata lili mill-President Russell M. Nelson, fi Frar ta’ din is-sena, jiena ddedikajt it-Tempju ta’ Durban, fl-Afrika t’Isfel. Kien jum li nibqa’ niftakar ħajti kollha. Jiena kont ninsab ma’ membri li resqu lejn l-evanġelju kif Ġeremija bassar snin ilu—“wieħed minn belt u tnejn minn kull familja.”14 Id-duttrina ta’ Ġesù Kristu tgħaqqadna lkoll—madwar id-dinja—bħala wlied Alla, bħala aħwa fl-evanġelju. Irrispettivament kif nidhru jew nilbsu, aħna poplu wieħed b’Missier tas-Smewwiet li mill-bidu nett il-pjan tiegħu kien, u għadu, li l-membri tal-familja tiegħu jkunu magħqudin billi jagħmlu u jżommu l-patti sagri tat-tempju.
Meta fl-1834, il-Profeta Joseph kien qed ikellem grupp żgħir ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju ġewwa dar tal-iskola ġo Kirtland, f’Ohio, huwa bassar, “Hawn illejla qed taraw biss numru verament żgħir ta’ Saċerdozju, iżda din il-Knisja se timla l-Amerka ta’ Fuq u l-Amerka t’Isfel—se timla lid-dinja.”15
F’dawn l-aħħar snin jiena vjaġġajt madwar id-dinja biex niltaqa’ mal-membri tal-Knisja. Ħuti tal-Kworum tat-Tnax ġew mibgħuta wkoll fuq ħidmiet simili. Madankollu, min minna jista’ jlaħħaq mal-iskeda tal-profeta għażiż tagħna, il-President Nelson, li fl-ewwel sentejn tiegħu bħala President tal-Knisja vjaġġa biex jiltaqa’ mal-Qaddisin fi 32 pajjiż u territorju Amerikan differenti16 biex jixhed dwar Kristu l-ħaj.
Jiena niftakar meta kont żagħżugħ għadni kif irċevejt is-sejħa tiegħi għall-missjoni. Jien ridt inservi fil-Ġermanja, bħal missieri, ħija, u ħatni. Mingħajr ma qadt nistenna li jiġi xi ħadd id-dar, jiena mort b’ġirja sal-kaxxa tal-ittri u ftaħt is-sejħa tiegħi. Jiena qrajt li ġejt imsejjaħ biex inservi fil-Missjoni tal-Istati tal-Lvant li l-kwartieri ewlenin tagħha kienu jinsabu fil-Belt ta’ New York. Ħassejtni ddiżappuntat, għalhekk dħalt ġewwa u ftaħt l-iskrittura għall-faraġ. Jiena bdejt naqra fid-Duttrina u Patti: “U araw, jiena għandi bosta nies f’dan il-post, fir-reġjuni tal-madwar; u bieb mill-aktar effettiv se jinfetaħ fir-reġjuni madwar din l-art tal-lvant.”17 Dik il-profezija, mogħtija lill-Profeta Joseph Smith fl-1833, kienet rivelazzjoni għalija. Dak il-ħin sirt naf li jien ġejt imsejjaħ sewwasew fil-missjoni li fiha riedni nservi l-Mulej. Jiena għallimt ir-Restawrazzjoni u l-bidu drammatiku tagħha meta Missierna fis-Smewwiet kellem lil Joseph Smith u qallu, “Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”18
Ta’ sinifikat kbir għall-Knisja kollha hija l-profezija ta’ Isaija, mogħtija aktar minn 700 sena qabel it-twelid ta’ Ġesù Kristu: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ‘l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, … u lejha għad jiġru l-ġnus kollha.”19
F’moħħi llum, jiena nista’ nimmaġina miljuni ta’ membri u ħbieb tagħna magħqudin flimkien isegwu din ix-xandira b’mod elettroniku permezz tat-televiżjoni, l-internet, jew xi mezzi oħra. Aħna ninsabu bilqiegħda flimkien “‘l fuq mill-qċaċet tal-muntanji.”20 Kien Brigham Young li qal il-kliem profetiku “Dan huwa sewwasew il-post.”21 Il-Qaddisin, xi wħud minnhom l-antenati pijunieri tiegħi, ħadmu biex jistabbilixxu Sijon fil-Muntanji Rocky “permezz tar-rieda u għożża ta’ dak li jmexxi l-ġnus tal-art.”22
Illum ninsab wieqaf fuq art sagra li ġibdet lejha miljuni ta’ viżitaturi. Fl-2002, fil-Belt ta’ Salt Lake sar il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. Il-Kor tat-Tabernaklu kanta fiċ-ċerimonji tal-ftuħ, u l-Knisja preżentat numru ta’ kunċerti u programmi għal għadd ta’ mistednin u parteċipanti minn ħafna pajjiżi. Jien se nibqa’ niftakar dejjem id-dehra tat-tempju fuq l-isfond tax-xandiriet tal-aħbarijiet ta’ kull filgħaxija madwar id-dinja.
Tul is-snin, presidenti tal-Istati Uniti, slaten, imħallfin, prim ministri, ambaxxaturi, u uffiċjali minn bosta pajjiżi ġew fil-Belt ta’ Salt Lake u ltaqgħu mal-mexxejja tagħna. Il-President Nelson laqa’ fostna l-mexxejja tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Avvanz tan-Nies ta’ Kulur, organizzazzjoni fl-Istati Uniti b’impenn għad-drittijiet indaqs mingħajr diskriminazzjoni fuq bazi ta’ razza. Niftakarni wieqaf spalla ma’ spalla ma’ dawn il-ħbieb u mexxejja hekk kif il-President Nelson ingħaqad magħhom fejn huma għamlu sejħa għal ċivilità u armonija razzjali akbar fid-dinja.23
Ħafna oħrajn ġew fil-Pjazza tat-Tempju u ltaqgħu biex jiddiskutu mal-mexxejja tal-Knisja. Per eżempju, is-sena li għaddiet, biex insemmi wħud minnhom, aħna lqajna fostna t-68 Konferenza tas-Soċjetà Ċivili tal-Ġnus Magħquda, li hija laqgħa globali, u l-ewwel waħda tat-tip tagħha li saret barra l-Belt ta’ New York. Aħna ltqajna mal-Kumitat tal-Vjetnam għall-Affarijiet Reliġjużi, u ma’ ambaxxaturi minn Kuba, mill-Filippini, mill-Arġentina, mir-Rumanija, mis-Sudan, mill-Qatar, u mill-Għarbja Sawdita. Ilqajna fostna wkoll lis-segretarju ġenerali tal-Grupp Dinji Musulman.
Dak li jiena qed niddeskrivi huwa t-twettiq ta’ profezija ta’ Isaija li fl-aħħar żminijiet, ġnus sħaħ għad jiġru lejn “l-għolja tad-dar tal-Mulej.”24 It-Tempju meraviljuż ta’ Salt Lake jinsab wieqaf f’nofs dik il-maestà u glorja.
Mhuwiex il-pajsaġġ li ressaq fostna numru kbir ta’ nies, minkejja li hu wieħed mill-isbaħ; hija l-essenza ta’ reliġjon ġenwina li tidher fl-ispirtu, fit-tkabbir, fit-tjubija, u fil-ġenerożità tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u fin-nies tagħha; l-imħabba tagħna kif iħobb Alla; l-impenn tagħna lejn kawża ogħla, li Joseph Smith sejħilha , “il-kawża ta’ Kristu.”25
Aħna ma nafux meta s-Salvatur se jerġa’ jiġi, iżda dan nafu fi żgur. Jeħtieġ li aħna nitħejjew f’qalbna u f’moħħna, inkunu denji li nilqgħuh, u nkunu onorati li aħna parti minn dak kollu li ġie mbassar snin twal ilu.
Jiena nixhed li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta tal-Mulej fid-dinja, u fuq in-naħa tiegħu hemm Appostli msejħin minn Alla, li huma sostnuti bħala profeti, veġġenti, u rivelaturi. U għeżież ħuti, ir-Restawrazzjoni tkompli.
Se nagħlaq bil-profezija ta’ Joseph Smith, kliem li jien nixhed li huwa veru: “L-ebda id mhux qaddisa ma tista’ twaqqaf din il-ħidma milli tibqa’ miexja ’l quddiem; tafu tesperjenzaw il-persekuzzjoni, il-marmalja taf tingħaqad kontrikom, jafu jinġabru flimkien l-armati, il-kalunja taf tqasqas kontrikom, iżda l-verità ta’ Alla tibqa’ miexja ’l quddiem b’fermezza u b’mod nobbli u indipendenti, sakemm tippenetra kull kontinent, iżżur kull klima, tgħaddi minn fuq kull pajjiż, u tinstama’ f’kull widna, sakemm l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u Jaħweh l-Kbir jgħid il-ħidma ġiet fis-seħħ.”26 Jiena nixhed li dawn il-profeziji ta’ Joseph Smith qegħdin jiġu fis-seħħ.
Iwegħidkom li hekk kif timxu wara l-parir ispirat tal-profeta għażiż tagħna, il-President Russell M. Nelson, tal-Appostli, il-kunsilliera tiegħu, u ta’ mexxejja oħra tal-Knisja, u hekk kif intom tagħtu widen għall-profeti tal-qedem li ħabbru dwar żmienna, intom timtlew, f’qalbkom u f’ruħkom, bl-ispirtu u l-ħidma tar-Restawrazzjoni. Inwegħidkom li intom taraw id Alla f’ħajjitkom, tisimgħu s-suġġerimenti tiegħu, u tħossu mħabbtu. F’isem Ġesù Kristu, bi gratitudni għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju tiegħu u tal-Knisja tiegħu, b’evidenza tal-imħabba inkomparabbli tiegħu, amen.