Konferenza Ġenerali
Il-Qawwa ta’ Ġesù Krtistu f’Ħajjitna Kull Jum
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Il-Qawwa ta’ Ġesù Krtistu f’Ħajjitna Kull Jum

Is-sors tal-forza tagħna hija l-fidi f’Ġesù Kristu hekk kif infittxu b’intenzjoni li mmorru għandu f’kull ġurnata li tgħaddi.

Għeżież ħuti, din hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. X’hena kbir li ninsabu miġburin bħala l-Knisja Tiegħu. Jiena grat li l-President Russell M. Nelson fakkarna li għandna nużaw ta’ spiss l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej sabiex niftakru ta’ min hi din il-Knisja u ta’ min huwa t-tagħlim li aħna nimxu warajh.

Il-President Nelson iddikjara: “Fil-jiem li ġejjin, se naraw l-akbar manifestazzjoni tal-qawwa tas-Salvatur li d-dinja qatt rat. … Huwa se jsawwab privileġġi bla għadd, barkiet, u mirakli fuq dawk li għandhom il-fidi.”1

Wieħed mill-ikbar privileġġi u opportunitajiet għalija u għal marti, Renee, hija li niltaqgħu mal-Qaddisin fejn inservu. Nisimgħu l-istejjer tagħhom, inkunu xhieda tat-telfiet tagħhom, naqsmu magħhom in-niket, u nifirħu bis-suċċessi tagħhom. Aħna konna xhieda ta’ bosta barkiet u mirakli li s-Salvatur sawwab fuq dawk li għandhom il-fidi. Iltqajna ma’ nies li ġarrbu l-impossibbli, li sofrew dak li bilkemm nistgħu nimmaġinaw.

Il-President José Batalla u martu, Sister Valeria Batalla.
Flavia Cruzado u missierha.

Aħna rajna l-manifestazzjoni tal-qawwa tas-Salvatur f’armla li tilfet lil żewġha waqt li kienu fuq biċċa xogħol tal-Mulej ġewwa l-Bolivja.2 Rajnieha f’mara żagħżugħa l-Arġentina li ġiet imbuttata għal taħt ferrovija u tilfet sieqha, dan kollu għax xi ħadd ried jisraqilha t-telefown ċellolari.3 U f’missierha ġuvni, li issa jrid jara kif isib tarf tas-sitwazzjoni u jsaħħaħ lil bintu wara għemil ta’ kefrija inspjegabbli bħal dak. Rajnieha fil-famlji li tilfu darhom u dak kollu li kellhom matul in-nirien fiċ-Ċile jumejn biss qabel il-Milied tal-2022.4 Rajnieha f’dawk li sofrew wara divorzju trawmatiku u f’dawk li huma vittmi innoċenti ta’ abbuż.

Nirien fiċ-Ċile

X’inhi dik il-ħaġa li tagħtihom il-qawwa biex jissorpassaw sitwazzjonijiet ebsin? X’inhi dik il-ħaġa li tagħtihom dik il-ftit forza żejda biex jibqgħu għaddejjin meta kollox ikun donnu mitluf?

Jien skoprejt li s-sors ta’ dik il-forza hija l-fidi f’Ġesù Kristu hekk kif infittxu li mmorru għandu kull ġurnata li tgħaddi.

Il-profeta Ġakobb għallem, “U hu jiġi fid‑dinja biex isalva lill‑bnedmin kollha jekk huma jisimgħu minn kliemu; għax araw, huwa bata l‑uġigħ tal‑bnedmin kollha, iva, l‑uġigħ tal‑kreaturi ħajjin kollha, kemm l‑irġiel, kemm in‑nisa, kif ukoll it‑tfal li jappartjenu lill‑familja ta’ Adam.”5

Xi drabi, li jkollok il-fidi f’Ġesù Kristu tista’ tidher xi ħaġa impossibbli, li kważi ma tintleħaqx. Jaf naħsbu li li mmorru għand Kristu tirrikjedi l-forza, qawwa, u perfezzjoni li m’għandniex, u sempliċiment ma nistgħu qatt insibu l-enerġija biex naslu għaliha. Iżda dak li tgħallimt minn dawn in-nies kollha huwa li l-fidi f’Ġesù Kristu hija dak il-ħaġa li tagħtina l-enerġija biex nibdew il-vjaġġ. Xi drabi nafu naħsbu, “Jeħtieġli nsewwi ħajti qabel ma mmur għand Ġesù,” iżda l-verità hija li aħna mmorru għand Ġesù biex insewwu ħajjitna permezz tiegħu.

Ma mmorrux għand Ġesù għax aħna perfetti. Aħna mmorru għandu għaliex aħna difettużi u fih niġi “ipperfezzjonati.”6

Kif nibdew neżerċitaw daqsxejn fidi ta’ kuljum? Fil-każ tiegħi kollox jibda filgħodu: meta nqum filgħodu, minflok inħares lejn il-mowbajl tiegħi, jien ngħid talba. Daqsxejn ta’ talba sempliċi. Imbagħad naqra l-iskrittura. Dan jgħinni fil-patt ta’ kull ġimgħa li nagħmel hekk kif nieħu sehem fis-sagrament sabiex “dejjem niftakar fih.”7 Meta nibda l-ġurnata tiegħi b’talba u bl-iskrittura, jien nista’ “niftakar fih” meta fl-aħħar inħares lejn il-mowbajl tiegħi. Nista’ “niftakar fih” meta niffaċċja problemi u konflitti, u nipprova niffaċċjahom kif kieku jiffaċċjahom Ġesù.

Meta jien “niftakar fih,” inħoss xewqa li ninbidel, li nindem. Jien isib is-sors ta’ enerġija li nżomm il-patti tiegħi, u nħoss l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu f’ħajti “u nħares il-kmandamenti tiegħu li huwa ta[ni]; sabiex [jien] nista’ dejjem ikolli l-Ispirtu tiegħu.”8 Dan jgħinni biex nibqa’ sod sat-tmiem.9 Jew għallinqas sa tmiem il-ġurnata! U f’dawk il-ġranet li nonqos milli niftakar fih il-jum kollu, hu xorta waħda jkun hemm, iħobbni u jgħidli “Kollox sew; tista’ terġa’ tipprova għada.”

Għalkemm aħna imperfetti biex niftakruh, il-Missier fis-Smewwiet kollu mħabba tagħna qatt ma jonqos milli jiftakar fina.

Wieħed mill-iżbalji li spiss nagħmlu huwa li naħsbu li li nżommu l-patti, jew il-wegħdiet li nagħmlu ma’ Alla, huwa meqjus bħala tranżizzjoni li nagħmlu miegħu: jien nobdi, u hu jipproteġini minn kull ħażen li jista’ jiġrili. Jien inħallas id-dieċmi tiegħi, u qatt mhu se nitlef l-impjieg tiegħi jew inkella n-nirien mhumiex se jeqerduli lil dari. Iżda meta l-affarjiet ma jmorrux kif mistenni, aħna b’vuċi għolja nsejħu lil Alla, “Qisu mhu xejn għalik li jien se nintilef?”10

Il-patti tagħna mhumiex biss tranżazzjonali; huma trasformazzjonali.11 Permezz tal-patti tiegħi jien nirċievi qawwa ta’ Ġesù Kristu, li tqaddes u ssaħħaħ, li tippermettili nsir persuna aħjar, li naħfer dak li għall-ewwel jidher ma jinħafirx, li negħleb l-impossibbli. Li niftakar f’Ġesù Kristu dejjem tagħtini l-qawwa; tagħtini forza miżjuda biex “inħares il-kmandamenti tiegħu li huwa ta[ni].”12 Tgħinni biex inkun persuna iktar mill-aħajr, biex nitbissem bla ebda raġuni, li nfittex li nġib il-paċi,13 biex nevita l-kunflitt, li nħalli lil Alla jiddomina f’ħajti.14

Meta l-uġigħ tagħna jew l-uġigħ ta’ xi ħadd li nħobbu huwa tant kbir li ma nistgħux nifilħu iktar, li niftakru f’Ġesù Kristu u mmorru għandu jista’ jħaffef il-piż, irattab il-qalb, u jtaffi l-uġigħ. Din hi l-qawwa li ppermettiet lil wieħed missier jisboq il-ħila naturali tiegħu biex isostni lil bintu mill-uġigħ fiżiku u emozzjonali li sofriet meta tilfet sieqha.

Flavia Cruzado mal-Presbiteru Ulisses Soares.

Meta l-Presbiteru Soares żar l-Arġentina Ġunju li għadda u staqsa lil Flavia dwar l-aċċident traġiku tagħha, kollha fidi wieġbet, “Esperjenzajt il-konfużjoni, l-imrar, l-għadab, u l-mibegħda meta [ġara dak li ġara]. Xi ħaġa li għenitni kienet li ma nsaqsix, ‘għala jien?’ imma ‘għala ġrali hekk?’ … Din kienet ħaġa li resqitni aktar viċin l-oħrajn u viċin il-Mulej. … Minfok tbegħidt minnu, jien kelli niggranfa miegħu.”15

Il-President Nelson għallem: “Il-premju talli nħarsu l-patti ma’ Alla huwa qawwa divina—qawwa li ssaħħaħna sabiex inkunu nistgħu nikkumbattu aħjar l-isfidi, it-tiġrib, u l-uġigħ il-qalb tagħna. … B’hekk, dawk li jħarsu l-patti huma intitolati għal mistrieħ.”16 Dan x-xorta ta’ paċi u mistrieħ li rajt f’għajnejn l-armla, minkejja l-uġigħ ta’ qalb li kellha ta’ kuljum fin-nuqqas ta’ żewġha.

Maltempata fuq il-Baħar tal-Galilija.

It-Testment il-Ġdid ikellmna dwar żmien meta Ġesù d-dixxipli tiegħu kienu fuq dgħajsa.

“U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. …

“Hu kien … rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu, Mgħallem, dan qisu m’hu xejn għalik li aħna se nintilfu?

“Mbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar, Iskot! …

“U qalilhom, Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”17

Minn dejjem kont intrigat b’din l-istorja. Il-Mulej kien qed jistenna minnhom li jużaw il-fidi tagħhom biex jikkalmaw it-tempesta? Biex isikktu l-irwiefen? Il-fidi f’Ġesù Kristu huwa s-sentiment ta’ paċi biex nifilħu għall-maltemp, għax nafu li m’aħniex se nintilfu peress li Hu jinsab fid-dgħajsa magħna.

Din hija t-tip ta’ fidi li rajna meta żorna l-familji wara n-nirien fiċ-Ċile. Id-djar kienu nqerdu min-nirien; kienu tilfu kull ma kellhom. U madanakollu hekk kif konna mexjin f’dak li darba kienet darhom u kienu qed jgħidulna dwar l-esperjenzi tagħhom, ħassejna li konna weqfin f’art sagra. Waħda oħt qalet lil marti, “Meta rajt id-djar ta’ qrib ħuġġieġa waħda, kelli l-impressjoni li darna kienet se tinħaraq, li aħna konna se nitilfu kollox. Minflok disprament, esperjenzajt sens ta’ paċi indiskrevibbli. B’xi mod ħassejt li kollox kien se jgħaddi b’wiċċ il-ġid.” Li nafdaw f’Alla u li nħarsu l-patti tagħna miegħu jġib il-qawwa lid-dgħufijiet tagħna u faraġ lin-niket tagħna.

Jien grat għall-opportunità li Renee u jien kellna li niltaqgħu ma’ dawn il-Qaddisin straordinarji, għal bosta eżempji mingħandhom ta’ fidi, qawwa, u perseveranza. Għal stejjer ta’ qsim ta’ qalb u diżappunt li aktarx qatt ma huma se jidhru fuq il-faċċatta tal-gazzetta jew isiru virali. Għar-ritratti li qatt ma jittieħdu ta’ dmugħ u talb offruti wara xi telfa jew xi divorzju trawmatiku, u għal posts li qatt ma jittellgħu dwar il-biża’, in-niket, u l-uġigħ li jsir sapportabbli grazzi għall-fidi f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu. Dawn in-nies iqawwu l-fidi tiegħi, u ta’ dan jien tassew grat.

Jien naf li din hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Jien naf li hu jinsab lest li jsawwabna bil-qawwa tiegħu, jekk immorru għandu kull ġurnata. F’isem Ġesù Kristu, ammen.