Konferenza Ġenerali
Id-Dieċmi: Niftaħ it-Twieqi tas-Sema
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Id-Dieċmi: Niftaħ it-Twieqi tas-Sema

It-twieqi tas-sema jinfetħu b’diversi modi. Afdaw fl-orarju tal-Mulej; il-barkiet dejjem jaslu.

Waqt li kont ninsab fl-Amerika t’Isfel, Brother Roger Parra mill-Veneżwela qasam miegħi din l-esperjenza:

“Fl-2019 il-Veneżwela inħakmet minn problemi kbar li wasslu biex għamilna ħamest ijiem bla dawl.

“Fit-toroq kienet tirrenja d-diżordni u l-anarkija, u bosta nies iddisprati ma kellhomx biżżejjed x’jieklu.

“Xi wħud bdew jisirqu mill-ħwienet tal-ikel, u bdew jeqirdu kulma jiġi quddiemhom.

“Bħala sid ta’ forn żgħir, kont qed ninkwieta ħafna għall-ħanut tiegħi. Bħala familja, iddeċidejna li nagħtu l-ikel kollu li kien hemm fil-forn tagħna lin-nies fil-bżonn.

“Lejl minnhom mill-aktar mudlam qamu irvellijiet ma’ kullimkien. L-uniku nkwiet li kelli kien is-sigurtà tal-għażiża marti u l-għeżież uliedi.

“L-għada filgħodu mort fil-ħanut tal-forn. Kull negozju tal-ikel li kien hemm qrib tiegħi kien ġie meqrud minn dawk li bdew jissakkeġġjaw, iżda b’għaġeb kbir għalija, il-forn tagħna baqa’ intatt. Ma kienu qerdu xejn minnu. B’umiltà jiena rringrazzjajt lil Missieri fis-Smewwiet.

“Meta wasalt id-dar, jiena għedt lill-membri tal-familja tiegħi bil-barka u l-protezzjoni ta’ Alla.

“Ilkoll kienu grati ferm.

“Ibni l-kbir, Rogelio, li kellu biss 12-il sena, qal, ‘Papà! Jiena naf għalfejn il-ħanut tagħna ġie protett. Inti u l-Mamà dejjem tħallsu d-dieċmi tagħkom.’”

Brother Parra temm jgħid: “Feġġ f’moħħi kliem Malakija. ‘Minħabba fikom inċanfar il-ġrad wikkiel biex ma jeqridilkomx il-frott tal-art’ [Malakija 3:11]. Aħna nżilna għarkupptejna u bi gratitudni rringrazzjajna lil Missierna fis-Smewwiet għall-miraklu tiegħu.”1

Il-familja Parra.

Ejjew Ġarrbuni

Dak kollu li għandna u dak kollu li aħna ġej minn Alla. Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna minn rajna naqsmu li għandna ma’ dawk ta’ madwarna.

Minn dak kollu li tana l-Mulej, Huwa talabna lura biex nagħtu lilu u lis-saltna tiegħu 10 fil-mija tal-qliegħ tagħna. Huwa wiegħed li hekk kif aħna nkunu onesti fid-dieċmi tagħna, Huwa “jiftaħ … it-twieqi tas-sema, u jsawwab fuqna … barka, bl-abbundanza.”2 Huwa wiegħed li sejjer jipproteġina mill-ħażen.3 Dawn il-wegħdiet tant huma ċerti,4 li l-Mulej iddikjara, “Ejjew ġarrbuni,”5 frażi li ma nsibuha fl-ebda post ieħor fl-iskrittura, għajr meta nikkwotaw lil Malakija.

It-twieqi tas-sema jinfetħu b’diversi modi. Xi wħud huma temporali, iżda ħafna huma spiritwali. Xi wħud huma sottili u faċli ma tindunax bihom. Afdaw fl-orarju tal-Mulej; il-barkiet dejjem jaslu.

Aħna nitnikktu ma’ dawk li qed isibuha diffiċli biex ikollhom il-bżonnijiet tal-ħajja. M’ilux il-Knisja tat 54 miljun dollaru Amerikan biex tipprovdi s-solliev lil tfal u ommijiet vulnerabbli madwar id-dinja.6 U bl-għajnuna tal-offerti mis-sawm tagħkom ta’ kull xahar, l-isqfijiet twajbin tagħna jgħinu eluf ta’ nies kull ġimgħa li b’mod temporali jeħtieġu l-ikel fuq il-mejda tagħhom, l-ilbies fuq daharhom, u saqaf fuq rashom. L-unika soluzzjoni permanenti għall-faqar ta’ din id-dinja huwa l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.7

Kwistjoni ta’ Fidi

L-Appostlu Pawlu wissiena li l-għerf tal-bnedmin jifhem il-ħwejjeġ tal-bnedmin iżda jsibha diffiċli jifhem il-ħwejjeġ ta’ Alla.8 Id-dinja titkellem dwar id-dieċmi f’termini ta’ flusna, iżda l-liġi sagra tad-dieċmi hija primarjament kwistjoni li tirrigwarda l-fidi tagħna. Li nkunu onesti fid-dieċmi tagħna huwa mod kif aħna nuru r-rieda tagħna li npoġġu l-ewwel lill-Mulej f’ħajjitna, qabel il-problemi u l-interessi tagħna. Inwegħidkom li hekk kif tafdaw fil-Mulej, wara intom tesperjenzaw il-barkiet tas-smewwiet.

Ġesù qal “agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”9 Il-Mulej imqajjem mill-imwiet talab lin-Nefiti biex jiktbu fl-annali tagħhom il-wegħdiet tiegħu li nsibu f’Malakija.10 Fi żmienna, il-Mulej ikkonferma mill-ġdid il-liġi divina tad-dieċmi, filwaqt li ddikjara: “Dan għandu jkun il-bidu tad-dieċmi tal-poplu tiegħi. U huma għandhom iħallsu għaxra fil-mija tal-interessi tagħhom ta’ kull sena; u din għandha tkun liġi li tibqa’ għal dejjem.”11

Il-Mulej uriena b’mod ċar kif għandha taħdem id-dieċmi, fejn qal “Ġibuhom sħaħ id-dieċmi fit-teżor,”12 jiġifieri li għandna nġibu d-dieċmi fis-saltna rrestawrata tiegħu, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.13 Huwa talab biex l-użu ta’ dawn id-dieċmi sagri għandhom jiġu jikkunsidrati bl-għajnuna tat-talb minn kunsill magħmul mill-Ewwel Presidenza, mill-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, mill-Veskovat li Jippresedi, “u permezz tal-istess leħen tiegħi lilhom, jgħid il-Mulej.”14

Il-Fondi Sagri tal-Mulej

Dawn il-fondi sagri mhumiex tal-mexxejja tal-Knisja. Huma tal-Mulej. Il-qaddejja tiegħu huma mill-aktar konxji tan-natura sagra tal-amministrazzjoni tiegħu.

Il-President Gordon B. Hinckley irrakkonta din l-esperjenza minn tfulitu: “Meta kont għadni tifel għamilt mistoqsija lil missieri … dwar l-infiq tal-fondi tal-Knisja. Huwa fakkarni li l-obbligu tiegħi, mogħti lili minn Alla, kien li nħallas id-dieċmi u l-offerti. Meta nagħmel dan, [missieri qal,] li dak li jien nagħti ma jibqax aktar tiegħi. Isir tal-Mulej li lilu jien nikkonsagrah.” Missieru kompla jgħid: “Dak li jagħmlu bih l-awtoritajiet tal-Knisja mhux biċċa [tiegħek, Gordon]. Huma jridu jagħtu rendikont lill-Mulej, li jitlob minnhom li jiġġustifikaw għemilhom.”15

Aħna verament inħossu l-piż li rridu “nagħtu rendikont lill-Mulej.”

Id-Dieċmi u l-Offerti Ġenerużi Tagħkom

Mid-dieċmi u l-offerti ġenerużi li intom ikkonsagrajtu lill-Mulej, is-sena l-oħra aktar minn biljun dollaru Amerikan intużaw biex jiġu mbierka dawk li huma fil-bżonn.16

Bħala parti mir-responsabbiltà tant kbira li nieħdu l-evanġelju rrestawrat madwar id-dinja, aħna għandna ’l fuq minn 71,000 missjunarju iservu f’414-il missjoni.17 Grazzi għad-dieċmi u l-offerti tagħkom, il-missjunarji, irrispettivament x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tagħhom, għandhom iċ-ċans li jservu.

Madwar id-dinja qed jinbnew tempji b’rata li qatt ma rajna qabel. Bħalissa, hawn joperaw 177 tempju, hawn 59 li bħalissa jinsabu taħt kostruzzjoni jew rinnovazzjoni, u 79 oħra fi stadju ta’ pjanar u disinn.18 Id-dieċmi tagħkom qed jippermettu li l-barkiet tat-tempju jiġu fis-seħħ f’postijiet li l-Mulej biss jista’ jbassar.

Hawn aktar minn 30,000 kongregazzjoni li tattendi f’eluf ta’ kappelli u faċilitajiet oħra f’195 pajjiż u territorju.19 Grazzi għad-dieċmi tagħkom frott tal-fedeltà tagħkom, il-Knisja qed tiġi mwaqqfa f’postijiet imbiegħda li forsi qatt m’intom se żżuru fost Qaddisin twajba li forsi qatt mhu se ssiru tafuhom.

Bħalissa l-Knisja qed tisponsorja ħames istituzzjonijiet ta’ tagħlim ogħla.20 Huma jservu ’l fuq minn 145,000 student. Bħalissa kull ġimgħa qed jiġu mgħallma mija u għaxart elef klassi fis-seminarji u Istituti tagħna.21

Dawn il-barkiet u tant oħrajn jaslu fil-parti l-kbira minn żgħażagħ u anzjani ta’ kull ċirkustanza ekonomika li jħallsu dieċma onesta.

Il-qawwa spiritwali tal-liġi divina tad-dieċmi ma nkejluhiex mill-ammont ta’ flus li jingħataw, għax kemm dawk li għandhom ħafna ġid kif ukoll il-foqra huma ordnati mill-Mulej biex jikkontribwixxu 10 fil-mija tad-dħul tagħhom.22 Il-qawwa niksbuha meta aħna nafadw fil-Mulej.23

Il-bqija tal-abbundanza tal-Mulej li hi riżultat tad-dieċmi ġenerużi tagħkom saħħet ir-riservi tal-Knisja, u tipprovdi opportunitajiet biex imexxu ’l quddiem il-ħidma tal-Mulej lil hinn minn kull ħaġa li esperjenzajna s’issa. Kollox hu magħruf għall-Mulej, u fil-ħin opportun, għad naraw l-għanijiet sagri tiegħu jiġu fis-seħħ.24

Il-Barkiet Niksbuhom b’Diversi Modi

Il-barkiet tad-dieċmi nirċevuhom b’diversi modi. Fl-1998, jien mort nakkumpanja lil dak li dak iż-żmien kien il-Presbiteru Henry B. Eyring f’laqgħa kbira tal-Knisja fir-reġjun f’Utah li issa hu magħruf bħala Silicon Slopes, komunità ta’ innovazzjoni kbira fit-teknoloġija. Kien żmien ta’ prosperità dejjem tikber, u l-Presbiteru Eyring wissa lill-Qaddisin biex ma joqogħdux iqabblu dak li għandhom ma’ dak li għandu ħaddieħor u jixtiequ li jkollhom aktar. Il-wegħda tiegħu ma ninsieha qatt, li hekk kif huma jħallsu dieċma onesta, ix-xewqa tagħhom li jkollhom aktar ġid materjali tonqos. Fi żmien sentejn, il-bużżieqa tat-teknoloġija nfaqgħet. Intilfu bosta impjiegi, u l-kumpaniji bdew isibuha diffiċli f’dan iż-żmien ta’ tibdil finanzjarju. Dawk li mxew wara l-parir tal-Presbiteru Eyring kienu mberkin.

Il-wegħda tiegħu fakkritni f’esperjenza oħra. Jiena ltqajt ma’ Charlotte Hlimi, li kellha 12-il sena, ħdejn Carcassonne, fi Franza, fl-1990, meta kont qed inservi bħala president tal-missjoni. Il-koppja Hlimi kienu nies fidili li kienu jgħixu f’appartament flimkien ma’ tmint itfal. Mal-ħajt kellhom stampa tas-Salvatur u tal-profeta. Waqt l-intervista għall-barka patrijarkali tagħha, jien staqsejt lil Charlotte jekk kenitx ħallset dieċma onesta. Hija wieġbet, “Iva, President Andersen. Ommi għallmitni li jekk inħallsu d-dieċmi tagħna aħna nistgħu niksbu barkiet kemm temporali kif ukoll spiritwali. Ommi għallmitni li jekk aħna nħallsu dejjem id-dieċmi tagħna, ma jkun jonqosna xejn. U President Andersen, aħna ma jonqosna xejn.”

Il-familja Hlimi.

Hekk kif tatni permess biex naqsam l-istorja tagħha, Charlotte, li issa għandha 45 sena u ġiet issiġillata fit-tempju, qalet: “Dak iż-żmien it-testimonjanza tiegħi tad-dieċmi kienet mill-aktar reali, u llum hija aktar b’saħħitha. Jiena mill-aktar grat għal dan il-kmandament. Hekk kif inkompli ngħixu jien inkompli niġi mbierka b’mod aktar abbundanti.”25

Xi darba, aħna lkoll se ntemmu l-vjaġġ tagħna fid-dinja. Ħamsa u għoxrin sena ilu, ftit jiem biss qabel mal-kunjata tiegħi, Martha Williams, mietet bil-kanċer, hija rċeviet ċekk żgħir bil-posta. Hija minnufih talbet lil marti Kathy biex tagħtiha l-ktieb taċ-ċekkijiet biex tħallsa id-dieċmi tagħha. Peress li ommha kienet dgħajfa wisq li bilkemm kienet tiflaħ tikteb, Kathy staqsietha jekk reditx li tiktbilha ċ-ċekk. Ommha wieġbet, “Le Kathy. Irrid niktbu jiena stess.” U mbagħad b’leħen sieket kompliet, “Irrid inkun denja quddiem il-Mulej.” Waħda mill-aħħar ħwejjeġ li Kathy għamlet għal ommha kienet li ħaditilha l-envelop bid-dieċmi tagħha għand l-isqof tagħha.

Il-Ħidma Importanti ta’ Alla

Ħuti, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tinsab “’l barra mill-oskurità,”26 u qed twassal barkiet meraviljużi lin-nies madwar id-dinja. Se jkun hemm min jieħu gost li ninsabu mexjin ’il quddiem u se jkun hemm min le. Ġie f’moħħi l-kliem tal-għaref Gamaljel, li, meta sema’ bil-mirakli ta l-Appostli Pietru u Ġwanni, widdeb lill-membri tal-kunsill f’Ġerusalemm:

“Ħallukom minn dawn in-nies u itilquhom: għax jekk … ħidma tagħhom ġejja mill-bnedmin, għad tisfa fix-xejn:

“Iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom … ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla.”27

Jien u intom parti mill-ħidma importanti ta’ Alla fid-dinja. Hija mhux se tisfa fix-xejn iżda se tkompli miexja ’l quddiem madwar id-dinja, tħejji t-triq għar-ritorn tas-Salvatur. Nixhed għal dak li qal il-President Russell M. Nelson: “Fil-jiem li ġejjin, se naraw l-akbar manifestazzjoni tal-qawwa tas-Salvatur li d-dinja qatt rat. Bejn issa u ż-żmien li fih Huwa jerġa’ lura … Huwa se jsawwab numru bla għadd ta’ privileġġi, barkiet, u mirakli fuq il-fidilil.”28

Din hi x-xhieda tiegħi. Ġesù hu l-Kristu. Din hi l-ħidma qaddisa tiegħu. Huwa se jerġa’ jiġi. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Korrispondenza personali minn Roger Parra, 4 ta’ Aww., 2023.

  2. Malakija 3:10.

  3. Ara Malakija 3:11. Il-Presbiteru Elder Jeffrey R. Holland qal: “F’ħajti, per eżempju, jiena rajt il-wegħda ta’ Alla tiġi fis-seħħ li Huwa ‘minħabba fija inċanfar il-ġrad wikkiel’ [Malakija 3:11]. Dik il-barka ta’ protezzjoni kontra l-ħażen ġiet imsawba fuqi u fuq l-għeżież tiegħi aktar milli jiena kapaċi nagħraf. Iżda jiena nemmen li dik is-sigurtà divina ksibnieha, tal-anqas parti minnha, minħabba d-determinazzjoni tagħna, b’mod individwali u bħala familja, li nħallsu d-dieċmi” (“Like a Watered Garden,” Liahona, Jan. 2002, 38).

  4. “Il-Mulej jiftaħ it-twieqi tas-sema skont il-ħtieġa tagħna, u mhux skont ir-regħba tagħna. Jekk aħna nħallsu d-dieċmi biex insiru sinjuri, inkunu qed nagħmlu dan għar-raġuni żbaljata. … Il-barka ta’ min jagħti … taf mhux dejjem tkun fil-forma ta’ xi benefiċċju finanzjarju jew materjali” (Teachings of Gordon B. Hinckley [1997], 657).

  5. Malakija 3:10; 3 Nefi 24:10.

  6. Ara “The Church of Jesus Christ Is Helping Alleviate Global Malnutrition,” 11 ta’ Aww. 11, 2023, newsroom.ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll “How the Church of Jesus Christ and UNICEF Are Keeping Mothers and Children Healthy and Safe,” 17 ta’ Aww., 2023, newsroom.ChurchofJesusChrist.org.

  7. “U l-Mulej sejjaħ lill-poplu tiegħu Sijon, għaliex huma kienu ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, u għammru flimkien fi tjubija; u fosthom ma kienx hemm foqra” (Moses 7:18).

  8. Ara 1 Korintin 2:14. Il-loġika tal-bniedem taf mhux dejjem tallinja ruħha mal-għerf ta’ Alla. Fi żmien Malakija, ħafna kienu li tbiegħdu mill-Mulej. Il-Mulej talab b’ħerqa lin-nies tiegħu tal-patt, “Erġgħu lura lejja, u jien nerġa’ lura lejkom.” Dak li jsegwi din l-istedina ħelwa hija mistoqsija mill-aktar importanti li għamel lil kull wieħed u waħda minna: “Imma intom tgħidu, Fuqiex nerġgħu lura?” (Malakija 3:7). Jew fi kliem ieħor, “X’jeħtieġ li nibdel? Kif nista’ nersaq aktar qrib tiegħek?” Il-Mulej iwieġeb billi jgħallimna dwar l-importanza tad-dieċmi mhux sempliċiment bħala xi liġi finanzjarja, iżda b’mod tanġibbli biex indawru x-xewqat ta’ qalbna lejh.

    Aħna stajna nosservaw dan fil-familja tagħna Omm Kathy ingħaqdet mal-Knisja meta kellha 22 sena. Martha u Bernard Williams għamlu żmien jattendu l-knisja, iżda wara li marru joqogħdufi stat ieħor huma ma tantx baqgħu attivi. Bernard, li kien fil-militar, intbagħat biex iservi barra mill-pajjiż, u Martha marret toqgħod Tampa, ġo Florida, fejn aċċettat l-istedina ġeneruża li tmur tgħix maz-zija u z-ziju tagħha li kienu kontra l-Knisja. Waqt li kienet qed tgħix f’ċirkustanzi mill-aktar umli, u kienet qed tistenna l-ewwel tarbija tagħha u ma kenitx qed tattendi l-knisja, Martha Williams iddeċidiet li tibda tibgħat iċ-ċekk bid-dieċmi tagħha lill-isqof. Aktar tard f’ħajjitha, meta staqsejnieha għalfejn, hija qalet li kienet ftakret f’xi ħaġa li kienu għallmuha l-missjunarji dwar id-dieċmi u l-barkiet ta’ Alla: “Aħna verament konna neħtieġu l-barkiet ta’ Alla f’ħajjitna, għalhekk jiena bdejt nibgħat iċ-ċekk bid-dieċmi tiegħi lill-isqof.” Martha u Bernard Williams reġgħu lura fil-Knisja. L-akbar barka tagħhom—sitt ġenerazzjonijiet ġew imberkin minħabba d-deċiżjoni tagħha li tħallas id-dieċmi tagħha meta kulma kellha kienet biss il-fidi tagħha f’Alla u tama fil-wegħdiet tiegħu.

  9. Mattew 22:21.

  10. Ara 3 Nefi 24.

  11. Doctrine and Covenants 119:3–4. “Id-dieċmi hija l-għotja ta’ għaxra fil-mija tad-dħul ta’ dak li jkun lill-Knisja ta’ Alla (ara Doctrine and Covenants 119:3–4; interessi nifhmu biha d-dħul). Il-membri kollha li għandhom xi dħul għandhom iħallsu d-dieċmi” (General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 34.3.1, Gospel Library).

  12. Malakija 3:10.

  13. “Aħna nħallsu d-dieċmi, kif għallem is-Salvatur, billi nġibu d-dieċmi ‘fit-teżor’ [Malakija 3:10; 3 Nefi 24:10]. Aħna nagħmlu dan billi nħallsu d-dieċmi tagħna lill-isqof jew lill-president tal-fergħa. Aħna ma nħallsux id-dieċmi billi nikkontribwixxu għall-karitajiet favoriti tagħna. Il-kontribuzzjonijiet li għandna nagħmlu lill-karitajiet għandhom jiġu mill-fondi tagħna, mhux mid-dieċmi li aħna ordnati nħallsu għat-teżor tal-Mulej” (Dallin H. Oaks, “Tithing,” Ensign, Mejju 1994, 35).

  14. Doctrine and Covenants 120:1.

  15. Gordon B. Hinckley, “Rise to a Larger Vision of the Work,” Ensign, Mejju 1990, 96.

  16. See “The 2022 Report on How the Church of Jesus Christ Cared for Those in Need,” Mar. 22, 2023, newsroom.ChurchofJesusChrist.org.

  17. Waslet permezz ta’ imejl mid-Dipartiment Missjunarju, 14 ta’ Sett., 2023.

  18. Ara “Temple List,” ChurchofJesusChrist.org/temples/list.

  19. Waslet permezz ta’ imejl mir-Reġistri tal-Membri u l-Istatistika, 28 ta’ Lulju, 2023.

  20. Din tinkludi l-Università ta’ Brigham Young, l-Università ta’ Brigham Young–Idaho, l-Università ta’ Brigham Young–Hawaii, Il-Kulleġġ Ensign, u BYU–Pathway Worldwide.

  21. Waslet permezz ta’ imejl mis-Seminarji u Istituti, 28 ta’ Lulju, 2023.

  22. Ara General Handbook, 34.3.1.

  23. Il-President Dallin H. Oaks irrakkonta din l-istorja dwar li wieħed jafda fil-Mulej: “L-armla ommi kienet tissapportja lit-tlett itfal żgħar tagħha b’paga miżera. … Jiena staqsejt lil ommi għalfejn kienet tħallas daqstant mill-paga tagħha bħala dieċmi. Qatt ma nista’ ninsa l-ispjegazzjoni tagħha: ‘Dallin, jista’ jkun li hawn nies li jirnexxielhom jgħaddu jekk ma jħallsux id-dieċmi, iżda aħna ma naffordjawx ma nħallsux. Il-Mulej għażel li jieħu għandu lil missierkom u jħallini nrabbi lilkom it-tfal. Jien ma nistax nagħmel dan mingħajr il-barkiet tal-Mulej, u jien nikseb dawk il-barkiet jekk inħallas dieċmi onesta’” (“Tithing,” 33).

  24. “Ħalli permezz tal-providenza tiegħi, minkejja t-tbatija li se tolqotkom, il-knisja tkun tista’ tibqa’ indipendenti minn kull kreatura oħra mis-sema ’l isfel” (Doctrine and Covenants 78:14).

  25. Korrispondenza personali minn Charlotte Hlimi Martin, 30 ta’ Aww., 2023.

  26. Doctrine and Covenants 1:30.

  27. Atti 5:38–39.

  28. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 95.