Konferenza Ġenerali
Nagħtu Xhieda ta’ Ġesù Kristu bil-Kelma u bl-Għemil
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Nagħtu Xhieda ta’ Ġesù Kristu bil-Kelma u bl-Għemil

Hekk kif inħabirku biex ngħixu ħajjitna f’armonija mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-imġiba tagħna tkun testimonjanza ħajja tal-Feddej tagħna u ta’ ismu.

Fil-magħmudija, waħda mill-wegħdiet li nagħmlu li aħna rridu nieħdu fuqna l-isem ta’ Ibnu. L-għan tiegħi llum huwa li nfakkar lilna lkoll li nistgħu nuru lil Alla li aħna nieħdu fuqna l-isem ta’ Ibnu billi nagħtu xhieda bil-kelma u l-fatti, u kemm spiss nistgħu, li Ġesù hu l-Kristu.

Waqt li kien qed jimministra u jgħallem lill-poplu fl-Amerki wara li qam mill-Imwiet, is-Salvatur iddikjara:

“Mela huma ma qarawx l-iskrittura, li tgħid li intom għandkom tieħdu fuqkom l-isem ta’ Kristu, li huwa ismi? Għaliex b’dan l-isem għandkom tiġu msejħa fl-aħħar jum;

“U dawk li jieħdu fuqhom ismi, u jibqgħu sodi sat-tmiem, dawn sa jiġu salvati fl-aħħar jum.”1

Il-President Russell M. Nelson għallimna “li nieħdu fuqna isem is-Salvatur jinkludi li aħna niddikjaraw u nixhdu ma’ ħaddieħor—permezz ta’ għemilna u ta’ kliemna—li Ġesù hu l-Kristu.”2

Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna għandna l-barka u l-privileġġ li nieqfu bħala xhieda tal-Mulej u ta’ ismu kull fejn inkunu.3 Hekk kif inħabirku biex ngħixu ħajjitna f’armonija mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-imġiba tagħna ħa tkun testimonjanza ħajja tal-Feddej tagħna u ta’ ismu. Barra minn hekk, aħna nixhdu lil Kristu bil-kelma billi naqsmu mal-oħrajn dak li nemmnu, inħossu, jew nafu dwar Ġesù Kristu.

Meta bl-umiltà naqsmu t-testimonjanza tagħna tal-Mulej bil-kliem u l-fatti, l-Ispirtu s-Santu jikkonferma4 lil dawk b’intenzjoni vera, b’qalb miftuħa, u moħħ ta’ rieda li Ġesù huwa tabilħaqq il-Kristu.5

Nixtieq naqsam magħkom żewġ eżempji riċenti ta’ membri li juru lil Alla li huma jieħdu fuqhom l-isem ta’ Ġesù Kristu billi jitkellmu fuqu u jagħtu xhieda pura tal-Mulej f’laqgħat tal-Knisja.

L-ewwel eżempju: Meta marti, Elaine, u jien morna Spanja fl-2022, attendejna l-laqgħat tal-Ħadd f’unit żgħir tal-Knisja hemmhekk. Hekk kif jiena kont wieqaf fuq l-ambone u marti mal-kongregazzjoni, innutajt li ħdejn marti kien hemm bilqiegħda mara mdaħħla fiż-żmien. Meta l-laqgħa tas-sagrament ġiet fi tmiemha, jien mort ħdejn Elaine u tlabtha tintroduċini mal-ħabiba ġdida tagħha. Hekk għamlet, u indikatli li dik il-mara, li ma kinitx membru tal-Knisja, kienet ilha tiġi l-Knisja madwar sentejn. Meta smajt dan, jien staqsejt lil dik il-mara, li ovvjament kienet tibża’ minn Alla, x’kien dak li ġegħilha tirritorna u tattendi l-laqgħat tagħna għal żmien daqshekk twil. B’imħabba kbira, il-mara wieġbet, “Jien nieħu gost niġi hawn għax intom titkellmu dwar Ġesù Kristu fil-laqgħat tagħkom.”

Jidher ċar li l-membri tal-Knisja f’dak il-unit fi Spanja kienu tkellmu, għallmu, u taw xhieda ta’ Kristu fil-laqgħat tagħhom.

It-tieni eżempju: Wara li servejt fir-Reġjun tal-Brażil, irċevejt essajnment ġdid biex inservi fil-kwartieri ewlenin tal-Knisja. Meta ġarrejna għall-Belt ta’ Salt Lake, lejn l-aħħar ta’ Lulju li għadda, aħna attendejna l-laqgħat tal-Ħadd fil-qasam ġdid u sabiħ tagħna. Waħda minn dawn il-laqgħat kienet laqgħa ta’ sawm u testimonjanza. Wara li ħadu sehem fis-sagrament b’devozzjoni kbira, il-membri qamu bilwieqfa u minn qalbhom taw testimonjanzi tas-Salvatur, wieħed wieħed u waħda waħda. Il-laqgħa kienet iċċentrata fuq Ġesù Kristu, u l-preżenza tal-Ispirtu kienet tinħass ħafna. Ħassejna lilna ndusna edifikati u l-fidi tagħna kienet imsaħħa. Jekk xi ħbieb tal-Knisja, li qed ifittxu onestament il-verità, kienu f’dik il-laqgħa, żgur li kienu jagħrfu li din hija l-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

X’barka kbira hi li l-laqgħat tal-Knisja tagħna huma opportunitajiet mill-aqwa għalina biex nagħtu xhieda ta’ Kristu u sinjal lil Alla li aħna nithennew li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ibnu.

Mela ħalli nsemmi issa eżempju mill-iktar qawwi ta’ meta nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu billi nagħtu xhieda tiegħu permezz tal-fatti.

F’Awwissu li għadda, jien akkumpanjajt lill-Presbiteru Johnathan S. Schmitt fi żjara fit-Tempju ta’ Feather River California fil-Belt ta’ Yuba meta dan kien miftuħ għall-pubbliku. Hemmhekk, kelli l-barka li niggwida l-gruppi fuq żjara madwar it-tempju. F’wieħed minn dawn il-gruppi kien hemm membru tal-Knisja, Virgil Atkinson, u sebat iħbieb minn reliġjonijiet oħra. Lejn l-aħħar taż-żjara, fil-kamra tas-siġill fit-tempju, il-Presbiteru Atkinson kien emozzjonat ħafna meta ġie biex jesprimi l-imħabba tiegħu għal ħbiebu li kienu ġew miegħu fit-tempju dakinhar. Bilkemm leħaq temm dak li kellu jgħid meta waħda mara mill-grupp qamet bilwieqfa u qalet, “Aħna lkoll nħobbuh lil Virgil. Qatt ma impona l-fidi tiegħu fuqna. Imma lanqas huwa xi wieħed li jistħi juri x’jemmen. Għax huwa jgħix dak li jemmen fih.”

Matul is-snin, it-tip ta’ ħajja Kristjana ta’ Brother Atkinson served bħala testimonjanza qawwija għal ħbiebu. L-eżempju tiegħu huwa evidenza b’saħħitha li huwa ħa fuqu l-isem ta’ Kristu.

Biex nagħlaq, ħalli naqsam magħkom lezzjoni li tgħallimt dwar kif nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu u nagħtu xhieda tiegħu billi nużaw l-isem korrett tal-Knisja.

Il-President Nelson, il-profeta ħaj ta’ Alla, f’indirizz waqt konferenza ġenerali fl-2018, intitolat bħala “L-Isem Korrett tal-Knisja,” qal: “Din hija korrezzjoni. Huwa l-kmand tal-Mulej. Ma kienx Joseph Smith li ta l-isem lill-Knisja li ġiet irrestawrata permezz tiegħu; lanqas kien Mormon. Kien is-Salvatur innifsu li qal, ‘Għax hekk għandkom issejħulha l-Knisja Tiegħi fl-aħħar jiem, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem’ (Doctrine and Covenants 115:4).”6

Ilkoll kemm aħna dak inhar tlaqna mill-konferenza b’impenn u determinazzjoni li nimxu wara l-profeta u li nużaw l-isem żvelat tal-Knisja. Qgħadt b’seba’ mitt għajn biex inkun ċert li nuża l-isem korrett tal-Knisja. Kien hemm xi ftit drabi li kelli bżonn noqgħod attent ħafna u ma nħallix lili nnifsi mmur lura għall-prattika ta’ dari. Wara l-ewwel attentati, ħassejtni iktar komdu nuża l-isem żvelat tal-Knisja. Nammetti li ħafna drabi kont naħtaf l-isem tal-Knisja jien u nitkellem. Kont ftit inkwetat li l-nies forsi ma kenux joqogħdu attenti għall-isem sħiħ tal-Knisja, u li jaħsbu li l-isem kien twil wisq.

Madanakollu, iktar tard intbaħt li li ngħid l-isem sħiħ tal-Knisja b’intenzjoni kien jagħtini opportunitajiet siewja li nsemmi l-isem ta’ Ġesù Kristu u fil-fatt nagħti xhieda tas-Salvatur billi niddikjara ismu fl-isem tal-Knisja tiegħu. Innutajt ukoll li meta kont ngħid l-isem korrett tal-Knisja ma’ nies oħra, jien kont niftakar f’Ġesù Kristu iktar frekwentament u kont inħoss iktar l-influwenza tiegħu f’ħajti.

Billi nimxi wara l-profeta, aħna lkoll nistgħu nitgħallmu biex iktar nagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu billi nużaw l-isem korrett tal-Knisja, u hekk nieħdu fuqna iktar bis-sħiħ l-isem tal-Mulej.

Din l-għodwa ta’ Jum il-Mulej, jien bil-ferħ nixhed li l-President Nelson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla u li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija l-Knisja rrestawrata ta’ Kristu. B’umiltà jiena nagħti xhieda tal-Iben t’Alla u tad-divinità tiegħu. Huwa l-Ewwel Wild u l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, l-Immanuel.7 F’isem Ġesù Kristu, ammen.