Konferenza Ġenerali
Alla Jafkom u Jħobbkom
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Alla Jafkom u Jħobbkom

Il-pjan ta’ Alla għall-kuntentizza hija kollha kemm hi dwarkom. Intom l-ulied prezzjużi tiegħu u ta’ valur kbir għalih.

Sitt snin ilu, konna qed nivjaġġaw bil-karozza bħala familja billejl ftit ’l barra mill-belt ta’ Oxford. Kif normalment jiġri meta jkollok tfal żgħar, kellna bżonn nieqfu fi stazzjon tal-petrol b’numru ta’ stabbilimenti u restoranti. Bl-ikbar preċiżjoni, ħriġna f’linja waħda mill-karozza, żorna s-servizzi f’linja waħda, u f’linja waħda rritornajna fil-karozza, u komplejna l-vjaġġ tagħna.

Xi kwarta wara, it-tifel tagħna l-kbir staqsa mistoqsija sinifikattiva: “Fejn hu Jasper?” Jasper dejjem ipoġġi waħdu fuq wara tal-karozza. Assumejna li għajnejh kienu marru bih jew kien qed jistaħba jew jagħmlilna xi ċajta oħra.

Ħuh spezzjoni l-wara tal-karozza mill-qrib, u skoprejna li it-tifel tagħna ta’ ħames snin ma kienx hemm. Qabadna biża’ kbir. Filwaqt li dorna u soqna lejn l-istazzjon tal-petrol, bdejna nitolbu lill-Missier fis-Smewwiet li Jasper ma jiġrilu xejn. Ċempilna lill-pulizija u informajniehom x’kien ġara.

Meta wasalna, iktar minn 40 minuta wara, sibna żewġ karozzi tal-puluzija fil-parkeġġ, bid-dawl mixgħul qawwi. F’waħda minnhom, kien hemm Jasper jilgħab mal-buttuni. Ma ninsa qatt il-ferħ kbir li ħassejna hekk kif erġajna ngħaqadna miegħu.

Ħafna mill-parabboli tas-Salvatur jiffoka fuq is-sejba, ir-radd mill-ġdid, jew it-tfittxija qalila għal dak li xxerred jew intilef. Fost dawn insibu l-parabboli tan-nagħġa l-mitlufa, tal-munita mitlufa, u tal-iben mitluf.1

Dan l-inċident b’Jasper ta’ spiss matul is-snin erġajt esperjenzajtu f’moħħi, u ġegħilni nirrifletti fuq l-identità u l-importanza divina ta’ wlied Alla, il-qawwa feddejja ta’ Ġesù Kristu, u l-imħabba perfetta tal-Missier fis-Smewwiet li jaf lilkom u lili. Nittama li jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar dawn il-veritajiet illum.

I. Ulied Alla

Il-ħajja hija mimlija sfidi. Ħafna nies iħossuhom skuraġġuti, waħedhom, imwarrbin, jew eżawsti. Meta ninsabu f’xi sitwazzjoni diffiċli, nistgħu nħossuna li tlifna t-triq jew li waqajna lura. Li tkun taf li aħna lkoll ulied Alla u membri tal-familja eterna tiegħu se trodd mill-ġdid sens ta’ appartenenza u għan.2

Il-President Ballard qasam dan li ġej magħna: “Hemm identità importanti li lkoll nixxerjaw issa u għal dejjem. … Din hi li intom intom, u dejjem kontu, ulied Missier fis-Smewwiet. … Min jifhem din il-verità—jifhimha tassew u jemminha—ħa jesperjenza bidla kbira f’ħajtu.”3

La tifhmux ħażin u lanqas tisvalutaw kemm intom importanti għal Missierkom fis-Smewwiet. Intom m’intomx prodott sekondarju aċċidentali tan-natura, iltim kosmiku, jew riżultat ta’ materja b’żieda ta’ żmien b’żieda ta’ xorti. Fejn hemm disinn hemm ukoll disinjatur.

Ħajjitkom għandha tifsira u għan. Ir-restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu tagħtina dawl u għarfien dwar l-identità divina tagħna. Intom ulied għeżież ta’ Missierna fis-Smewwiet. Intom is-suġġett ta’ dawk il-parabboli kollha u dak it-tagħlim kollu. Alla tant iħobbkom li bagħat lil Ibnu biex ifejjaqkom, isalvakom, u jifdikom.4

Ġesù Kristu għaraf in-natura divina u l-valur etern ta’ kull persuna.5 Huwa spjega li ż-żewġ kmandamenti kbar biex inħobbu lil Alla u nħobbu lil għajrna huma l-pedament tal-kmandamenti kollha ta’ Alla.6 Waħda mir-responsabbiltajiet divina tagħna hija li nieħdu ħsieb lil dawk li qegħdin fil-bżonn.7 Dan huwa għaliex bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna “lesti li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, … nibku ma’ dawk li jibku … , u nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.”8

Ir-reliġjon ma tikkonsistix biss fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla; hija wkoll dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin. Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland spjega li l-kelma Ingliża religion ġejja mill-kelma Latina religare, li tfisser “torbot” jew, iktar litteralment, “torbot mill-ġdid.” Għalhekk, “il-vera reliġjon hija r-rabta li torbotna ma’ Alla u ma’ xulxin.”9

Huwa ta’ importanza kbira kif nitrattaw ma’ xulxin. Il-President Nelson jgħallem, “Il-messaġġ tas-Salvatur kien wieħed ċar: id-dixxipli vera tiegħu jibnu, jelevaw, iħeġġu, jipperswadu, u jispiraw.”10 Dan isir iktar importanti meta sħabna l-vjaġġaturi jħossuhom mitlufin, waħedhom, minsija, jew imwarrba.

M’għandniex bżonn infittxu ’l bogħod biex insibu nies li qed ibatu. Nistgħu nibdew billi ngħinu lil xi ħadd mill-familja tagħna, mill-kongregazzjoni tagħna, jew mill-komunità lokali tagħna. Nistgħu wkoll infittxu li ntaffu t-tbatija tas-700 miljun ruħ li qed jgħixu f’faqar estrem11 jew il-100 miljun ruħ li huma mġegħlin jitilqu minn pajjiżhom minħabba persekuzzjoni, konflitt, u vjolenza.12 Ġesù Kristu huwa l-eżempju perfett ta’ kif għandna nieħdu ħsieb dawk li huma fil-bżonn—dawk bil-ġuħ, il-barranin, il-morda, il-foqra, u l-ħabsin. Xogħlu huwa xogħolna.

Il-Presbiteru Gong jgħallem li “il-vjaġġ tagħna lejn Alla ħafna drabi nimxuh flimkien.”13 B’dan l-argument, l-oqsma tagħna għandhom ikunu refuġju għall-ulied kollha ta’ Alla. Qegħdin nattendu l-knisja b’mod passiv jew b’mod attiv noħolqu komunitajiet li l-għan tagħhom huwa li jqimu, jfakkru lil Kristu, u jimministraw lil xulxin?14 Jeħtieġ nagħtu kas tal-parir tal-President Nelson biex niġġudikaw inqas, inħobbu iżjed, u nxerrdu l-imħabba safja ta’ Ġesù Kristu permezz ta’ kliemna u l-għemejjel tagħna.15

II. Il-Qawwa Feddejja ta’ Ġesù Kristu

Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu hija l-espressjoni suprema tal-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għal uliedu.16 Il-kelma espjazzjoni tiddeskrivi l-għaqda sħiħa mill-ġdid ta’ dawk li kienu mbegħdin jew mifrudin.

Il-missjoni tas-Salvatur tagħna kienet kemm li jipprovdi rotta ta’ ritorn lejn il-Missier fis-Smewwiet u serħan fil-vjaġġ. Is-Salvatur jaf mill-esperjenza tiegħu stess kif għandu jissapportjana permezz tal-isfidi tal-ħajja.17 M’għandkomx fejn titfixklu, Kristu huwa s-salvatur u t-tabib ta’ ruħna.

Hekk kif neżerċitaw il-fidi, huwa jgħinna nimxu dejjem ’il quddiem minn fost it-tbatijet. Huwa jkompli jagħmlilna l-istedina tiegħu kollha mħabba u ħniena:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni; … u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”18

Il-metafora tal-madmad hija waħda qawwija. Kif spjega il-Presbiteru Howard W. Hunter: “Il-madmad kienet biċċa għodda li ppermettiet is-saħħa tat-tieni bhima biex tingħaqad u tintrabat mal-isforz ta’ bhima waħda, u hekk taqsam u tnaqqas it-tagħbija tqila tal-biċċa tax-xogħol. Toqol li kien tqil wisq jew forsi impossibbli boex jinġarr minn waħda setgħu jġorruh tnejn flimkien b’mod komdu meta marbutin flimkien taħt madmad wieħed.”19

Il-President Nelson għallem: “Inti tiġi għand Kristu biex tintrabat taħt madmad miegħu u l-qawwa tiegħu, sabiex ma tkunx qed iġġorr it-tagħbija tal-ħajja waħdek. Qed iġorr t-tagħbija tal-ħajja taħt madmad mas-Salvatur u l-Feddej tad-dinja.”20

Kif norbtu lilna nfusna taħt madmad mas-Salvatur? Il-Presbiteru David A. Bednar jispjega:

“Meta aħna nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri aħna nispiċċaw biex inġorru l-madmad flimkien mal-Mulej Ġesù Kristu. F’kelma waħda, is-Salvatur qed jistedinna sabiex nafdaw fih u nġorru t-tagħbija flimkien miegħu. …

“Aħna m’aħniex u qatt m’għandna nkunu weħidna.”21

Lil dawk li jħossuhom mgħobbijin, mitlufin, konfużi, m’għandkomx tibqgħu waħdekom.22 Permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu u l-ordinanzi tiegħu intom tistgħu tkunu marbutin mal-madmad miegħu. Hu, b’imħabba kbira, se jipprovdilkom il-qawwa u l-fejqan li intom għandkom bżonn biex tiffaċċjaw il-vjaġġ quddiemkom. Huwa għadu r-refuġju tal-matlempati tagħna.”23

III. L-Imħabba tal-Missier fis-Smewwiet

Biex inkunu għidna kollox, Jasper huwa tifel jilħaqlu, ħelu ma’ kulħadd, intelliġenti, u mqareb. Imma l-qofol ta’ din l-istorja huwa li hu tiegħi. Huwa ibni, u jien inħobbu iżjed milli qatt jista’ jifhem . Jekk missier imperfett u uman iħossu hekk għal ibnu, tistgħu timmaġinaw kif Missier fis-Smewwiet, perfett, glorifikat, u kollu mħabba jħossu għalikom?

Lill-ħbieb tiegħi tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, Gen Z u Gen Alpha: nitlobkom iddaħluha f’raskom li l-fidi titlob il-ħidma.24 Aħna ngħixu fi żmien meta għal ħafna jeżisti biss “nara dak li nemmen.” Il-fidi taf tkun sfidanti u titlob ċerti għażliet. Iżda t-talb huwa mwieġeb.25 U t-tweġibiet jistgħu jinħassu.26 Uħud mill-iktar affarjiet reali fil-ħajja ma tistax tarahom; tista’ biss tħosshom, tagħrafhom, tesperjenzahom. Dawn huma reali wkoll.

Ġesù Kristu iridkom tkunu tafu lil Missierkom fis-Smewwiet u li jkollkom relazzjoni miegħu.27 Huwa għallem, “Liema raġel fostkom, li għandu iben, u dan ikun wieqaf barra, u li jgħid, Missier, iftaħli darek sabiex nidħol u niekol miegħek, mhux se jgħid, Għaddi, ibni; għax dak li hu tiegħu huwa tiegħek, u dak tiegħek hu tiegħi?”28 Tistgħu taħsbu fi xbieha ta’ Alla l-Missier Etern iktar personali u kollu mħabba?

Intom uliedu. Jekk qed tossukom mitlufin, jekk għandkom mistoqsijiet jew nuqqas ta’ għerf, jekk qed titħabtu maċ-ċirkostanzi tagħkom jew tissaraw kontra dissonanzi spiritwali, duru lejh. Itolbuh għall-faraġ, l-imħabba, it-tweġibiet, u direzzjoni. Ikun x’ikun il-bżonn tagħkom u tkunu fejn tkunu, iftħu qalbkom għal Missierkom fis-Smewwiet. Xi wħud minnkom forsi jixtiequ jimxu wara l-istedina tal-President Nelson: “Itolbu biex jurik jekk hu jinsabx verament hemm—jekk Hu lilek jafekx. Itolbu kif huwa jħossu dwarek. Imbagħad isma’ x’għandu xi jgħidlek.”29

Għeżież Ħuti:

  • Kunu afu lil Missierkom fis-Smewwiet. Huwa perfett u mimli mħabba.

  • Kunu afu min hu Ġesù Kristu.30 Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Orbtu lilkom infuskom u lil dawk li tħobbu miegħu.

  • U kunu afu min intom. Kunu afu l-identità divina vera tagħkom. Il-pjan ta’ Alla għall-kuntentizza hija kollha kemm hi dwarkom. Intom l-ulied prezzjużi tiegħu u ta’ valur kbir. Huwa jafkom u jħobbkom.

Dwar dawn il-veritajiet, sempliċi iżda fundamentali, jiena nixhed f’isem Ġesu Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Luqa 15:4-32.

  2. Ara Preach My Gospel: A Guide to Sharing the Gospel of Jesus Christ (2023), 1.

  3. M. Russell Ballard, “Children of Heavenly Father” (devozzjonali f’Brigham Young University, 3 ta’ Mar., 2020), speeches.byu.edu.

  4. Ara Ġwanni 3:16; Mosija 15:1; 3 Nefi 17:6–10.

  5. Ara Preach My Gospel, kapitlu 3.

  6. Ara Mattew 22:36–40.

  7. Ara Manwal Ġenerali: Inservu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, 1.2, Gospel Library.

  8. Mosija 18:8, 9.

  9. Jeffrey R. Holland, “Religion: Bound by Loving Ties” (devozzjonlai fi Brigham Young University, 16 ta’ Aww., 2016), speeches.byu.edu.

  10. Ara Russell M. Nelson, “Meħtieġa Dawk li Jġibu l-Paċi,” Liahona, Mejju 2023, 99.

  11. “L-għadd ta’ bnedmin f’faqar estrem tela’ b’70 miljun għal iktar minn 700 miljun ruħ” (“Poverty,” 30 ta’ Nov., 2022, World Bank, worldbank.org).

  12. “Iktar minn 100 miljun ruħ huma spostati bil-forza” (“Refugee Data Finder,” 23 ta’ Mejju, 2022, United Nations High Commissioner for Refugees, unhcr.org).

  13. Gerrit W. Gong, “Kamra fid-Dverna,” Liahona, Mejju 2021, 25.

  14. Ara Manwal Ġenerali, 1.3.7, Gospel Library.

  15. See Russell M. Nelson, “Meħtieġa Nies li Jġibu l-Paċi,” 98-101.

  16. Ara Ġwanni 3:16.

  17. Ara Alma 7:11–12; Doctrine and Covenants 122:8.

  18. Mattew 11:28–29.

  19. Howard W. Hunter, “Ejjew Għandi ,” Ensign, Nov. 1990, 18.

  20. The Mission and Ministry of the Savior: A Discussion with Elder Russell M. Nelson,” Ensign, Ġunju 2005, 18.

  21. David A. Bednar, Iġorru t-Tagħbija Tagħhom b’Faċilità,” Liahona, Mejju 2014, 88.

  22. Il-President Camille Johnson qalet: “Ħuti, ma nistax nagħmel kollox waħdi, u m’għandix għalfejn, u mhux se nagħmel dan. Għax għażilt li nintrabat mas-Salvatur, Ġesù Kristu, permezz tal-patti li għamilt ma’ Alla, jiena ‘għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini’ [Filippin 4:13]” (“Ġesù Kristu Huwa Solliev,” Liahona, Mejju 2023, 82).

  23. Ara Salm 62:6–8.

  24. Ara Ġakbu 2:17.

  25. Ara Mattew 7:7–8; Ġakbu 1:5.

  26. “L-Ispirtu s-Santu huwa d-Difensur (Ġwanni 14:26). Bħalma l-leħen melliesi ta’ ġenitur li jħobb jista’ jserraħ tifel jibki, is-sefsif tal-ispirtu jista’ jikkalma l-beżgħat tagħna, isikket it-tberrin tedjanti ta’ ħajjitna, u jfarraġna meta nitnikktu. L-Ispirtu s-Santu jista’ jimliena ‘b’tama u mħabba perfetta’ u ‘jgħallimna l-ħwejjeġ tas-saltna li jnisslu l-paċi (Moroni 8:26; Doctrine and Covenants 36:2” (Topics and Questions, “Holy Ghost,” Gospel Library).

    “L-Ispirtu s-Santu ‘jagħti xhieda tal‑Missier u tal‑Iben’ (2 Nefi 31:18). Huwa biss permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li aħna nistgħu nirċievu testimonjanza ċerta ta’ Alla l-Missier u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.

    “L-Ispirtu s-Santu jagħti xhieda tal-verità, u huwa permezz tal-qawwa tiegħu li aħna ‘nistgħu nkunu nafu l-verità tal-ħwejjeġ kollha’ (Moroni 10:5)” (“The Holy Ghost Testifies of Truth,” Liahona, Mar. 2010, 14, 15).

    “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija” (Ġwanni 15:26).

  27. Ara Ġwanni 14:6–7; 17:3.

  28. Joseph Smith Translation, Matthew 6:38 (fil-Bible appendix).

  29. Russell M. Nelson, “Ejjew, Imxu Warajja,” Liahona, Mejju 2019, 90.

  30. Ara Mark 8:27–29.