Fl-Interess tal-Posterità Tiegħek
Tkunux il-ħolqa dgħajfa f’din il-katina sabiħa ta’ fidi li intom bdejtu, jew li rċevejtu, bħala legat. Kunu dawk li huma b’saħħithom.
Xi snin ilu, meta kont qed inservi fir-Reġjun tal-Majjistral tal-Amerka t’Isfel u qed ngħix Lima, il-Peru, jien kelli esperjenza sabiħa li nixtieq naqsam magħkom.
Din ġratli meta kont qed nirritorna d-dar wara tmiem il-ġimgħa bieżel b’ħafna essajments. Wara li fl-aħħar kont lestejt il-proċess tal-immigrazzjoni u ħriġt mill-ajruport, fiċ-ċentru tat-taxis li dejjem nużaw sibt jistennieni xufier tat-taxi minn tagħna. Ħadni sal-karozza tiegħu, u jien intfajt bilqiegħda fuq wara lest biex nqatta’ vjaġġ lejn d-dar fil-kwiet. Wara li kien saq xi ftit kantunieri, ix-xufier irċieva telefonata minn ta’ fuqu, li qallu li jien kont irkibt it-taxi żbaljata. Kien hemm karozza oħra riservata għalija, u dak qallu biex jeħodni lura l-ajruport jekk jien ridt li nbiddel il-karozza. Jien għidtlu li ma kienx hemm għalfejn, u bqajna sejrin. Wara ftit minuti ta’ skiet, ħares lejja mill-mera u staqsieni, “Int Mormon, hux tassew?”
U ma’ dik il-mistoqsija oħt il-għerf, kont naf li l-mistrieħ tiegħi kien wasal fi tmiemu. Ma stajtx inżomm milli nesplora fejn il-mistoqsija tiegħu kienet se teħodna.
Sirt naf li kien jismu Omar, li martu kien jisimha Maria Teresa, u li kellhom żewġt itfal—Carolina, ta’ 14-il sena, u Rodrigo, ta’ 10 snin. Omar kien membru tal-Knisja minn mindu kien għadu tifel. Il-familja tiegħu kienet attiva, imma ġie żmien meta l-ġenituri tiegħu waqfu jattendu. Omar sar inattiv kompletament meta kellu 15-il sena. U issa kellu 40 sena.
Dak il-mument intbaħt li ma kontx irkibt it-taxi żbaljata. Ma kinitx kumbinazzjoni! Jien għidtlu min kont u li kont fit-taxi tiegħu għaliex il-Mulej kien qed isejjaħu lura fil-merħla tiegħu.
Imbagħad tkellimna dwar iż-żmien meta hu u l-familja tiegħu kienu memnri attivi tal-Knisja. Kellu memorji sbieħ tal-ħlewwa tal-lejliet tal-familja d-dar, u ta’ xi kanzunetti tal-Primarja. U qabad ikanta minn taħt l-ilsien xi versi minn “I Am a Child of God.”1
Wara li ħadtlu l-indirizz tiegħu, in-numru tat-telefon, u l-permess biex ngħaddihom lill-isqof tiegħu, jien għidtlu li kont se nsib mod li nkun fil-kappella fl-ewwel jum tiegħu lura l-knisja. Temmejna l-vjaġġ tagħna mill-ajruport sad-dar tiegħi, u anki l-vjaġġ ħelu tagħna lura fil-passat tiegħu, u nfirdna
Xi ftit ġimgħat wara l-isqof tiegħu ċempilli, u qalli li Omar kien qed jippjana li jattendi l-knisja f’Ħadd partikolari. Għidtlu li jien kont se nkun hemm. Dak il-Ħadd partikolari, Omar kien hemm ma’ ibnu. Martu u bintu ma kenux interessati. Xi xhur wara, l-isqof tiegħu reġa’ ċempilli, u issa qalli li Omar kellu jgħammed lil martu u liż-żewġ uliedu, u stedinni biex nattendi. Dan huwa ritratt ta’ dak il-Ħadd meta huma ġew konfermati membri tal-Knisja.
F’dak l-istess jum tal-Ħadd, jien għidt lil Omar u lill-familja tiegħu li, jekk jitħejjew, fi żmien sena jien kont inkun onerat li inwettaq is-siġill tagħhom frt-Tempju ta’ Lima. U hawn ritratt ta’ dak il-mument memorabbli għalina lkoll, meħud sena wara.
Għalfejn qed naqsam magħkom din l-esperjenza? Qed nagħmel hekk għal żewġ raġunijiet.
L-ewwelnett, biex nindirizza dawk il-membri twajbin li għal xi raġuni twarrbu mill-evanġelju restawrat ta’ Ġesù Kristu. It-tieni, biex anki nindirizza lil dawk il-membri li llum qed jipparteċipaw li forsi mhumiex qed ikunu fidili għall-patti tagħhom daqs kemm għandhom ikunu. Fiż-żewġ każijiet, ġenerazzjonijiet sħaħ qabilhom qed jintlaqtu, u l-barkiet u l-wegħdiet li kienu riservati għall-posteritajiet tagħhom jinsabu f’riskju.
Ejjew nibdew bl-ewwel xenarju, membri tajbin li ħallew it-triq tal-patt, kif kien ġralu l-ħabib Peruvjan tiegħi, Omar. Meta staqsejtu għalfejn kien iddeċieda li jirritorna, huwa qal li kien għaliex huwa u martu ħassew li wliedhom kienu se jkun iktar ferħanin fil-ħajja bl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Ħass li kien wasal iż-żmien li jmur lura fil-knisja fl-interess ta’ wliedu.
Tant huwa ta’ swied il-qalb meta tiltaqa’ ma’ membri tal-Knisja li mhumiex attivi jew ma’ nies mhux membri li xi darba kellhom l-evanġelju fi ħdan il-familja tgaħhom u tilfuh minħabba d-deċiżjoni tal-ġenituri jew tan-nanniet tagħhom biex jieħdu intervall mill-Knisja. Dik id-deċiżjoni jaf ikollha impatt mal-posterità tagħhom għal dejjem.
Uliedhom u wlied uliedhom ġew preklużi mill-protezzjoni u l-barkiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu f’ħajjithom. U iktar ta’ qsim ta’ qalb minn hekk, huma tilfu l-wegħdiet ta’ familja eterna li xi darba kellhom. Id-deċiżjoni ta’ xi ħadd laqtet katina sħiħa ta’ dixxendenti. Legat ta’ fidi spiċċa miksur.
Madanakollu, kif nafu tajjeb, kull ħaġa miksura tista’ tissewwa permezz ta’ Ġesù Kristu. Għal din ir-raġuni, jekk jogħġobkom ikkonsidraw l-istedina tal-President Russell M. Nelson: “Issa, jekk intom ħriġtu ’l barra mit-triq, ippermettuli nistedinkom bit-tama sħiħa f’qalbi biex jekk jogħġobkom terġgħu lura. Hu x’inhu dak li qed jinkwetakom, huma x’inhuma l-isfidi tagħkom, hawn post għalikom f’din il-Knisja tal-Mulej. Intom u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu tkunu mberkin b’dak li intom tagħmlu bħalissa biex terġgħu lura fit-triq tal-patt.”2
Issa, ejja ħa nindirizzaw it-tieni xenarju, il-membri parteċipanti tal-lum li forsi mhumiex fidili daqskemm għandhom ikunu. Bħalma d-deċiżjonijiet ta’ lbieraħ jolqtu r-realtajiet ta’ llum, id-deċiżjonijet ta’ llum se jolqtulna l-futur tagħna u l-futur tal-membri tal-familji tagħna.
Il-President Dallin H. Oaks għallimna:
“L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jħeġġiġna biex naħsbu dwar il-futur. … Jgħallimna ideat importanti dwar il-futur biex jiggwida l-għemejjel tagħna llum.
“B’kuntrast għal dan, aħna lkoll nafu b’nies li jimpurtahom biss mill-preżent; onfoq illum, gawdi llum u toqgħodx taħseb dwar il-futur.
“… Hekk kif illum aħna nieħdu ċerti deċiżjonijiet, għandna dejjem nistaqsu, ‘Din fejn se twassalni?’”3 Id-deċiżjonijiet kurrenti tagħna se jwassluna sal-hena issa u fl-eternità, jew se jwassluna san-niket u d-dmugħ?
Xi wħud forsi jaħsbu, “M’għandniex bżonn nattendu l-knisja kull nhar ta’ Ħadd,” jew “Se nħallsu d-dieċmi meta s-sitwazzjoni taqleb għall-aħjar,” jew “Mhux se nappoġġja lill-mexxejja tal-Knisja fuq dan is-suġġett.”
“Imma,” dawn jgħidu, “aħna nafu li l-Knisja hija vera, u qatt m’aħna se nħallu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”
Dawk bi ħsibijiet bħal dawn ma jirrelizzawx l-impatt nagattiv din it-tip ta’ sħubija “nofs qalb” se jkollha fuq ħajjithom u fuq il-ħajja tal-posterità tagħhom. Il-ġenituri jafu jibqgħu attivi, imma r-riskju li jitilfu lil uliedhom huma għoli—f’din il-ħajja u fl-eternità.
Rigward dawk li mhumiex se jirtu l-glorja ċelestjali mal-familja tagħhom, il-Mulej jgħid, “Dawn huma dawk li mhumiex qalbiena fix-xhieda tagħhom ta’ Ġesù; għaldaqstant, huma ma jiksbux il-kuruna fuq is-saltna ta’ Alla.”4 Huwa dan li rridu għalina u għal uliedna? M’għandniex inkunu iktar qalbiena u inqas nofs qalb fl-interess tagħna u l-interess tal-posterità tagħna?
Il-President M. Russell Ballard ukoll tkellem dwar tħassib simili:
“Għal xi wħud, l-istedina ta’ Kristu biex nemmnu u nippersistu tibqa’ waħda diffiċli. … Xi dixxipli jitħabtu biex jifhmu polisi speċifika jew tagħlim speċifiku tal-Knisja. Oħrajn isibu x’jinkwetahom fl-istorja tagħna u fl-imperfezzjonijiet ta’ wħud mill-membri u mexxejja, tal-passat u tal-preżent. …
“… Id-deċiżjoni li ‘ma tibqgħux tmorru’ mal-membri tal-Knisja u mal-mexxejja magħżula tal-Mulej se jkollha impatt fit-tul li mhux dejjem tkunu tistgħu tarawh bħalissa.”5
X’legat ta’ swied il-qalb li tgħaddi lil ħaddieħor—u għal-liema raġuni? Hi x’inhi, ma jibbastax li ninjoraw l-impatt spiritwali negattiv li se toħloq għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Għeżież ħuti, jekk għaddejjin minn waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li jien semmejt fil-messaġġ tiegħi, nitlobkom biex terġgħu tikkonsidraw l-korsa ta’ azzjoni tagħkom. Tafu li jeżisti pjan għalina f’din il-ħajja. Tafu li l-familji jistgħu jkunu eterni. Għalfejn qed tpoġġu lil dik tagħkom fir-riskju? Tkunux il-ħolqa dgħajfa f’din il-katina sabiħa ta’ fidi li intom bdejtu, jew li rċevejtu, bħala legat. Kunu dawk li huma b’saħħithom. Imiss lilkom tkunu hekk, u l-Mulej jista’ jgħinkom.
Minn qiegħ qalbi, jien nistedinkom biex taħsbu dwar dan, biex tħarsu ’l quddiem u tevalwaw “fejn dan se jwassalkom” u, jekk meħtieġ, tkunu qalbenin biżżejjed biex terġgħu twittu t-triq tagħkom fl-interess tal-posterità tagħkom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.