Fit-Triq li Mitlubin Jimxu Fiha
Intom li llum qed taqdfu ’l quddiem fit-triq li mitlubin timxu fuqha intom il-qawwa tal-Knisja rrestawrata tas-Salvatur.
Jiena nitlob b’ħerqa għall-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu hekk kif issa nesprimi l-imħabba, l-ammirazzjoni, u l-gratitudni tiegħi għall-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar id-dinja kollha.
Dawk tal-Aħħar Karru
Is-sena 1947 immarkat l-100 sena anniversarju minn meta l-ewwel pijunieri Qaddisin tal-Aħħar Żmien waslu l-Wied ta’ Salt Lake. Saru ħafna ċelebrazzjonijiet ta’ tifkira matul dik is-sena, u bla għadd kienu l-espressjonijiet ta’ gratitudni offruti għad-dixxipli devoti ta’ Ġesù Kristu li wittew toroq ġodda, bnew id-djar, żergħu l-uċuħ tar-raba’ f’deżert niexef, u waqqfu komunitajiet ġodda.
Il-President J. Reuben Clark, l-ewwel kunsillier fl-Ewwel Presidenza, ta waħda mill-iktar tributi memorabbli u kommoventi lil dawn il-pijunieri fidili fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 1947.
Fil-messaġġ tiegħu, il-President Clark irrikonoxxa fil-qosor il-mexxejja magħrufin li ggwidaw il-migrazzjoni lejn il-Punent, bħal Brigham Young, Heber C. Kimball, Wilford Woodruff, Parley P. Pratt, u bosta oħrajn. Madanakollu, l-għan ewlieni tiegħu ma kienx li jagħti rendikont tal-kisbiet ta’ dawk l-individwi ċelebri. Minflok, huwa kkonċentra d-diskors tiegħu fuq l-erwieħ qalbiena li isimhom la huwa magħruf u lanqas irreġistrat fl-annali tal-Knisja. It-titlu istruttiv tal-messaġġ hu “Dawk tal-Aħħar Karru.”1
Il-President Clark iddeskriva b’dettal kbir il-karatteristiċi tal-migranti li vvjaġġaw fl-aħħar karru mgħotti f’kull waħda minn dawk il-karavani twal li qasmu l-pjanuri bil-karrijiet, u l-isfidi li seffqu wiċċhom magħhom dawk il-pijunieri. Huwa faħħar lil dawn l-eroj anonimi u minsijin li, jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, u xahar wara xahar, kważi fgaw fit-trabijiet li qanqlu l-karrijiet li mxew qabilhom—u li għelbu l-ostakoli bla tmiem li huma ltaqgħu magħhom matul il-vjaġġ.
Il-President Clark iddikjara, “Dawk tal-aħħar karru qadfu ’l quddiem, għajjenin mejta, saqajhom miġruħin, u kultant għoddhom b’qalbhom maqtugħa, sostnuti biss bil-fidi tagħhom li Alla kien iħobbhom, li l-evanġelju rrestawrat kien veru, u li l-Mulej kien qed imexxi u jidderieġi lill-Aħwa fuq quddiem.”2
Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’din it-tifħir imqanqal:“Lil dawn l-erwieħ umli, kbar fil-fidi, kbar fil-ħajja ta’ ġustizzja, kbar fit-tiswir tal-legat imprezzabbli tagħna, jien b’umiltà nagħti l-imħabba, ir-rispett, u l-ġieħ reverenti tiegħi.”3
Mhux Inqas Ta’ Ħtieġa
Fl-1990, il-President Howard W. Hunter, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, għadda messaġġ dwar il-kontribuzzjonijiet indispensabbli ta’ membri tal-Knisja bla għadd li jservu b’mod diliġenti u b’fidi kbira u li qatt ma jirċievu rikkonoxximent jew tifħir mill-pubbliku, jew inkella ftit li xejn.
Il-President Nelson spjega:
“Ingħad [dwar iż-żagħżugħ u qalbieni Kaptan Moroni]:
“‘Kieku l‑bnedmin kollha kienu, u huma, u qatt ikunu bħal Moroni, araw, l‑istess qawwiet tal‑infern jispiċċaw jirtogħdu għal dejjem; iva, ix‑xitan qatt aktar ma jkollu qawwa fuq qlub ulied il‑bnedmin’ (Alma 48:17).
“X’kumpliment lil raġel famuż u ta’ qawwa kbira. … Żewġ versi ’l isfel wieħed isib dikjarazzjoni dwar Ħelaman u ħutu, li kellhom parti inqas evidenti minn Moroni, li tgħid:
“‘Għax araw, Ħelaman u ħutu kienu meħtieġa għall‑poplu daqskemm kien Moroni.’ (Alma 48:19).”
Il-President Hunter żied jgħid, “Fi kliem ieħor, anki jekk Ħelaman ma kienx xi ħadd jispikka u evidenti daqs Moroni, huwa kien meħtieġ daqsu; jiġifieri, kien ta’ għajnuna u ta’ ħtieġa daqs Moroni.”4
Il-President Hunter imbagħad ta parir lilna lkoll biex ma nkunu xejn inqas ta’ ħtieġa. Huwa qal, “Jekk taħsbu li l-biċċa l-kbira ta’ dak li tagħmlu din is-sena u fis-snin li ġejjin ma jagħmlukomx famużi ħafna, qawwa qalbkom. Il-maġġorparti tal-aqwa nies li xi darba għexu wkoll ma kenux famużi. Servu u ikbru, bil-fidi kollha u fil-kwiet.”5
Fit-Triq li Mitlubin Jimxu Fiha
Jiena grat għal miljuni ta’ membri tal-Knisja li llum qed imorru għand is-Salvatur6 u jaqdfu dejjem ’il quddiem fit-triq tal-patt fl-aħħar karrijiet tal-karavana kontemporanja—u li fir-realtà m’huma xejn inqas ta’ ħtieġa. Il-fidi b’saħħitha fil-Missier fis-Smewwiet u fil-Mulej Ġesù Kristu u l-ħajja tagħkom, bla pretenzjoni u konsagrata, tispirani li nkun raġel u dixxiplu aħjar.
Inħobbkom. Nammirakom. Nirringrazzjakom. U nfaħħarkom.
Dikjarazzjoni fil-Ktieb ta’ Mormon minn Samwel il-Laminita jiġbor fi ftit kliem u bl-aħjar mod is-sentimenti tiegħi għalikom.
“Ara l‑biċċa l‑kbira minnhom jinsabu fit-triq li mitlubin jimxu fiha, u huma qed iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla, u qed jaraw li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu u l‑liġijiet u d‑digrieti tiegħu. …
“Iva, jien ngħidilkom, li l‑biċċa l‑kbira minnhom qed jagħmlu dan, u qed jagħmlu li jistgħu b’diliġenza kontinwa biex forsi jkunu jistgħu jwasslu lill‑bqija ta’ ħuthom għall‑għarfien tal‑verità.”7
Jien nemmen il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi aħwa għaqlin li jfittxu lin-nies li huma waħedhom u jpoġġu ħdejhom, kemm fil-laqgħat tal-knisja u f’ambjenti oħrajn oħra. Huma kontinwament ifittxu li jfarrġu lil dawk li jeħtieġu l-faraġ,”8 bla ma jistennew rikonoxximent jew tifħir.
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi koppji miżżewġin u tfal li jissapportjaw lil xi sieħeb tagħhom, xi ġenitur, jew xi tifel jew tifla li jservu f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej. L-influwenza konsistenti u li ssostni tagħhom, bla pompa, u tipikament mhux rikonoxxuta, tagħmel possibbli l-barka ta’ bosta individwi u familji b’modi li aħna se nkunu nafu kompletament fl-eternità biss.
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi individwi li, wara li ċaħdu lil Alla, qegħdin b’umiltà jirritornaw għandu mill-ġdid,9 filwaqt li jindmu minn dnubiethom, u jfittxu l-qawwa li tnaddaf u tfejjaq tal-Espjazzjoni tas-Salvatur. Li mmorru għand Kristu10 billi nirritornaw fuq it-triq tal-patt minn devjazzjonijiet ta’ dnub “f’toroq ipprojbiti”11 huwa spiritwalment essenzjali u sewwasew rigoruż. Hekk kif jaqdfu ’l quddiem bil-fidi u ma jgħejjewx f’li jagħmlu l-ġid, huma qed iwittu s-sisien ta’ ħidma kbira fil-ħajja individwali tagħhom,12 “għall-ġenerazzjonijiet kollha u għall-eternità.”13
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi individwi ġusti li jixxenqu li jintrabtu mas-Salvatur permezz tal-patti u l-ordinanzi awtorizzati tal-evanġelju tiegħu—iżda li forsi jiġu pprojbiti milli jagħmlu dan minn fatturi li huma m’għandhomx kontroll fuqhom. Jien inwegħidkom li n-niket personali tagħkom se jittaffa u l-ubbidjenza u l-fidi tagħkom biex bis-sabar kollu tissottomettu r-rieda tagħkom lil Alla se jkunu ppremjati “fiż‑żmien stabbilit mill‑Mulej.”14 “Filgħaxija jidħol il-biki, filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ.”15
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi t-tradutturi u l-interpreti ispirati madwar id-dinja li jservu lill-Mulej billi jgħinu lil sħabhom u lill-membri biex “jisimgħu l-milja tal-evanġelju fl-ilsien [tagħhom] stess, u fil-[lingwa] tagħhom stess.”16 Il-vuċi, il-kant, u d-dokumenti tradotti tagħhom iwasslu veritajiet eterni, imma ftit biss minna jafu isimhom jew xi darba jesprimu apprezzament għalihom. Permezz tad-don tal-ilħna li bihom huma tbierku, it-tradutturi u l-interpreti jservu b’mod diliġenti, altruwista, u, bosta drabi, b’mod anonimu biex jgħinu lin-nies ħalli jirċievu ir-rigal spiritwali tal-fidi permezz tal-qari u s-smigħ tal-kelma ta’ Alla.17
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi rġiel u nisa miżżewġin u fidili lejn xulxin li jonoraw r-responsabbiltà tal-patt tagħhom li jġeddu u jimlew l-art, u li huma mberkin bil-qawwa u l-istamina li jissaraw ma’ wliedhom fil-laqgħat tas-sagrament. F’dinja li kull ma jmur qed issir dejjem iktar konfuża u mimlija b’diżastri u prijoritajiet li m’għandhomx ikunu, dawn l-erwieħ qalbiena ma jagħtux każ l-ilħna sekulari li jirrakomandaw l-ego-ċentriżmu; huma jqimu l-qdusija u l-importanza tal-ħajja fil-pjan ta’ Alla għall-kuntentizza ta’ wliedu.
Ħafna koppji miżżewġin jafdaw ukoll f’Alla meta x-xewqat ġusti ta’ qalbhom ma jiġux realizzati kif u meta huma kienu ttamaw u ħolmu. Huma “jittamaw fil-Mulej”18 u ma jirrikjedux li hu jimxi mal-iskadenzi mortali tagħhom. “Għaliex minn ewl id-dinja widna qatt ma semgħet, għajn qatt ma rat Alla bħalek, Alla li jħabrek għal min jittama fih.”19
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi l-eluf u eluf ta’ mexxejja tan-nursery u għalliema tal-primarja li jħobbu u jgħallmu lit-tfal tal-Knisja kull Jum il-Mulej.
Ikkonsidraw l-impatt etern tas-servizz mogħti mingħand dawn id-dixxipli devoti—u l-barkiet meraviljużi li huma mwegħdin lil dawk li jimministraw lit-tfal.
“U [Ġesù] ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom:
“Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni.”20
Il-frażi “fit-triq li mitlubin jimxu fiha” tiddeskrivi tfal iddedikati li bil-ħlewwa kollha qed jieħdu ħsieb ġenituri avvanzati, xi omm imċaħħda mill-irqad li qed tfarraġ lil binha mbeżża’ filwaqt li tgħasses lil darha bħal “iljunessa fil-bieb”,21 membri tal-Knsija li jaslu kmieni u jibqgħu wara l-ħin biex jarmaw s-siġġijiet u jiżbarazzaw wara, u individwi ispirati li jistiednu nies tal-familja, ħbieb, u konoxxenzi biex jiġu u jaraw, biex jiġu u jgħinu, biex jiġu u jibqgħu magħna.22
Jien iddeskrivejt ftit eżempji magħżulin biss ta’ dixxipli ta’ Ġesù Kristu bħalkom li jħarsu l-patti u li huma devoti li qed jaqdfu ’l quddiem “fit-triq li mitlubin jimxu fiha.” Miljuni ta’ eżempji addizzjonali ta’ qaddisin tal-aħħar żmien li joffru “ruħhom kollha”23 lil Alla jinsabu fi djar fejn Kristu huwa l-qofol u f’units tal-Knisja madwar id-dinja kollha.
Intom tħobbu u sservu, tisimgħu u titgħallmu, tindokraw u tagħtu pariri, u tgħallmu u tagħtu xhieda bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Intom issumu u titolbu ta’ spiss, tikbru fis-saħħa tal-umiltà tagħkom, u tikbru dejjem iktar qawwija fil-fidi tagħkom fi Kristu, “sakemm ruħkom imtliet bil‑hena u l‑faraġ, iva, u dan wassal għas‑safa u l‑qdusija ta’ qalbkom, liema qdusija waslet minħabba li intom ssottomettejtu qalbkom għal Alla.”24
Wegħda u Testimonjanza
Dawk tal-aħħar karru, dawk li mhumiex ta’ inqas ħtieġa, u intom li llum qed taqdfu ’l quddiem fit-triq li mitlubin timxu fuqha intom il-qawwa tal-Knisja rrestawrata tas-Salvatur. U l-Mulej wiegħed, “it-tronijiet, id-dominji, il-prinċipalitajiet u l-qawwiet kollha se jiġu żvelati u stabbiliti fuq dawk li baqgħu jikkumbattu b’kuraġġ minħabba l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”25
Kollni hena jien nagħti xhieda li l-Missier fis-Smewwiet u Ibnu l-Maħbub jgħixu, u li l-wegħdiet tagħhom huma minnhom, fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.