Konferenza Ġenerali
Verità Safja, Duttrina Safja, u Rivelazzjoni Safja
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Verità Safja, Duttrina Safja, u Rivelazzjoni Safja

Jekk jogħġobkom araw li f’din il-konferenza intom tiffesteġġjaw permezz tal-messaġġi li se tisimgħu mingħand il-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu.

Għeżież ħuti, merħba għall-konferenza ġenerali! X’ferħ li ninsab hawn magħkom illum! Ilni naħseb dwarkom kważi kontinwament għal dawn l-aħħar sitt xhur. Tlabt dwarkom u għalikom . F’dawn l-aħħar ġimgħat jien tlabt b’intenzjoni li din il-konferenza tkun żmien ta’ rivelazzjoni u riflessjoni għal dawk li jfittxu dawk il-barkiet.

Aħna verament kuntenti li għal darb’oħra qed nerġgħu nkellmukom miċ-Ċentru għall-Konferenza. Il-biċċa l-kbira tas-siġġijiet se jibqgħu vojta, iżda l-preżenza ta’ xi wħud mill-membri tat-Tabernacle Choir huwa pass sabiħ ’il quddiem. Nilqgħukom ilkoll għal din il-konferenza fil-parti l-kbira tagħha virtwali, tinsabu fejn tinsabu.

Aħna għadna qed niffaċċjaw il-ħerba li ħalliet warajha l-COVID-19 u l-varjanti tagħha. Nirringrazzjawkom talli timxu wara l-parir tagħna u tal-esperti mediċi u tal-uffiċjali tal-gvern fil-komunitajiet tagħkom.

Aħna mmexxu kull konferenza ġenerali skont kif niġu mmexijin mill-Mulej.1 Mas-snin il-format tagħha nbidel kemm-il darba. Meta kont għadni ferm iżgħar, il-konferenza kienet iddum tlett ijiem jew erba’. Aktar tard, il-konferenza naqset għal jumejn. Kull messaġġ—dak iż-żmien u llum—huwa r-riżultat ta’ talb ferventi u tant tħejjija spiritwali.

L-Awtoritjiet Ġenerali u l-Uffiċjali Ġenerali tal-Knisja li jitkellmu, jiffokaw il-messaġġi tagħhom fuq is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, fuq il-ħniena tiegħu, u l-qawwa infinita u feddejja tiegħu. Qatt ma kien hawn żmien fl-istorja tad-dinja meta l-għarfien tas-Salvatur tagħna kien aktar personalment importanti u relevanti għal kull ruħ umana. Immaġinaw kemm jiġu solvuti malajr il-kunflitti devastanti madwar id-dinja—u dawk fil-ħajja individwali tagħna—jekk aħna lkoll nagħżlu li nimxu wara Ġesù Kristu u nagħtu widen għat-tagħlim tiegħu.

F’dak l-ispirtu, jien nistedinkom biex tikkonċentraw fuq tliet ħwejjeġ waqt din il-konferenza: il-verità safja, id-duttrina safja ta’ Kristu, u r-rivelazzjoni safja. Bil-kuntrarju għad-dubji ta’ xi wħud, verament jeżisti t-tajjeb u l-ħażin. Verament teżisti l-verità assoluta—verità eterna. Waħda mill-pjagi ta’ żmienna hi li ftit huma n-nies li jafu fuq min għandhom iduru.2 Nassigurakom li dak li se tisimgħu llum u għada jikkonstitwixxi l-verità safja.

Id-duttrina safja ta’ Kristu hija mill-aktar effettiva. Tibdel il-ħajja ta’ dawk kollha li jifhmuha u jippruvaw jimplimentawha f’ħajjithom. Id-duttrina ta’ Kristu tgħinna nsibu t-triq tal-patt u nibqgħu fiha. Li nibqgħu f’dik it-triq dejqa iżda mill-aktar ċara ultimament jikkwalifikana biex nirċievu dak kollu li Alla għandu.3 Xejn ma jista’ jkun ta’ valur aktar minn dak kollu li Missierna għandu!

Finalment, ir-rivelazzjoni safja għall-mistoqsijiet li hemm f’qalbkom tagħmel minn din il-konferenza waħda ta’ sodisfazzjon u indimentikabbli. Jekk għadkom ma fittixtux l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex tgħinkom tisimgħu dak li jridkom tisimgħu l-Mulej f’dawn il-jumejn, nistedinkom tagħmu dan issa. Jekk jogħġobkom araw li f’din il-konferenza intom tiffesteġġjaw permezz tal-messaġġi li se tisimgħu mingħand il-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu. Tgħallmu kif tapplikawhom f’ħajjitkom.

Din hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Aħna l-poplu tiegħu tal-patt. Il-Mulej iddikjara li Hu se jħaffef il-ħidma tiegħu fi żmienha,4 u Hu qed jagħmel dan b’pass mill-aktar mgħaġġel. Aħna privileġġjati li qed nipparteċipaw fil-ħidma mqaddsa tiegħu.

Jien insejjaħ barka fuqkom ilkoll li qed tfittxu aktar dawl, għarfien, u verità. Nesprimi l-imħabba tiegħi lejn kull wieħed u waħda minnkom, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen