“Tħobbni Int Aktar Minn Dawn?”
Xi ħwejjeġ tistgħu tagħmlu f’ħajjitkom biex turu li tħobbu lill-Mulej qabel kollox?
F’Novembru 2019, jiena u ħabib tiegħi morna nżuru l-Art Imqaddsa. Meta konna hemm, aħna rrevedejna u studjajna skrittura dwar il-ħajja ta’ Ġesù Kristu. Għodwa waħda, konna weqfin max-xatt tal-majjistral tal-Baħar tal-Galilija f’post li seta’ kien il-post li fih Ġesù ltaqa’ mad-dixxipli tiegħu wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet.
Wara l-Qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, kif naqraw fi Ġwanni kapitlu 21, Pietru u d-dixxipli l-oħra għaddew il-lejl jistadu bla ma qabdu xejn.1 Filgħodu, huma raw raġel wieqaf max-xatt li qalilhom biex jitfgħu x-xbiek fuq in-naħa l-oħra tad-dgħajsa. B’għaġeb kbir għalihom, ix-xbiek imtela b’mod mirakoluż.2
Huma immedjatament għarfu li dak ir-raġel kien il-Mulej, u telqu jiġru biex jilqgħuh fosthom.
Hekk kif ġibdu x-xbiek, li kien mimli ħut, lejn ix-xatt, Ġesù qal, “Ejjew, kulu.”3 Ġwanni jgħid li “wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru, Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”4
Waqt li kont wieqaf mal-istess xatt il-baħar, irrealizzajt li l-mistoqsija tas-Salvatur kienet waħda mill-aktar mistoqsijiet importanti li xi darba lili għad jistaqsini. Kważi stajt nimmaġina l-leħen tiegħu jistaqsini, “Russell, tħobbni int aktar minn dawn?”
Ġieli staqsejtu lilkom infuskom għal xiex kien qed jirreferi Ġesù meta staqsa lil Pietru, “Tħobbni int aktar minn dawn?”
Jekk nirrelataw din il-mistoqsija magħna nfusna fi żmienna, il-Mulej jaf qed jistaqsina dwar kemm ninsabu impenjati u dwar il-bosta influwenzi pożittivi u negattivi li qed jikkompetu għall-attenzjoni u għall-ħin tagħna. Hu jaf jistaqsi lil kull wieħed u waħda minna jekk inħobbuhx aktar mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Din taf tkun mistoqsija dwar dak li verament ngħożżu f’ħajjitna, wara min qegħdin nimxu, u kif inħarsu lejn ir-relazzjonijiet tagħna mal-membri tal-familja u ma’ għajrna. Jew jaf jistaqsina x’inhu dak li verament iġibilna l-ferħ u l-hena.
Il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jġibulna l-ferħ, l-hena, u l-paċi li s-Salvatur offra lid-dixxipli tiegħu u li qed joffri lilna? Hu biss jista’ jwasslilna l-veru ferħ, hena, u paċi meta aħna nuruh imħabbitna u nimxu wara t-tagħlim tiegħu.
Kif sejrin inwieġbu l-mistoqsija “Tħobbni int aktar minn dawn?”
Meta niskopru tifsira aktar kompleta għal din il-mistoqsija, aħna nkunu nistgħu nsiru membri tal-familja, ġirien, ċittadini, u membri tal-Knisja, u wlied Alla aħjar.
F’ħajti, jien attendejt bosta funerali. Jiena ċert li ħafna minnkom innotajtu dak li nnotajt jien. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tal-membru tal-familja jew tal-ħabib li jkun ħalliena, hi ħaġa vera rari li l-kelliem jitkellem dwar il-kobor tad-dar, in-numru ta’ karozzi, jew il-bilanċ tal-kont tal-bank ta’ dik il-persuna. Normalment ma jitkellmux dwar il-posts ta’ fuq il-midja soċjali. F’ħafna mill-funerali li attendejt, jiffokaw fuq ir-relazzjonijiet, is-servizz lejn ħaddieħor, il-lezzjonijiet u l-esperjenzi tal-ħajja tal-maħbub tagħhom u l-imħabba tiegħu għal Ġesù Kristu .
Tifhmunix ħażin. Mhux qed ngħid li jkollok dar jew karozza sabiħa hi xi ħaġa ħażina jew li tużaw il-midja soċjali ħażin. Li qed ngħid hu li meta mmutu, dawk il-ħwejjeġ ifissru ftit li xejn imqabbla mal-imħabba li għandna lejn is-Salvatur.
Meta nħobbuh u nimxu warajh, aħna jkollna l-fidi fih. Aħna nindmu. Aħna nimxu wara l-eżempju tiegħu u nitgħammdu u nirċievu l-Ispirtu s-Santu. Aħna nibqgħu nirreżistu sal-aħħar u nibqgħu fit-triq tal-patt. Aħna naħfru lill-membri tal-familja u lil għajrna billi ma nibqgħux inżommu l-ħwejjeġ tal-passat fil-komma. Aħna b’ħerqa nagħmlu l-almu tagħna biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Aħna nagħmlu ħilitna biex inkunu ubbidjenti. Aħna nagħmlu u nħarsu l-patti. Aħna nonoraw lil missirijietna u lil ommijietna. Aħna nwarrbu ċerti influwenzi materjali negattivi. Aħna nħejju lilna nfusna għat-Tieni Miġja tiegħu.
F’“Kristu l-Ħaj: Testimonjanza tal-Appostli,” naqraw: “Ġesù xi darba għad jerġa’ lura fid-dinja. … Hu jmexxiha bħala s-Sultan tas-Slaten u jsaltan bħala s-Sid tas-Sidien, u kull irkoppa tintlewa u kull ilsien ilissen kliem ta’ qima quddiemu. Ilkoll kemm aħna nieqfu biex inkunu ġġudikati minnu skont l-għemejjel tagħna u x-xewqat ta’ qalbna.”5
Bħala wieħed mill-Appostli li ffirmajt id-dokument “Kristu l-Ħaj,” nista’ ngħid li l-għarfien tiegħi li Ġesù “hu d-dawl, il-ħajja, u t-tama tad-dinja”6 jagħtini xewqa akbar biex inħobbu aktar kull jum.
Jiena nixhed li Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu jgħixu. Jiena nixhed li Huma jħobbuna. L-iskrittura tgħallem li “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”7 L-iskrittura tgħallem ukoll li Ġesù “hekk ħabb lid-dinja li ta ħajtu, biex dawk kollha li jemmnu jistgħu jsiru wlied Alla.”8
Missierna fis-Smewwiet tant ħabbna li Hu ħejja l-pjan tiegħu tas-salvazzjoni b’Salvatur bħala l-figura ewlenija. U Ġesù tant ħabbna li fil-Kunsill il-kbir fis-Smewwiet, meta Missierna fis-Smewwiet staqsa, “Lil min se nibgħat?” Ġesù, li kien l-ewwel wild fost l-ulied spirti kollha tal-Missier, wieġeb, “Hawn jien, ibgħat lili.”9 Hu qal lill-Missier, “Missier, ikun li trid int, u l-glorja tkun tiegħek għal dejjem.”10 Ġesù offra li jkun is-Salvatur u l-Feddej tagħna ħalli nkunu nistgħu nsiru bħalhom u nerġgħu lura fil-preżenza tagħhom.
Dawn iż-żewġ passaġġi mill-iskrittura jgħallmuna wkoll li biex nerġgħu lura fil-preżenza tagħhom jeħtieġ li nemmnu. Jeħtieġ li nemmnu f’Ġesù u fil-pjan ta’ ferħ ta’ Alla. Li nemmnu jfisser li nħobbu lis-Salvatur tagħna u nimxu warajh u nħarsu l-kmandamenti, anke qalb l-isfidi u l-inkwiet.
Id-dinja tal-lum mhijiex post stabbli. Hi mimlija diżappunt, nuqqas ta’ qbil, tbatija, u distrazzjoni.
Il-President Dallin H. Oaks, meta kien qed jitkellem fl-2017, innota dan li ġej: “Dawn huma żminijiet ta’ sfida, mimlija b’inkwiet kbir: gwerer u xnigħat ta’ gwerer, possibiltà ta’ xi epidemiji ta’ mard infettuż, nixfa kbira, għargħar, u tibdil fil-klima.”11
Aħna ma nistgħux nonqsu fl-imħabba tagħna lejn Ġesù u fit-tama tagħna fih, anke jekk niffaċċjaw ċerti sfidi li jidhru enormi. Missierna tas-Smewwiet u Ġesù qatt mhuma se jħalluna weħidna. Huma jħobbuna.
F’Ottubru li għadda, il-President Russell M. Nelson għallimna dwar l-importanza li npoġġu l-ewwel f’ħajjitna lil Missierna fis-Smewwiet u lil Ġesù Kristu. Il-President Nelson għallimna li waħda mit-tifsiriet tal-kelma Iżrael hi “ħalli lil Alla jiddomina.”12
Hu staqsa lil kull wieħed u waħda minna dawn il-mistoqsijiet: “Inti lest tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek? Lest tħalli kliemu, il-kmandamenti tiegħu, u l-patti tiegħu jinfluwenzaw dak li tagħmel kuljum? Lest tħalli leħnu jieħu prijorità fuq kull leħen ieħor? Inti lest tħalli dak kollu li Hu jeħtieġ minnek jiġi qabel kull ambizzjoni oħra? Inti lest tħalli r-rieda tiegħek tiġi kkunsmata mir-rieda tiegħu?”13
Jeħtieġ dejjem niftakru li l-veru ferħ tagħna jiddependi fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, ma’ Ġesù Kristu, u ma’ xulxin.
Wieħed mill-modi kif nistgħu nuru mħabbitna hu billi ningħaqdu mal-familja, mal-ħbieb, u mal-ġirien biex nagħmlu ċerti ħwejjeġ żgħar biex naqdu lil xulxin aħjar. Nagħmlu ħwejjeġ li jagħmlu minn din id-dinja post aħjar.
Xi ħwejjeġ tistgħu tagħmlu f’ħajjitkom biex turu li tħobbu lill-Mulej qabel kollox?
Hekk kif niffokaw fuq li nħobbu lil għajrna kif iħobbhom Hu, aħna nibdew verament inħobbu lil dawk ta’ madwarna.14
Nerġa’ nistaqsi, intom kif twieġbu l-mistoqsija tas-Salvatur “Tħobbni int aktar minn dawn?”
Hekk kif tikkunsidraw din il-mistoqsija kif għamilt jien, nittama li intom twieġbu kif għamel Pietru snin ilu, “Iva, Mulej; int taf li nħobbok,”15 u mbagħad uru dan billi tħobbu u taqdu lil Alla u lil dawk kollha ta’ madwarkom.
Nixhed li aħna verament imberkin li għandna l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li jiggwidana fil-mod kif ngħixu u nittrattaw lil xulxin. Fih niskopru li wliedu kollha huma prezzjużi ħafna għalih.
Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa l-maħbub Salvatur tagħna. Huwa l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla. U b’umiltà naqsam magħkom din it-testimonjanza f’isem Ġesù Kristu, amen.