Il-Fidi li Nistaqsu u Mbagħad Naġixxu
Il-fidi f’Ġesù Kristu hi s-sigriet kif nirċievu r-rivelazzjonijiet tal-verità.
Għeżież ħuti, jiena grat għal din l-opportunità li għandi li nitkellem magħkom f’din is-sessjoni tas-Sibt filgħaxija tal-konferenza ġenerali. Fl-introduzzjoni tiegħu dalgħodu għall-konferenza, il-President Russell M. Nelson qal li “ir-rivelazzjoni safja għall-mistoqsijiet li hemm f’qalbkom tagħmel din il-konferenza waħda ta’ sodisfazzjon u indimentikabbli.” Jekk għadkom ma fittixtux l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex tgħinkom tisimgħu dak li jridkom tisimgħu l-Mulej f’dawn il-jumejn, nistedinkom tagħmu dan issa.”1 Jien fittixt li nikseb dik il-barka hekk kif ħejjejt li nirċievi r-rivelazzjoni għal din il-laqgħa magħkom. Jien b’ħerqa nitlob li intom tirċievu r-rivelazzjoni mingħand Alla.
Il-mod kif tirċievu r-rivelazzjoni mingħand Alla baqa’ ma nbidilx minn żmien Adam u Eva ’l hawn. Għadu l-istess għal dawk kollha msejħin bħala qaddejja tal-Mulej kif kien mill-bidu taż-żmien sal-lum. Għadu l-istess għalija u għalikom. Dan iseħħ dejjem billi neżerċitaw il-fidi.2
It-tfajjel Joseph Smith kellu fidi biżżejjed li jistaqsi mistoqsija lil Alla, fejn emmen li Alla kien se jisma’ l-bżonn sinċier tiegħu. It-tweġiba li rċieva biddlet lid-dinja. Hu ried ikun jaf ma’ liema knisja kellu jingħaqad biex jitnaddaf mid-dnub. It-tweġiba li rċieva ħeġġitu biex ikompli jistaqsi saħansitra mistoqsijiet aħjar u jaġixxi skont in-nixxiegħa kontinwa ta’ rivelazzjoni li kienet għadha kif bdiet tnixxi.3
Jista’ jkun li l-esperjenza tagħkom f’din il-konferenza tkun waħda simili. Intom għandkom mistoqsijiet li qed tfittxu tweġiba għalihom. Intom għandkom għallinqas fidi biżżejjed li tittamaw li sejrin tirċievu tweġiba mingħand il-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu.4 Intom mhux se jkollkom l-opportunità li tistaqsu vokalment biex tiksbu tweġiba mingħand il-kelliema, iżda tistgħu tistaqsu lil Missierkom li tant iħobbkom meta titolbuh.
Jien naf minn esperjenza personali li t-tweġibiet jaslu skont il-bżonnijiet u t-tħejjija spiritwali tagħkom. Jekk tridu tiksbu risposta għall-ġid etern tagħkom jew ta’ ħaddieħor, hemm ferm aktar ċans li r-risposta tirċevuha. Madankollu, anke hawn, intom tafu tirċievu—kif irċieva Joseph Smith—tweġiba biex turu ftit tas-sabar.5
Jekk il-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu wasslet biex qalb tirtab permezz tal-effetti tal-Espjazzjoni tiegħu, intom tkunu tistgħu tħossu aktar il-leħen sieket tal-Ispirtu fit-tweġiba għal talbkom. L-esperjenza personali tiegħi hi li l-leħen ħelu u sieket—li hu reali—hu wieħed ċar u li jingħaraf ġewwa moħħi meta fija nħoss ċerta kalmezza u sottomissjoni għar-rieda tal-Mulej. Dak is-sentiment ta’ umiltà nistgħu l-aħjar niddiskrivuh bħala “Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.”6
Dan il-proċess ta’ rivelazzjoni hu r-raġuni għalfejn f’din il-konferenza tisimgħu kelliema jgħallmu dik li tissejjaħ id-duttrina ta’ Kristu.7 Ir-rivelazzjoni niksbuha skont kemm aħna fittixna li naċċettaw id-duttrina ta’ Kristu f’qalbna u nimplimentawha f’ħajjitna.
Tiftakru fil-Ktieb ta’ Mormon meta Nefi għallimna li l-fidi f’Ġesù Kristu hi s-sigriet ta’ kif nirċievu r-rivelazzjonijiet tal-verità u s-sigriet ta’ kif ikollna l-kunfidenza li aħna ninsabu mexjin wara d-direzzjoni tas-Salvatur. Nefi kiteb il-kliem li ġej sekli sħaħ qabel it-twelid ta’ Ġesù Kristu fil-mortalità:
“L-anġli jitkellmu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; għalhekk, huma jnisslu kliem Kristu. “Iffestiġġjaw permezz ta’ kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.
“Għalhekk, issa wara li tennejt dan il-kliem, jekk intom ma tistgħux tifhmuh, dan hu għaliex ma tistaqsux, u lanqas tħabbtu; għalhekk, intom ma tistgħux tinġiebu fid-dawl, iżda sejrin tinqerdu fid-dalma.
“Għax araw, se nerġa’ ngħidilkom li jekk intom tidħlu mill-mogħdija, u tirċievu l-Ispirtu s-Santu, hu jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.
“Araw, din hi d-duttrina ta’ Kristu, u mhux se tingħata aktar duttrina qabel ma hu juru lilu nnifsu lilkom fil-ġisem. U meta hu juri lilu nnifsu lilkom fil-ġisem, il-ħwejjeġ li huwa jgħidilkom intom għandkom taraw li twettquhom.”8
Il-Mulej jgħid lilkom u lili ċerti affarijiet permezz tal-qaddejja tiegħu llum u fiż-żmien li ġej. Hu jgħidilna dak li għandna nagħmlu.9 M’aħniex se nisimgħu lis-Salvatur jgħidilna b’leħen għoli x’għandna nagħmlu. Kif għallem Elija:
“U Alla wieġbu, Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej. U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ: u wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża:
“U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar: wara n-nar inħasset żiffa ħelwa.”10
Nisimgħux dak il-leħen jiddependi mill-fidi tagħna fih. Jekk ikollna biżżejjed fidi, aħna nitolbuh jidderiġina bl-intenzjoni li mmorru u nwettqu dak kollu li jitlobna.11 Aħna nkunu żviluppajna l-fidi li nkunu nafu li kull ħaġa li jitlob minna se tbierek lil ħaddieħor, u fil-proċess aħna nistgħu nissaffew minħabba l-imħabba tiegħu għalina.
Kif il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu tkun wasslitna biex nistaqsu lill-Missier għal xi tweġiba, dik il-fidi tkun wasslet ukoll biex inħossu lis-Salvatur imissna bit-tmellisa tiegħu li tkun biżżejjed għalina biex nisimgħu d-direzzjoni tiegħu u nkunu determinati u ħerqana li nobduh. Imbagħad aħna nkantaw b’ferħ il-kliem tal-għanja, anke meta l-ħidma tkun diffiċli: “Ħelwa l-ħidma, O Alla u Sultan tiegħi.”12
Aktar ma jkollna d-duttrina ta’ Kristu f’ħajjitna u f’qalbna, aktar nistgħu nħossu mħabba u simpatija akbar għal dawk li qatt ma kellhom il-barkiet tal-fidi f’Ġesù Kristu jew li qed isibuha diffiċli li jsostnuha. Diffiċli li nħarsu l-kmandamenti tal-Mulej mingħajr ma jkollna l-fidi u l-fiduċja fih. Waqt li xi wħud jitilfu l-fidi tagħhom fis-Salvatur, huma jafu anke jispiċċaw jattakkaw il-parir li jagħti, fejn it-tajjeb isejħulu ħażin u l-ħażin tajjeb.13 Biex nevitaw dan l-iżball traġiku, hu importanti ferm li kull rivelazzjoni personali li nirċievu tkun f’armonija mat-tagħlim tal-Mulej u tal-profeti tiegħu.
Ħuti, aħna neħtieġu l-fidi biex inkunu ubbidjenti lejn il-kmandamenti tal-Mulej. Neħtieġu l-fidi f’Ġesù Kristu biex naqdu lil ħaddieħor f’ismu. Neħtieġu l-fidi biex immorru ngħallmu l-evanġelju tiegħu u noffruh lil nies li jafu ma jħossux il-leħen tal-Ispirtu jew li jafu anke jiċħdu r-realtà tal-messaġġ. Iżda hekk kif neżerċitaw il-fidi tagħna fi Kristu—u nimxu wara l-profeta ħaj tiegħu—il-fidi madwar id-dinja tikber. Minħabba t-teknoloġija, jista’ jkun li f’din it-tmiem il-ġimgħa aktar minn fost ulied Alla se jisimgħu u jagħrfu l-kelma ta’ Alla minn kull jumejn oħra fl-istorja.
B’fidi akbar li din hi l-Knisja tal-Mulej u s-saltna tiegħu fuq l-art, aktar membri jħallsu d-dieċmi u jagħtu l-flus biex jassistu lil dawk fil-bżonn, anke waqt li dawk il-membri qed jiffaċċjaw l-isfidi tagħhom. B’fidi li huma ġew imsejħin minn Ġesù Kristu, il-missjunarji madwar id-dinja sabu modi biex jegħlbu l-isfidi riżultat ta’ pandemija, u jagħmlu dan b’kuraġġ u bi tbissima. U fl-isforz akbar tagħhom, il-fidi tagħhom issaħħet.
L-oppożizzjoni u l-isfidi minn dejjem kienu art fertili minn fejn tikber il-fidi. Minn dejjem hekk kien, speċjalment mill-bidu tar-Restawrazzjoni u t-twaqqif tal-Knisja tal-Mulej.14
Dak li l-President George Q. Canon qal żmien twil ilu għadu jgħodd illum u se jibqa’ jgħodd sakemm is-Salvatur jiġi personalment biex imexxi lill-Knisja u lill-poplu tiegħu: “L-ubbidjenza lejn l-Evanġelju twassal lin-nies biex ikunu f’relazzjoni intima u mill-qrib mal-Mulej. Tixtabbilixxi konnessjoni mill-viċin bejn il-bnedmin fid-dinja u l-Ħallieq il-Kbir tagħna fis-smewwiet. Twassal fil-moħħ uman sentiment ta’ kunfidenza perfetta fis-Setgħan u fir-rieda tiegħu li jisma’ u jwieġeb is-suppliki ta’ dawk li jafdaw fih. Fi żmien ta’ sfida u diffikultà din il-kunfidenza hi xi ħaġa imprezzabbli. L-individwi u l-popli jafu jiffaċċjaw l-inkwiet u jintlaqtu minn xi diżastru u bħallikieku taf tkun spiċċat kull tama umana, madankollu, kull meta n-nies ikunu għamlu użu mill-privileġġi li ġġib magħha l-ubbidjenza lejn l-Evanġelju, huma jkunu jinsabu f’post sod; riġlejhom ikunu fuq blata li ma tistax tiċċaqlaq.”15
Hi t-testimonjanza tiegħi li l-blata li ninsabu fuqha hija x-xhieda li Ġesù hu l-Kristu; li din hi l-Knisja tiegħu li lilha Hu jmexxi personalment, u li l-President Russell M. Nelson hu l-profeta ħaj tiegħu llum.
Il-President Nelson ifittex u jirċievi d-direzzjoni mingħand il-Mulej. Għalija hu eżempju ta’ bniedem li jfittex dik id-direzzjoni b’determinazzjoni li jimxi warajha. Dik l-istess determinazzjoni li tkun ubbidjenti għad-direzzjoni tal-Mulej tinsab fil-qalb ta’ dawk kollha li tkellmu jew se jitkellmu, jitolbu, jew ikantaw f’din il-konferenza ġenerali tal-Knisja tiegħu.
Nitlob li dawk madwar id-dinja li jaraw jew jisimgħu din il-konferenza jħossu fihom l-imħabba li l-Mulej għandu għalihom. Missierna fis-Smewwiet wieġeb it-talba tiegħi li jien inkun nista’ nħoss għallinqas parti żgħira mill-imħabba li s-Salvatur għandu għalikom u għal Missieru fis-Smewwiet, li hu Missierna fis-Smewwiet.
Jiena nixhed li Ġesù Kristu jgħix. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Din hi l-Knisja tiegħu. Hu jinsab imexxiha. Hu, flimkien ma’ Missieru fis-Smewwiet, deher personalment lil Joseph Smith f’bosk ġewwa New York. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u s-saċerdozju tiegħu ġew irrestawrati permezz ta’ messaġġiera mis-smewwiet.16 Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jiena naf li dan hu minnu.
Nitlob li intom tiksbu l-istess xhieda. Nitlob li titolbu lil Missierna fis-Smewwiet għall-fidi f’Ġesù Kristu li intom tant teħtieġu biex tagħmlu u żżommu l-patti li jippermettu li l-Ispirtu s-Santu jkun is-sieħeb kostanti tagħkom. Inħallikom billi nagħtikom l-imħabba u x-xhieda ċerta tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.