Konferenza Ġenerali
Dar ta’ Ordni Sekwenzjali
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Dar ta’ Ordni Sekwenzjali

Osservazzjoni partikolari li għamilt hija li “ordni sekwenzjali” hija mod sempliċi, naturali, u effettiv kif il-Mulej jgħallem, lilna, uliedu, prinċipji importanti.

Fil-ħajja professjonali tiegħi u fis-servizz tiegħi fil-Knisja, għamilt dak li qed nagħmel issa eluf ta’ drabi—biss qatt quddiem il-15-il raġel bilqiegħda quddiemi. Inħoss it-talb tagħkom u tagħhom.

Twelidt fir-Renju ta’ Tonga fil-Paċifiku ta’ Isfel imma trabbejt l-Amerka ta’ Fuq. Il-pandemija żammet mijiet, jekk mhux eluf, ta’ missjunarji żgħażagħ Tongani li jservu madwar id-dinja milli jirritornaw lejn il-pajjiż tant maħbub tagħhom peress li l-fruntieri magħluqin. Xi presbiteri Tongani ilhom fuq il-missjoni tagħhom għal tliet snin, u xi aħwa nisa għal iktar minn sentejn! Kollhom paċenzja, jistennew b’dik il-fidi li l-poplu tagħna huwa tant magħruf għaliha. Sadanittant, tantx tinkwetaw jekk xi wħud minnhom li qed iservu fl-oqsma u l-utied tagħkom kull ma jmur qed isiru bħali—mdaħħlin fiż-żmien u qed joħorġilhom l-abjad. Ninsabu grati għall-missjunarji kullimkien għas-servizz devot tagħhom, anki jekk itwal jew iqsar milli kienu ħasbu minħabba l-pandemija.

Darba waħda l-Ħadd meta jien kont djaknu, kif kont fil-fojer bit-trej tal-ilma nqassam is-sagrament daħlet mara fil-post. Kif kien dmiri li nagħmel, mort fuqha u newwiltilha t-trej. Sellmitli, tbissmet, u ħadet tazza ilma. Kienet waslet tard wisq biex tirċievi l-ħobż. Ftit żmien wara din l-esperjenza, l-għalliem tad-dar tiegħi, Ned Brinley, għallimni li ħafna aspetti u barkiet tal-evanġelu ta’ Ġesù Kristu jingħatawlna f’ordni sekwenzjali.

Iktar tard dik il-ġimgħa, Ned Brimley u l-kollega tiegħu ġew id-dar tagħna u tawna lezzjoni memorabbli. Ned fakkarna li kien hemm ordni ta’ kif Alla ħoloq id-dinja. Il-Mulej spjega lil Mosè b’reqqa kbira l-ordni li biha Huwa ħoloq id-dinja. L-ewwel, beda billi feraq id-dawl mid-dlam, imbagħad l-ilma mill-art xotta. Żied il-pjanti u l-annimali qabel ma ta lill-pjaneta ġdida l-ikbar kreazzjoni tiegħu: il-bniedem, billi beda b’Adam u Eva.

“U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom. …

“U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġenesi 1:27, 31).

Il-Mulej kien kuntent. U straħ fis-seba’ jum.

L-ordni sekwenzjali li biha d-dinja nħolqot mhux biss tagħtina titwila ta’ dak li huwa l-iktar importanti għal Alla, iżda wkoll għaliex u għal min Huwa ħalaq id-dinja.

Ned Brimley u l-familja

Ned Brimley emfasizza l-lezzjoni ispirata tiegħu b’dikjarazzjoni sempliċi: “Vai, id-dar ta’ Alla hija waħda ta’ ordni. Hu jistenna li inti tgħix ħajtek b’ordni. F’sekwenza kif għandu jkun. Iridek isservi missjoni qabel ma tiżżewweġ.” Dwar dan il-punt, il-mexxejja tal-Knisja bħalissa jgħallmu li “il-Mulej jistenna kull żagħżugħ kapaċi biex jitħejja ħalli jservi. … Nisa żgħażagħ … li jixtiequ jservu għandhom ukoll jitħejjew” ( General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 24.0, ChurchofJesusChrist.org). Il-Presbiteru Brimley kompla: “Alla jridek tiżżewweġ qabel ma jkollok it-tfal. U jridek tiżviluppa bla waqfien it-talenti tiegħek waqt li tikseb l-edukazzjoni.” Jekk tagħżel li tgħix ħajtek barra mis-sekwenza, se ssib il-ħajja iktar diffiċli u mħawda.

Il-Presbiteru Brimley għallimna wkoll li permezz tas-sagrifiċċju tiegħu tal-espjazzjoni, is-Salvatur jgħinna biex nirrestawraw l-ordni f’ħajjitna li, minħabba l-għażliet ħżiena tagħna, jew ta’ oħrajn, sfat imħawda u ’l barra mis-sekwenza.

Minn dak iż-żmien, kelli faxxinu għall-“ordni sekwenzjali.” Ħadt id-drawwa li nfittex mudelli sekwenzjali fil-ħajja u fl-evanġelju.

Il-Presbiteru David A. Bednar għallem dan il-prinċipju: “Meta nistudjaw, nitgħallmu, u ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, is-sekwenza hija spiss istruttiva. Ikkunsidraw, per eżempju, il-lezzjonijiet li nitgħallmu dwar prijotitajiet mill-ordni ta’ avvenimenti ewlenin li seħħew waqt li l-milja tal-evanġelju tas-Salvatur kienet irrestawrata f’dan l-aħħar żmien.”

Il-Presbiteru Bednar silet l-Ewwel Viżjoni u l-ewwel dehra ta’ Moroni lil Joseph Smith bħala avvenimenti kif fil-bidu t-tfajjel profeta ġie mgħallem in-natura u l-karattru ta’ Alla, segwiti bl-irwol li l-Ktieb ta’ Mormon u Elija kien se jkollhom fil-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu fl-aħħar dispensazzjoni.

Il-Presbiteru Bednar jikkonkludi: “Din is-sekwenza ispiratorja hija istruttiva dwar il-ħwejjeġ spiritwali tal-ogħla prijorità lid-Divinità” (“The Hearts of the Children Shall Turn,” Liahona, Nov. 2011, 24).

Osservazzjoni partikolari li għamilt hija li “ordni sekwenzjali” hija mod sempliċi, naturali, u effettiv kif il-Mulej jgħallem, lilna, uliedu, prinċipji importanti.

Ġejna fid-dinja biex nitgħallmu u niksbu esperjenza li kieku konna nibqgħu mingħajrha. Il-mod kif nikbru huwa uniku għal kulll wieħed u waħda minna u parti vitali mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. It-tkabbir fiżiku u spiritwali jibda fi stadji u jiżviluppa bilmod aħna u niksbu esperjenza sekwenzjalment.

Alma jagħmel diskors qawwi fuq il-fidi—filwaqt li jieħu mill-analoġija taż-żerriegħa, li, jekk wieħed jindokra u jgħajjex kif imiss, tinbet biex minn xitla ċkejkna tikber f’siġra għolja u matura li tipproduċi frott mill-aktar delizzjuż (ara Alma 32:28–43). It-tagħlima hi li l-fidi tagħkom se tikber hekk kif intom tħallu post fi qlubkom għaż-żerriegħa—jew il-kelma ta’ Alla—u tgħixuha. Il-fidi tagħkom se tikber hekk kif il-kelma ta’ Allla tibda “tintefaħ f’sidirkom” (vers 28). Li hija “tintefaħ, u tinbet, u tibda tikber” (vers 30) hi xi ħaġakemm viżwali kif ukoll istruttiva. Huwa wkoll sekwenzjali.

Il-Mulej jgħallimna individwalment skont il-kapaċità tagħna li nitgħallmu u kif nitgħallmu. It-tkabbir tagħna jiddependi kollu kemm hu fuq kemm għandna rieda, kurżità naturali, livell ta’ fidi, u fehim.

Nefi kien mgħallem dak li Joseph Smith kellu jitgħallem f’Kirtland, Ohio, iktar minn 2,300 sena wara: “Għax araw, hekk jgħid il-Mulej: Jiena nagħti lil ulied il-bnedmin linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm; u mberkin dawk li jagħtu kas tal-preċetti tiegħi, u jiftħu widnejhom għall-parir tiegħi, għaliex huma jitgħallmu l-għerf” (2 Nephi 28:30).

Li nitgħallmu “linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm,” hi għal darb’oħra xi ħaġa sekwenzjali.

Ikkonsidraw id-dikjarazzjonijiet li ġejjin li ilna nisimgħu prattikament ħajjitna kollha: “L-iktar ħwejjeġ importanti jiġu l-ewwel” jew “Agħtihom il-ħalib qabel il-laħam.” U x’tgħiduli għal “Jeħtiġilna nimxu qabel niġru”? Kull waħda minn dawn l-assjomi tiddeskrivi xi ħaġa li hija sekwenzjali.

Il-mirakli joperaw skont ordni sekwenzjali. Il-mirakli jseħħu meta aħna l-ewwel neżerċitaw il-fidi. Il-fidi tiġi qabel il-miraklu.

Irġiel żgħażagħ huma wkoll ordnati għall-uffiċċji tas-Saċerdozju ta’ Aron f’sekwenza, skont l-età ta’ dak li qed jiġi ordnat: djaknu, għalliem, u mbagħad qassis.

L-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni huma sekwenzjali fin-natura tagħhom. Niġu mgħammdin qabel ma nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Bl-istess mod, l-ordinanzi tat-tempju huma sekwenzjali. M’għandniex xi ngħidu, kif il-ħabib tiegħi Ned Brimley għallimni b’tant għerf, is-sagrament huwa sekwenzjali—jibda bil-ħobż, u jkompli bl-ilma.

“Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal, Ħudu, kulu; dan hu ġismi.

“Mbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal, Ixorbu lkoll minnu;

“Għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet” (Mattew 26:26–28).

F’Ġerusalemm u fil-Kontinet Amerikan, is-Salvatur waqqaf is-sagrament eżatt fl-istess ordni.

“Araw, dari hija dar tal-ordni, jgħid il-Mulej Alla, u mhux dar tat-taħwid” (Doctrine and Covenants 132:8).

L-Indiema hija sekwenzjali. Tibda permezz tal-fidi tagħna fi Kristu, anki jekk hija biss farka. Il-fidi teħtieġ l-umiltà, li hija element essenzjali biex wieħed ikollu “qalb maqsuma u spirtu sogħbien” (2 Nephi 2:7).

Sewwasew, l-ewwel erba’ prinċipji tal-evanġelju huma sekwenzjali. “Aħna nemmnu li l-ewwel prinċipji u ordinanzi tal-Evanġelju huma: l-ewwel, Fidi fil-Mulej Ġesù Kristu; it-tieni, l-Indiema; it-tielet, Magħmudija b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet; ir-raba’, it-Tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu” (Artikli tal-Fidi 1:4).

Is-Sultan Benjamin għallem lill-poplu tiegħu din il-verità importanti: “U araw li dal-ħwejjeġ kollha jitwettqu fl-għerf u l-ordni; għaliex ma jaqbilx li raġel jiġri b’iżjed ħeffa milli għandu saħħa. Mhux hekk biss, talli għandu jkun diliġenti, sabiex hekk ikun jista’ jirbaħ il-premju; għaldaqstant, il-ħwejjeġ kollha għandhom isiru fl-ordni” (Mosiah 4:27).

Jalla ngħixu ħajjitna b’ordni u nfittxu li nsegwu s-sekwenza li l-Mulej fassal għalina. Inkunu mberkin meta nfittxu u nsegwu il-mudelli u s-sekwenza li fihom il-Mulej jgħallimna x’inhu l-iktar importanti għalih. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.