L-isem tal-Knisja Mhuwiex Negozjabbli
Meta minn jeddna nimxu wara l-parir tal-Mulej kif żvelat permezz tal-profeta ħaj tiegħu, speċjalment jekk ma jkunx jaqbel mal-ħsieb inizjali tagħna, u li jkun jeħtieġ minna l-umiltà u s-sagrifiċċju, il-Mulej iberikkna b’aktar qawwa spiritwali.
Waqt konferenza għall-istampa fis-16 ta’ Awwissu, 2018, il-president Russell M. Nelson qal: “Il-Mulej kellimni f’moħħi dwar l-importanza tal-isem li Hu żvela għall-Knisja tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.1 Aħna għandna ħidma quddiemna li nġibu lilna nfusna f’armonija mar-rieda tiegħu.”2
Jumejn wara, fit-18 ta’ Awwissu, jiena kont mal-President Nelson f’Montreal, il-Kanada. Wara l-laqgħa li kellna mal-membri f’post mill-aktar impressjonanti, il-Palais de Congrés, il-President Nelson wieġeb il-mistoqsijiet mill-ġurnalisti. Hu għaraf li kienet se “tkun ta’ sfida li [nistabbilixxu mill-ġdid l-isem tal-Knisja, u] nħottu tradizzjoni ta’ aktar minn mitt sena.” Iżda, kompla jgħid, “l-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli.”3
Seba’ ġimgħat wara, il-President Nelson tkellem fil-konferenza ġenerali: “Jiena għamilt dan għaliex il-Mulej kellimni f’moħħi dwar l-importanza tal-isem li Huwa żvela għall-Knisja tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. … Kien is-Salvatur innifsu li qal, ‘Għax hekk għandkom issejħulha l-knisja tiegħi.’” Imbagħad il-President Nelson reġa’ qal, “L-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli.”4
Mistoqsija Tajba
Hawn qamet mistoqsija tajba: Għalfejn issa, meta għal għexieren ta’ snin aħna lkoll għożżejna l-laqam “Mormoni”? “Il-Kor tat-Tabernaklu Mormon,” il-vidjo juri “Jiena Mormon,” l-għanja tal-Primarja “Jien tifel Mormon”?
Id-duttrina ta’ Kristu ma tinbidel qatt u hi eterna. Madankollu, ċerti passi speċifiċi u importanti fil-ħidma tas-Salvatur jiġu żvelati fiż-żmien opportun. Dalgħodu l-President Nelson qal, “Ir-Restawrazzjoni hi proċess, mhux avveniment.”5 U l-Mulej qal: “Kollox jiġi fis-seħħ fi żmienu.”6 Issa hu żmienna, u aħna qed nerġgħu nistabbilixxu l-isem tal-Knisja.
L-identità u d-destin tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jeħtieġu li aħna niġu msejħin b’ismu. M’ilux kont f’Kirtland, Ohio, fejn il-Profeta Joseph Smith, flimkien ma’ numru żgħir ta’ membri tal-Knisja, ħabbar, “Din il-Knisja se tinfirex mal-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel—se tinfirex mad-dinja.”7 Il-Mulej iddeskriva l-ħidma ta’ din id-dispensazzjoni bħala waħda ta’ “għeġubijiet mill-aktar kbar.”8 Hu tkellem dwar “patt [li kien se] jiġi fis-seħħ fl-aħħar żminijiet,” li jwassal biex “id-dinja … kollha tiġi mbierka.”9
Il-kliem ta’ din il-konferenza qed jiġi tradott b’mod dirett f’55 lingwa. Eventwalment, dan il-kliem se jinstama’ u jinqara f’98 lingwa f’aktar minn 220 pajjiż u territorju.
Meta s-Salvatur jerġa’ lura fil-maestà u l-glorja, il-membri fidili tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien se jkunu fost il-ġnus kollha, il-popli kollha, ir-razez kollha, u l-kulturi kollha tad-dinja.
L-Influwenza Dejjem Tikber tal-Knisja
L-influwenza tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu mhux se tkun biss fuq dawk li huma membri tal-Knisja. Minħabba ċerti manifestazzjonijiet divini fi żmienna, minħabba l-iskrittura sagra rrestawrata fid-dinja, u d-don qawwi tal-Ispirtu s-Santu, aħna se nkunu ta’ dawl jiddi fuq l-għolja hekk kif id-dell mudlam tan-nuqqas ta’ twemmin f’Ġesù Kristu se jdallam lid-dinja. Għalkemm se jkunu ħafna li se jagħtu ċ-ċans lid-dinja li ddgħajfilhom il-fidi tagħhom fil-Feddej, aħna mhux se “niċċaqalqu mill-post li qegħdin fih.”10 Il-Kristjani li mhumiex fost il-membri tagħna se jilqgħu l-irwol tagħna u x-xhieda ċerta tagħna ta’ Kristu. Anke dawk il-Kristjani li kienu jħarsu lejna b’xettiċiżmu sejrin jikkunsidrawna bħala ħbieb. F’dan iż-żmien li ġej, aħna se nissejħu bl-isem ta’ Ġesù Kristu.
Nirringrazzjawkom għall-isforzi nobbli tagħkom biex ixxandru l-isem veru tal-Knisja. Fil-konferenza ta’ tliet snin ilu, il-President Nelson wegħedna li l-isforz rigoruż tagħna li nużaw l-isem korrett tal-Knisja tas-Salvatur … se jwasslilna fidi akbar u aktar aċċess għal qawwa spiritwali akbar.”11
Din il-wegħda ġiet fis-seħħ permezz ta’ dixxipli devoti madwar id-dinja.12
Brother Lauri Ahola mil-lvant tal-Istati Uniti jammetti li xi kultant hu jsib ruħu xi ftit skomdu biex joqgħod jgħid lil ħaddieħor l-isem sħiħ tal-Knisja. Iżda minħabba l-parir tal-profeta, huwa jagħmel dan. Darba waħda, hu mar jara ħabib tiegħu fi knisja ta’ twemmin differenti. Dan hu kliemu:
Ħabib staqsieni, “Inti Mormon?”
Jien weġibtu “Iva, jien membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.’ Hu beda jistaqsini diversi mistoqsijiet, kollha jibdew permezz ta’ “Allura l-Knisja Mormona temmen … ?’ U kull darba, jien nibda t-tweġiba tiegħi bil-frażi: “Fil-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, aħna nemmnu …’
“… Meta hu nnota li jien ma kontx qed naċċetta t-titlu ‘Mormon,’ hu staqsieni bla tlaqliq, “Allura inti mhux Mormon?’
“Għalhekk jien staqsejtu jekk kienx jaf min kien Mormon—u ma kienx jaf. Jien għidtlu li Mormon kien profeta … [u li kont inħossni] onorat li nassoċċja ruħi miegħu.
“‘Iżda,’ komplejt jien, ‘Mormon ma mietx għal dnubieti. Mormon ma … batiex fil-Ġetsemani jew miet fuq is-salib [għalija]. … Ġesù Kristu hu Alla tiegħi u s-Salvatur tiegħi. … U hu permezz ta’ ismu li jien irrid li nkun imsejjaħ. …’
“… U wara ftit sekondi ta’ skiet, huwa qal, ‘Allura, inti Kristjan!’”13
Tiftakru il-kliem tal-President Nelson? “Inwegħidkom li jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nirrestawraw l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej, Dak illi tiegħu hija din il-Knisja jixħet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien il-qawwa u l-barkiet tiegħu b’abbundanza li qatt ma ġiet esperjenzata qabel.”14
Il-Mulej Dejjem Jiftaħ it-Triq
Il-Mulej dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu. Hu jiftħilna t-triq hekk kif inwettqu l-ħidma tiegħu.
Aħna għamilna snin nittamaw li nixtru s-siti tal-dominju tal-internet ChurchofJesusChrist.org u ChurchofJesusChrist.com. L-ebda wieħed ma kien għall-bejgħ. Fi żmien it-tħabbira tal-President Nelson, it-tnejn f’daqqa waħda saru disponibbli. Kien miraklu.15
Il-Mulej għen ukoll fl-isforzi tagħna biex nirrevedu l-ismijiet li kienu ilhom żmien assoċjati mal-Knisja.
Bħala parti mill-mixja tagħna ’l quddiem, l-isem tal-Mormon Tabernacle Choir inbidel għal The Tabernacle Choir at Temple Square. Il-website LDS.org, li kellha aktar minn 21 miljun żjara fix-xahar, inbidlet għal ChurchofJesusChrist.org.16 L-isem tal-LDS Business College inbidel għal Ensign College. Il-website Mormon.org issa se tieħdok f’ChurchofJesusChrist.org. Ingħata isem mill-ġdid lil aktar minn elf prodott li kellu fuqu l-isem “Mormon” jew “LDS.” Qaddisin tal-Aħħar Żmien fidili għamlu ċertu tibdil fil-websites, fil-podcasts, u fl-ekkawnts ta’ Twitter tagħhom.
Aħna adottajna simbolu ġdid iċċentrat fuq Ġesù Kristu.
“Fiċ-ċentru tas-simbolu hemm rappreżentazzjoni tal-istatwa tal-irħam ta’ Thorvaldsen, il- Christus. Din turi il-Mulej ħaj imqajjem mill-imwiet b’dirgħajh miftuħin biex iħaddan lil dawk kollha li jersqu lejh.
“B’mod simboliku, Ġesù Kristu jinsab wieqaf taħt arkata [biex ifakkarna] fis-Salvatur imqajjem mill-imwiet ħiereġ mill-qabar.”17
It-tipografija tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġiet adattata f’aktar minn 50 lingwa. Issa ksibna ismijiet ġodda tad-dominju madwar id-dinja.
Apprezzament għall-Għajnuna ta’ Ħaddieħor
Napprezzaw il-ħafna nies twajbin u grazzjużi li onoraw ix-xewqa tagħna li nibdew nissejħu bl-isem korrett tagħna. M’ilux qrajt artiklu li jikkwota wieħed kardinal Kattolku li jirreferi għal “qaddisin tal-aħħar żmien.”18 Waqt laqgħa li kelli xahar ilu ma’ mexxej ta’ knisja Kristjana fil-Lvant tal-Istati Uniti, hu rrefera għall-Knisja fl-ewwel referenza tiegħu bl-isem sħiħ tagħha, u wara kompla billi juża “Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.”
Aħna nagħrfu li wieħed iżid sitt kelmiet oħra mal-isem ma tkunx xi ħaġa ideali għall-midja, iżda kif diġà qalilna l-President Nelson, “il-midja responsabbli tirrispondi b’mod xieraq għat-talba tagħna.”19 Grazzi talli kkunsidrajtu wkoll li kif tagħmlu ma’ organizzazzjonijiet kulturali, atletiċi, politiċi, jew komunitarji, tirrefru għalina wkoll bl-isem li aħna nixtiequ.
Se jkun hemm xi ftit li, biex jippruvaw jiżvijjaw jew inaqqsu s-serjetà tal-missjoni tagħna, ikomplu jsejħulna “Mormoni” jew “il-Knisja Mormona.” B’sens ta’ korteżija, nerġgħu nitolbu lin-nies tal-midja ta’ rieda tajba biex jonoraw ix-xewqa tagħna li niġu indirizzati bl-isem li ilu magħna għal kważi 200 sena.
Il-Kuraġġ tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien
Hawn eluf kbar ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien li b’kuraġġ jiddikjaraw l-Isem tal-Knisja. Hekk kif nagħmlu l-parti tagħna, oħrajna jagħmlu bħalna. Din hi storja minn Taħiti li verament inħobb.
Iriura Jean, tifla ta’ għaxar snin, iddeċidiet li timxi wara l-parir tal-President Nelson.
“Fil-klassi tagħha fl-iskola bdew jiddiskutu dwar kif jgħaddu tmiem il-ġimgħa… u Iriura tkellmet dwar … il-knisja.
“L-għalliema tagħha, Vaite Pifao, qaltilha, ‘Sew, allura inti Mormon?’
“Iriura ddikjarat b’mod ċar, ‘Le, … Jien membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien!’
“L-għalliema tagħha wieġbet ‘Iva, … inti Mormon.’
“Iriura kompliet tinsisti, “Le miss, jiena membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien!’
“Ms. Pifao impressjonat ruħha bil-konvinzjoni ta’ Iriura u kienet kurjuża għalfejn hi baqgħet tinsisti daqstant li tuża l-isem sħiħ tal-knisja tagħha. [Hi ddeċidiet li ssir taf aktar dwar il-Knisja.]
“[Aktar tard, hekk kif Sister] Vaite Pifao tgħammdet [hi esprimiet il-gratitudni tagħha] li Iriura semgħet mill-parir tal-President Nelson.”20
“L-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli.” Ejjew nimxu ’l quddiem bil-fidi. Meta minn jeddna nimxu wara l-parir tal-Mulej kif żvelat permezz tal-profeta ħaj tiegħu, speċjalment jekk ma jkunx jaqbel mal-ħsieb inizjali tagħna, u li jkun jeħtieġ minna l-umiltà u s-sagrifiċċju, il-Mulej iberikkna b’aktar qawwa spiritwali u jibgħat l-anġli tiegħu biex jissapportjawna u jieqfu magħna.21 Aħna niksbu l-affermazzjoni tal-Mulej u l-approvazzjoni tiegħu.
Jiena xhud tal-qawwa tas-smewwiet li tinsab fuq il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. L-aktar xewqa sinċiera tiegħu hi li jogħġob lill-Mulej u jbierek lill-ulied Missierna fis-Smewwiet. Minn esperjenza mill-aktar sagra u personali, jiena nixhed dwar l-imħabba tal-Mulej għalih. Huwa l-profeta ta’ Alla.
Jiena nixhed li Ġesù huwa l-Kristu, Iben Alla. F’isem Ġesù Kristu, amen.