Konferenza Ġenerali
Kelli l-Apoġġ tal-Mulej tul Ħajti Kollha
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Kelli l-Apoġġ tal-Mulej tul Ħajti Kollha

Aħna kif nirreaġixxu għat-tbatija tagħna? Inħossuna grati għaliex ninsabu aktar iffokati fuq il-barkiet tagħna milli fuq il-problemi tagħna?

Il-pandemija tal-COVID-19 kienet waħda mill-ħafna provi u sfidi li wlied Alla kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom tul l-istorja tad-dinja. Fil-bidu ta’ din is-sena, jien u l-familja għażiża tiegħi għaddejna minn żmien verament mudlam. Il-pandemija u ċerti kawżi oħra wasslu biex fil-familja tagħna esperjenzajna l-mewt u l-uġigħ hekk kif tlifna xi wħud mill-maħbubin tagħna. Minkejja l-kura medika, is-sawm, u t-talb, f’perjodu ta’ ħames ġimgħat, ħija Charly, oħti Susy, u ħatni Jimmy spiċċaw qasmu għan-naħa l-oħra tal-velu.

Xi kultant ġieli staqsejt lili nnifsi għalfejn is-Salvatur beka meta ra lil Marija mnikkta minħabba l-mewt ta’ ħuha, Lazzru minkejja li kien jaf li Hu kellu l-qawwa li jqajjem lil Lazzru u li wara biss ftit ħin Hu kien se juża din il-qawwa biex isalva lil sieħbu mill-mewt.1 Nimmeravilja ruħi bil-kompassjoni u bl-empatija li s-Salvatur kellu lejn Marija; Hu fehem l-uġigħ inspejgabbli li Marija bdiet tħoss minħabba l-mewt ta’ ħuha, Lazzru.

Aħna nħossu l-istess uġigħ intens meta nesperjenzaw is-separazzjoni temporanja mill-maħbubin tagħna. Is-Salvatur għandu kompassjoni perfetta għalina. Hu ma jagħtiniex tort għall-perspettiva limitata li għandna, jew għal-limitatazzjoni tagħna meta niġu biex nimmaġinaw il-vjaġġ etern tagħna. Pjuttost, Hu għandu kompassjoni lejn in-niket u s-sofferenza tagħna.

Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, iriduna nkunu ferħanin.2 Il-President Russell M. Nelson għallem: “Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna. Meta aħna niffokaw ħajjitna fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla, … aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.”3

Meta kont għadni missjunarju żagħżugħ, niftakar meta wieħed missjunarju meraviljuż li kont nammira rċieva aħbar mill-aktar devastanti. Ommu u ħuh iż-żgħir kienu mietu f’inċident traġiku. Il-president tal-missjoni offra lil dan il-presbiteru l-għażla li jerġa’ lura d-dar għall-funeral. Madankollu, wara li tkellem ma’ missieru fuq it-telefon, dan il-missjunarju ddeċieda li jibqa’ u jtemm il-missjoni tiegħu.

Żjara lil missjunarju fl-isptar

Ftit taż-żmien wara, meta konna qed inservu fl-istess zona, jien u sieħbi rċevejna telefonata urġenti; xi ħallelin kienu serqu r-rota li kienet tappartjeni lil dan l-istess missjunarju u lilu kienu darbuh permezz ta’ sikkina. Hu u l-kollega tiegħu kellhom jimxu sal-aktar sptar viċin, fejn jien u l-kollega tiegħi morna niltaqgħu magħhom. Fi triqitna lejn l-isptar, jien bdejt nitnikket għal dan il-missjunarju. Bdejt nimmaġina li beda jħossu xi ftit iddisprat u li żgur li wara din l-esperjenza trawmatika, issa ried jerġa’ lura d-dar.

Madankollu, meta wasalna l-isptar, jien rajt lil dan il-missjunarju mixħut fis-sodda, jistenniehom jeħduh għal operazzjoni—u kien qed jitbissem. Jien għidt, bejni u bejn ruħi, “Kif jista jkun li qed jitbissem f’mument bħal dan?” Waqt li kien qed jirkupra fl-isptar, mimli entużjażmu, hu beda jqassam il-pamflets u kopji tal-Ktieb ta’ Mormon lit-tobba, lill-infermiera, u lil pazjenti oħra. Anke qalb dawn l-isfidi kollha, hu ma riedx imur lura d-dar. Pjuttost, hu serva sal-aħħar jum tal-missjoni tiegħu b’fidi, b’enerġija, b’qawwa, u b’entużjażmu.

Fil-bidu tal-Ktieb ta’ Mormon, Nefi jiddikjara, “Għax tul ħajti rajt daqstant tbatija, madankollu, verament kelli l-apoġġ tal-Mulej tul ħajti kollha.”4

Jien naħseb dwar il-bosta sfidi li esperjenza Nefi, li ħafna minnhom huma inklużi fil-kitbiet tiegħu. L-isfidi tiegħu jgħinuna nifhmu li aħna lkoll ngħaddu minn jiem mudlama. Waħda minn dawn l-isfidi seħħet meta Nefi ntalab biex jerġa’ lura Ġerusalemm biex jikseb il-pjanċi tal-bronż li Laban kellu fil-possessjoni tiegħu. Uħud minn ħut Nefi kienu nies ta’ fidi żgħira, u saħansitra sawtu lil Nefi b’zokk. Nefi esperjenza sfida oħra meta qasam il-qaws tiegħu u ma setax jipprovdi ikel għall-familja tiegħu. Aktar tard, meta Nefi ntalab biex jibni vapur, ħutu bdew jgħadduh biż-żmien u rrifjutaw li jgħinuh. Minkejja dawn l-isfidi u bosta oħrajn tul il-jiem ta’ ħajtu, Nefi dejjem għaraf it-tjubija ta’ Alla.

Nefi marbut fuq il-vapur

Hekk kif il-familja tiegħu kienu qed jaqsmu l-baħar fi triqithom lejn l-art imwiegħda, xi wħud mill-familja ta’ Nefi “bdew jixxalaw,” jitkellmu goff, u nsew li kienet il-qawwa tal-Mulej li kienet ippreservathom. Meta Nefi ċanfarhom, huma ħassewhom offiżi u rabtuh bil-ħbula ħalli ma jkunx jista’ jitħarrek. Il-Ktieb ta’ Mormon jiddikjara li ħutu “ittrattawh b’mod verament goff”, il-polz u l-għekiesi tiegħu “spiċċaw intefħu, u kien veru muġugħ.”5 Nefi kien imnikket minħabba l-ebusija ta’ qalb ħutu u f’xi mumenti ħassu jinħakem minn diqa.6 “Madankollu,” hu ddikjara, “jiena dawwart ħarsti lejn Alla, u faħħartu l-jum kollu; u ma bdejtx ingerger kontra l-Mulej minħabba t-tbatija tiegħi.”7

Għeżież ħuti, aħna kif nirreaġixxu għat-tbatija tagħna? Noqogħdu ngergru mal-Mulej minħabba fiha? Jew, bħal Nefi u l-ħabib li kelli fil-missjoni, inħossuna grati bil-fomm, bil-ħsieb, u bl-għemil għaliex aħna ninsabu aktar iffokati fuq il-barkiet tagħna milli fuq il-problemi tagħna?

Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu tana l-eżempju waqt il-ministeru tiegħu fid-dinja. F’mumenti ta’ diffikultà u sfida, ftit huma l-affarijiet li jġibulna paċi u sodisfazzjon akbar milli nservu lil għajrna. Il-ktieb ta’ Mattew jirrakkonta x’ġara meta s-Salvatur sar jaf li s-Sultan Erodi kien qata’ ras kuġinuh, Ġwanni l-Battista, biex jogħġob lit-tifla ta’ Erodja:

“Mbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu, u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.

“Meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

“Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom.

“Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu, Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.

“Imma Ġesù qalilhom, Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.”8

Ġesù Kristu wriena li fi żminijiet ta’ sfida u avversità aħna nistgħu nagħrfu d-diffikultajiet ta’ ħaddieħor. B’sens ta’ kompassjoni, aħna nistgħu ngħinuhom u nelevawhom. U hekk kif nagħmlu dan, aħna wkoll niġu elevati minħabba s-servizz Kristjan tagħna. Il-President Gordon B. Hinckley iddikjara: “L-aqwa antidot li naf bih biex ma toqgħodx tinkwieta hu x-xogħol. L-aqwa mediċina għad-disperazzjoni hija s-servizz. L-aqwa kura għall-għeja hi l-isfida li ngħinu lil xi ħadd li jinsab aktar għajjien minna.”9

F’din il-Knisja ta’ Ġesù Kristu, jien kelli diversi opportunitajiet biex nimministra u nservi lil għajri. Huwa f’dawk il-mumenti meta jien inħoss lil Missierna fis-Smewwiet itaffili t-tagħbija tiegħi. Il-President Russell M. Nelson hu l-profeta ta’ Alla fid-dinja; hu eżempju mill-aqwa ta’ kif għandna nimministraw lil ħaddieħor waqt ċerti sfidi diffiċli. Jien ningħaqad fit-testimonjanza tiegħi ma’ dik ta’ bosta qaddisin oħra, li Alla hu Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna. Jiena ħassejt l-imħabba infinita tiegħu fil-jiem mudlama tiegħi. Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu jifhem l-uġigħ tagħna u t-tbatija tagħna. Hu jrid itaffi t-tagħbija tagħna u jfarraġna. Jeħtieġ li aħna nimxu wara l-eżempju tiegħu billi nservu u nimministraw lil dawk li għandhom tagħbija saħansitra itqal minn tagħna. F’isem Ġesù Kristu, amen.