Konferenza Ġenerali
L-Imħabba ta’ Alla: L-Akbar Hena għar-Ruħ
konferenza ġenerali Ottubru 2021


L-Imħabba ta’ Alla: L-Akbar Hena għar-Ruħ

L-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna, iżda fil- preżenza tiegħu f’ħajjitna.

Ħuti, tafu kemm Alla, Missierna fis-Smewwiet, iħobbkom b’mod komplet? Intom ħassejtu mħabbtu ġewwa ruħkom?

Meta tagħrfu u tifhmu kemm intom maħbubin b’mod komplet bħala wlied Alla, tibdew taraw kollox minn lenti differenti. Dan jibdel il-mod kif tħossukom dwarkom infuskom meta tiżbaljaw. Jibdel kif intom tħossukom meta tesperjenzaw ħwejjeġ diffiċli. Jibdel il-mod li bih tħarsu lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Jibdel il-mod kif tħarsu lejn ħaddieħor, u l-kapaċità tagħkom li tagħmlu differenza.

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland għallem: “L-ewwel kmandament kbir fl-eternità kollha hu li nħobbu lil Alla bil-qalb, u bil-qawwa tagħna kollha, u b’moħħna kollu—dak huwa l-ewwel kmandament kbir. Iżda l-ewwel verità kbira fl-eternità kollha hi li Alla lilna jħobbna bil-qalb, bis-setgħa, u bil-qawwa tiegħu kollha u b’moħħu kollu.”1

Kif nistgħu aħna lkoll inkunu nafu fil-fond ta’ qalbna dik il-verità mill-aktar importanti tal-eternità?

Il-profeta Nefi ġie muri permezz ta’ dehra l-akbar evidenza tal-imħabba ta’ Alla. Wara li ra s-siġra tal-ħajja, Nefi staqsa biex ikun jaf x’kienet l-interpretazzjoni tagħha. Fi tweġiba, anġlu mar fuq Nefi u wrieh belt, omm, u tarbija. Hekk kif Nefi ħares lejn il-belt ta’ Nazaret u lejn l-omm twajba Marija, iżżomm liċ-ċkejken Ġesù f’dirgħajha, l-anġlu ddikjara, “Ara l-Ħaruf ta’ Alla, iva, sewwasew Bin il-Missier Etern!”2

F’dak il-mument sagru, Nefi fehem li permezz tat-twelid tas-Salvatur, Alla kien qed juri l-imħabba safja u kompluta tiegħu. Nefi xehed li l-imħabba ta’ Alla “tinfirex lil hinn fi qlub ulied il-bnedmin.”3

Is-siġra tal-ħajja

Aħna nistgħu nimmaġinaw l-imħabba ta’ Alla bħala dawl ħiereġ mis-siġra tal-ħajja, li jinfirex ’il bogħod madwar id-dinja kollha fi qlub ulied il-bnedmin. Id-dawl u l-imħabba ta’ Alla jilħqu lill-ħolqien kollu tiegħu.4

Xi kultant aħna b’mod żbaljat naħsbu li nistgħu nħossu biss l-imħabba ta’ Alla wara li nkunu mxejna b’idejna mal-bastun tal-ħadid u kilna mill-frott. L-imħabba ta’ Alla, madankollu, mhux biss jiksbuha dawk li jersqu lejn is-siġra iżda hi propjament il-qawwa li timmotivana biex infittxu dik is-siġra.

“Għalhekk, hi l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra,” għallem Nefi, u l-anġlu ddikjara, “Iva, u l-akbar hena għar-ruħ.”5

Għoxrin sena ilu, membru għażiż tal-familja għażel li jitbiegħed mill-Knisja. Hu kellu diversi mistoqsijiet mhux imwieġba. Martu, li kienet konvertita, baqgħet leali lejn il-fidi tagħha. Huma ħadmu ferm biex jippreservaw iż-żwieġ tagħhom minkejja d-differenzi li qamu bejniethom.

Is-sena l-oħra hu kiteb tliet mistoqsijiet dwar il-Knisja li kienu diffiċli għalih li jifhem u bagħathom lil żewġ koppji li kienu ilhom żmien ħbieb tiegħu. Hu stedinhom biex jirriflettu fuq dawk il-mistoqsijiet u jmorru jieklu għandhom ħalli jaqsmu ħsibijiethom.

Wara l-lagħqa li kellhom mal-ħbieb, hu mar f’kamartu u beda jaħdem fuq proġett. Hu baqa’ jaħseb dwar il-konverżazzjoni ta’ dik il-lejla u l-imħabba li wrewh sħabu. Aktar tard hu kiteb li hu ħass li kellu jtemm il-ħidma tiegħu. Hu qal: “Ruħi mtliet b’dawl jiddi. … Jien kont familjari ma’ dak is-sentiment profond li nħossu jilluminani, iżda f’dan il-każ partikolari ħassejtu jikber b’aktar qawwa minn qatt qabel u dam fija għal ftit minuti. Jien poġġejt bilqiegħda b’dak is-sentiment fija, li għaraft li kien manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla għalija. … Jien ħassejt fija l-ispirtu jgħidli li stajt nerġa’ lura l-knisja u nesprimi din l-imħabba ta’ Alla f’dak li nagħmel hemm.”

Hu mbagħad beda jaħseb dwar il-mistoqsijiet tiegħu. Is-sentiment li rċieva kien li Alla kien onora l-mistoqsijiet tiegħu, u l-fatt li hu kien għad ma kellux tweġibiet ċari ma kellux iwaqqfu milli jibqa’ miexi ’l quddiem.6 Hu kien jeħtieġlu jaqsam l-imħabba ta’ Alla ma’ kulħadd waqt li jkompli jikkontempla. Hekk kif aġixxa skont dak li ħass ġo fih, hu ħass bħal parentela ma’ Joseph Smith, li wara l-Ewwel Dehra tiegħu rrimarka, “Ruħi mtliet bl-imħabba, u għal bosta jiem ħassejt ferħ kbir f’qalbi.”7

Notevolment, ftit xhur wara, dan il-membru tal-familja rċieva l-istess sejħa li kien ħaddan 20 sena qabel. L-ewwel darba li kellu dik is-sejħa, hu wettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala membru responsabbli tal-Knisja. Issa l-mistoqsija li kellu ma baqgħetx “Kif nista’ nwettaq din is-sejħa?” iżda “Kif nista’ nuri l-imħabba ta’ Alla permezz tas-servizz tiegħi?” B’dan l-atteġġjament ġdid hu ħass fih ferħ, kif ukoll aktar sinifikat u għan fl-aspetti kollha tas-sejħa tiegħu.

Ħuti, kif nistgħu nirċievu l-qawwa li tittrasformana tal-imħabba ta’ Alla? Il-profeta Mormon jistedinna biex “nitolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbna, sabiex inkunu mimlijin b’din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”8 Mormon qed jistedinna mhux biss biex nitolbu ħalli nħossuna mimlijin bl-imħabba ta’ Alla għal ħaddieħor iżda wkoll biex nitolbu li nkunu nafu x’imħabba safja Alla għandu għalina.9

Hekk kif nirċievu mħabbtu, aħna nsibu ferħ akbar meta nagħmlu l-almu tagħna biex inħobbu u nservu kif għamel Hu, fejn insiru “dixxipli vera ta’ ibnu, Ġesù Kristu.”10

L-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fiċ- ċirkustanzi ta’ ħajjitna, iżda fil- preżenza tiegħu f’ħajjitna. Aħna nsiru nafu mħabbtu meta nirċievu qawwa barranija u meta l-Ispirtu tiegħu jwasslilna l-paċi, il-faraġ, u d-direzzjoni. Xi kultant jaf ikun diffiċli li nħossu mħabbtu. Nistgħu nitolbu li għajnejna jinfetħu biex nagħrfu jdejh f’ħajjitna u naraw imħabbtu fis-sbuħija tal-ħolqien tiegħu.

Hekk kif nixtarru l-ħajja tas-Salvatur u s-sagrifiċċju infinit tiegħu, aħna nibdew nifhmu mħabbtu għalina. B’qima aħna nkantaw il-kliem ta’ Eliza R. Snow: “Hu xerred dak demmu li tant prezzjuż kien; bħala sagrifiċċju ħajtu hu ta.”11 L-umiltà ta’ Ġesù fit-tbatija tiegħu għalina tippenetra ruħna, filwaqt li tiftħilna qalbna biex induru lejh ħalli nfittxu l-maħfra u timliena b’xewqa li ngħixu kif għex Hu.12

Il-President Russell M. Nelson kiteb, “Aktar ma nuru impenn biex infasslu ħajjitna fuq tiegħu, aktar imħabbitna ssir safja u divina.”13

It-tifel tagħna rrakonta: “Meta kelli 11-il sena, jien u sħabi ddeċidejna li lill-għalliem tagħna nistaħbewlu u ma mmorrux għall-ewwel nofs tal-klassi tal-Primarja. Meta finalment dħalna fil-klassi, b’sorpriża, l-għalliem laqagħna b’imħabba. Imbagħad hu offra talba sinċiera li fiha esprima l-gratitudni sinċiera tiegħu lejn il-Mulej li aħna ddeċidejna li dak inhar nattendu l-klassi minn jeddna. Ma nistax niftakar dwar xiex kienet il-lezzjoni jew saħansitra l-isem tal-għalliem, iżda illum, 30 sena wara, jien għadni nħossni kommoss bl-imħabba safja li hu wrieni dak inhar.”

Ħames snin ilu jien rajt b’għajnejja eżempju ta’ mħabba divina waqt li kont qed nattendi l-Primarja fir-Russja. Jien rajt waħda oħt fidila quddiem żewġt itfal taqsam it-testimonjanza tagħha magħhom u tgħidilhom li anke jekk huma kienu se jkunu l-uniċi nies li jgħixu f’din id-dinja, Ġesù xorta waħda kien se jbati u jmut għalihom.

Jien nixhed li l-Mulej u s-Salvatur tagħna verament miet għal kull wieħed u waħda minna. Kienet espressjoni tal-imħabba infinita tiegħu għalina u għal missieru.

“Jiena naf li l-Feddej tiegħi jgħix. X’faraġ jagħtini l-kliem li tennejt! … Hu jgħix u jberikna Hu.”14

Jalla niftħu qalbna biex nirċievu l-imħabba safja li Alla għandu għalina u mbagħad naqsmu l-imħabba tiegħu mal-oħrajn f’dak kollu li nagħmlu u li aħna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Jeffrey R. Holland, “Għada l-Mulej se Jagħmel Ħwejjeġ tal-Għaġeb f’Nofskom,” Liahona, Mejju 2016, 127.

  2. 1 Nephi 11:21.

  3. 1 Nephi 11:22; enfażi miżjuda.

  4. Ara Doctrine and Covenants 88:13.

  5. 1 Nephi 11:22, 23.

  6. Ara 1 Nephi 11:17.

  7. Joseph Smith, f’Karen Lynn Davidson and others, ed., The Joseph Smith Papers, Histories, Volume 1: Joseph Smith Histories, 1832–1844 (2012), 13; punteġġatura u kapitalizzazzjoni modernizzati.

  8. Moroni 7:48.

  9. Ara Neill F. Marriott, “Ibqgħu f’Alla u Sewwu l-Ħsara,” Liahona, Nov. 2017, 11: “Jista’ jkun li l-ħajja tagħna fid-dinja primortali nibtet fina x-xewqa li f’din id-dinja aħna jkollna l-imħabba vera u eterna. Aħna ġejna maħluqin b’mod divin biex nagħtu u nirċievu l-imħabba, u l-aktar imħabba profonda niksbuha meta aħna nkunu ħaġa waħda ma’ Alla.”

  10. Moroni 7:48.

  11. “Ferm Kbira l-Imħabba u Kbir Wisq hu l-Għerf,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 19.

  12. Ara Linda S. Reeves, “Worthy of Our Promised Blessings,” Liahona, Nov. 2015, 11: “Jien nemmen li, jekk kuljum aħna niftakru u nagħrfu l-kobor tal-imħabba li Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna għandhom għalina, aħna nkunu lesti li nagħmlu minn kollox biex immorru lura fil-preżenza tagħhom, imdawrin fl-imħabba tagħhom għal dejjem.”

  13. Russell M. Nelson, “Divine Love,” Liahona, Fr. 2003, 17.

  14. “Jiena Naf li l-Feddej Tiegħi Jgħix,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ 38.