Id-Denjità Mhijiex Perfezzjoni
Meta tħossukom li waqajtu wisq drabi biex tkomplu tippruvaw, ftakru li l-Espjazzjoni ta’ Kristu u l-grazzja li tagħmilha possibbli huma reali.
Darba jien bgħatt messaġġ bil-mowbajl lit-tifla tiegħi u lir-raġel tagħha permezz tas-sistema fejn titkellem u jinkiteb dak li tgħid. Jien għidt, “Isimgħuni, intom it-tnejn. Tinsewx li jiena nħobbkom.” Huma rċevew, “Nobgħodkom. Missni nħobbkom.” Mhijiex ħaġa tal-għaġeb kif messaġġ pożittiv u b’intenzjoni tajba jista’ faċilment jinftiehem ħażin? Dan hu dak li xi kultant jiġri bil-messaġġi ta’ Alla tal-indiema u d-denjità.
Xi wħud bi żball jirċievu l-messaġġ li l-indiema u l-bidla mhumiex neċessarji. Il-messaġġ ta’ Alla hu li huma essenzjali.1 Iżda Alla mhux xorta jħobbna minkejja n-nuqqasijiet tagħna? M’hemmx dubju! Huwa jħobbna perfettament. Jiena nħobb lin-neputijiet tiegħi, minkejja l-imperfezzjoni tagħhom, iżda dan ma jfissirx li ma rridhomx jitjiebu u jsiru l-aħjar li jistgħu jsiru. Alla jħobbna kif aħna, iżda Huwa wkoll iħobbna wisq biex iħallina kif aħna.2 Li nikbru fil-Mulej huwa l-għan tal-mortalità.3 L-għan tal-Espjazzjoni ta’ Kristu hu li ninbidlu. Kristu mhux biss jista’ jqajjimna mill-mewt, inaddafna, jikkonslana, u jfejjaqna, iżda waqt li jagħmel dan, jista’ jittrasformana biex insiru aktar bħalu.4
Xi wħud b’mod żbaljat jirċievu l-messaġġ li l-indiema hi xi ħaġa ta’ darba. Il-messaġġ ta’ Alla hu li, kif għallem il-President Russell M. Nelson, “L-indiema … hi proċess.”5 L-indiema taf tieħdu ż-żmien u tkun teħtieġ li nirrepetu l-isforzi tagħna,6 sgħalhekk li niċħdu d-dnub7 u li ma jkollniex “aktar dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament”8 hu proċess tul ħajjitna.9
Il-ħajja tixbah lil maratona li tgħaddi minn post għall-ieħor. Ma nistgħux nilħqu d-destinazzjoni tagħna billi nimlew it-tank tal-fjuwil darba biss. Jeħtieġ nimlew u nerġgħu nimlew it-tank. Meta nieħdu s-sagrament inkunu qisna qed nieqfu f’pompa tal-petrol. Hekk kif nindmu u nġeddu l-patti tagħna, aħna nwiegħdu li ninsabu lesti li nħarsu l-kmandamenti, u Alla u Kristu jberkuna bl-Ispirtu s-Santu.10 F’kelma waħda, inwiegħdu li se nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-vjaġġ tagħna, u Alla u Kristu jwiegħdu li sejrin jerġgħu jimlew it-tank.
Xi wħud, b’mod żbaljat, jirċievu l-messaġġ li mhumiex denji li jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-evanġelju għaliex ma jinsabux kompletament ħielsa mill-vizzji ħżiena. Il-messaġġ ta’ Alla hu li d-denjità mhijiex perfezzjoni.11 Id-denjità hi li tkun onest u tibqa’ tipprova. Jeħtieġ li nkunu onesti ma’ Alla, mal-mexxejja tas-saċerdozju, u ma’ oħrajn li jħobbuna,12 u jeħtieġ nagħmlu li nistgħu biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla u qatt ma naqtgħu qalbna sempliċiment għax niżbaljaw.13 Il-Presbiteru Bruce C. Hafen qal li li niżviluppaw karattru Kristjan “jeħtieġ minna s-sabar u l-persistenza aktar milli jeħtieġ il-perfezzjoni.”14 Il-Mulej qal li d-doni tal-Ispirtu huma “mogħtija għall-benefiċċju ta’ dawk li jħobbuni u jħarsu l-kmandamenti tiegħi, u dak li jfittex li jagħmel dan.”15
Wieħed żagħżugħ li se nsejjaħlu Damon kiteb: “Fiż-żogħżija tiegħi kelli l-problema tal-pornografija. Dejjem ħassejtni veru imbarazzat li ma stajtx neħles minnha.” Kull darba li Damon kien jiżbalja, il-weġgħa tad-dispjaċir bdiet issir tant intensa li hu beda jiġġudika b’mod aħrax lilu nnifsu li ma kienx denn ta’ xi tip ta’ grazzja, maħfra, jew ta’ xi ċans ieħor mingħand Alla. Huwa qal: “Jien iddeċidejt li kien ħaqqni nħossni terribbli l-ħin kollu. Bdejt naħseb li Alla probabbilment kien jobgħodni għax ma kontx lest li naħdem aktar u negħleb din il-ħaġa darba għal dejjem. Kont nipprova għal ġimgħa u xi kultant anke għal xahar, iżda mbagħad nerġa’ naqa’ u kont ngħid, ‘Jien qatt mhu se nkun tajjeb biżżejjed, għalhekk x’jiswa li nkompli nipprova?”
F’mument bħal dan Damon qal lill-mexxej tiegħu tas-saċerdozju: “Forsi aħjar ma nibqax niġi l-knisja. Xbajt inkun ipokrita.”
Il-mexxej tiegħu wieġbu: “Inti m’intix ipokrita sempliċiment għax għandek vizzju ħażin li qed tipprova teħles minnu. Inti tkun ipokrita jekk taħbih, tigdeb dwaru, jew tipprova tikkonvinċi lilek innifsek li l-problema tinsab fil-Knisja għax tipprova żżomm standards għoljin bħal dawn. Li tkun onest dwar l-għemejjel tiegħek u tagħmel ċerti passi ’l quddiem ma jagħmlekx ipokrita. Jagħmlek dixxiplu.”16 Dan il-mexxej ikkwota lill-Presbiteru Richard G. Scott, li għallem: “Il-Mulej jara d-dgħjufija b’lenti differenti milli jara r-ribelljoni. … Meta l-Mulej jitkellem dwar id-dgħjufijiet tagħna, Hu dejjem jagħmel dan bil-ħniena.”17
Dik il-perspettiva tat lil Damon it-tama. Hu rrealizza li Alla ma kienx hemm fuq qed jgħid, “Damon reġa’ għaxxaqha.” Minflok, Hu probabbilment kien qed jgħid, “Ara kemm tjieb Damon.” Dan iż-żagħżugħ finalment ma baqax jimbarazza ruħu bih innifsu jew jara minn fejn se jsib xi skuża jew jiġġustifika għemilu. Hu ħares ’il fuq għall-għajnuna divina u sabha.18
Damon qal: “L-unika darba li fil-passat dort lejn Alla kien biex nitlob għall-maħfra, iżda issa nitlob ukoll għall-grazzja—il-‘qawwa li ssaħħaħni’ tiegħu’ [Bible Dictionary, “Grace”]. Jien qatt ma kont għamilt dan qabel. Issa qed ngħaddi ferm anqas ħin nobgħod lili nnifsi għal dak li għamilt u ferm aktar ħin inħobb lil Ġesù għal dak li Hu għamel.”
Meta nikkunsidraw kemm dam jitqabad Damon, żgur li ma kenitx tkun ta’ għajnuna għalih jew xi ħaġa realistika kieku l-ġenituri u l-mexxejja li bdew jassistuh qalulu “daqshekk” wara ftit ta’ żmien jew li b’mod arbitrarju baxxew l-istandards tal-astinenza biex jiġi kkunsidrat “denn.” Minflok, huma bdew b’ċerti għanijiet żgħar li seta’ jilħaqhom. Huma warrbu kull stennija ta’ kollox-jew-xejn u ffokaw fuq tkabbir inkrementali, li ta ċans lil Damon jibni sensiela ta’ rebħiet minflok falliment.19 Hu, bħan-nies fil-jasar ta’ Limħi, tgħallem li seta’ “jirnexxi pass pass.”20
Il-Presbiteru D. Todd Christofferson tana dan il-parir: “L-aħjar mod kif nikkumbattu xi ħaġa kbira ħafna hu billi nibdew nikkumbattuha f’dożi żgħar ta’ kuljum. … Li ninkorporaw ċerti drawwiet ġodda u xierqa fil-karattru tagħna jew li negħlbu xi vizzji ħżiena ħafna drabi jfisser li hemm bżonn li llum nagħmlu sforz u mbagħad nagħmlu ieħor għada, u mbagħad ieħor, probabbilment għal bosta jiem, anke xhur u snin. … Iżda aħna kapaċi nagħmlu dan għaliex nistgħu nitolbu lil Alla … għall-għajnuna li neħtieġu kuljum.”21
Issa, ħuti, il-pandemija tal-COVID-19 ma kienet faċli għal ħadd, iżda l-iżolament assoċjat mar-restrizzjonijiet tal-kwarantina għamel il-ħajja speċjalment diffiċli għal dawk li jinsabu jikkumbattu ċerti vizzji ħżiena. Ftakru li l-bidla hi possibbli, l-indiema hi proċess, u d-denjità mhijiex perfezzjoni. L-aktar importanti, ftakru li Alla u Kristu huma lesti biex jgħinuna f’dan il-mument.22
Xi wħud b’mod żbaljat jirċievu l-messaġġ li Alla qed jistenna biex jgħinna wara li nindmu. Il-messaġġ ta’ Alla hu li Hu se jgħinna hekk kif aħna nindmu. Il-grazzja tiegħu hi disponibbli għalina “ninsabu fejn ninsabu fit-triq tal-ubbidjenza.”23 Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf qal: “Alla ma jeħtieġx nies li huma perfetti. Hu jfittex lil dawn li lesti joffru ‘il-qalb u l-moħħ lest għalih’ tagħhom [Doctrine and Covenants 64:34], u hu jagħmilhom ‘perfetti fi Kristu’ [Moroni 10:32–33].”24
Wisq huma dawk li ħassewhom imweġġgħin minħabba relazzjonijiet imkissrin li diffiċli għalihom jemmnu fil-kompassjoni u s-sabar ta’ Alla. Huma jsibuha diffiċli jaraw lil Alla kif fil-verità Hu—missier li jaf iħobb li jgħinna fil-bżonnijiet tagħna25 u li jaf kif “jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.”26 Il-grazzja tiegħu mhijiex sempliċiment xi premju għal min hu denn. Hija “assistenza divina” li Hu jagħtina biex jgħinna nsiru aktar denji. Mhijiex sempliċiment premju għat-twajbin. Hija “dota ta’ qawwa” li Hu jagħtina biex jgħinna nsiru aktar denji.27 Aħna mhux sempliċiment mexjin lejn Alla u Kristu. Aħna ninsabu mexjin flimkien magħhom.28
Madwar il-Knisja kollha, iż-żgħażagħ jaqraw it-Temi tat-Tfajliet u tal-Kworums tas-Saċerdozju ta’ Aron. Minn New Zealand sa Spanja sa l-Etijopja sal-Ġappun, it-tfajliet jgħidu, “Jien ngħożż ir-rigal tal-indiema.” Miċ-Ċili, sal-Gwatemala, sa Moroni, Utah, il-ġuvintur jgħidu, “Hekk kif nagħmel l-almu tiegħi biex inservi, neżerċita l-fidi, nindem, u nitjieb kuljum, jien nikkwalifika biex nirċievi l-barkiet tat-tempju u l-ferħ dejjiem tal-evanġelju.”
Jien inwiegħed li dawk il-barkiet u dak il-ferħ huma reali u jistgħu jintlaħqu minn dawk li jħarsu l-kmandamenti kollha u “minn dak li jfittex li jagħmel dan.”29 Meta tħossukom li waqajtu wisq drabi biex tkomplu tippruvaw, ftakru li l-Espjazzjoni ta’ Kristu u l-grazzja li tagħmilha possibbli huma reali.30 “Id-driegħ tal-ħniena tiegħu hu estiż” lejkom.31 Intom maħbubin—illum, 20 sena oħra, u għal dejjem. F’isem Ġesù Kristu, amen.