Konferenza Ġenerali
Żomm id-Dawl Tiegħek fil-Għoli
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Żomm id-Dawl Tiegħek fil-Għoli

L-istedina tagħna llum hi sempliċi: li naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Kunu dak li intom u żommu d-dawl fil-għoli.

Ftit tas-snin ilu, waqt titjira lejn il-Peru jien kont bilqiegħda ħdejn raġel li ddeskriva lilu nnifsu bħala ateu. Hu staqsieni għalfejn nemmen f’Alla. Waqt il-konverżazzjoni interessanti li kellna, jien għidtlu li jien kont nemmen f’Alla għaliex joseph Smith rah—u mbagħad għidtlu li l-għarfien tiegħi ta’ Alla kien riżultat ta’ esperjenza spiritwali personali u reali. Qsamt miegħu t-twemmin tiegħi li “kollox jindika li hemm Alla”1 u jien staqsejtu kif kien jemmen li d-dinja—din l-oasi ta’ ħajja fil-vakwu tal-ispazju—ġiet maħluqa. Hu wieġeb li, skont kliemu, “l-aċċident” seta’ seħħ tul l-ibgħad żminijiet. Meta spjegajtlu kemm seta’ kien improbabbli għal “aċċident” li jipproduċi daqstant sbuħija u ordni, hu baqa’ sieket għal ftit ħin u mbagħad bi tbissima qalli, “Ma nafx x’se naqbad ngħidlek.” Jiena staqsejtu jekk kienx lest jaqra l-Ktieb ta’ Mormon. Hu wieġeb fl-affermattiv, għalhekk jiena bagħttlu kopja.

Snin wara, jien għamilt ħabib ma’ persuna oħra fl-ajruport ta’ Lagos, fin-Niġerja. Aħna ltqajna waqt li kien qed jiċċekkja l-passaport tiegħi. Jien staqsejtu dwar it-twemmin reliġjuż tiegħu, u hu esprima fidi qawwija f’Alla. Jiena qsamt miegħu l-ferħ u l-vitalità tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u staqsejtu jekk riedx jitgħallem aktar mingħand il-missjunarji. Hu qalli iva, ġie mgħallem, u tgħammed. Xi sena jew sentejn wara, hekk kif kont miexi fl-ajruport tal-Liberja, smajt leħen isejjaħli. Jiena dort, u nara lil dak l-istess żagħżugħ riesaq lejja bi tbissima kbira. B’ferħ għannaqna waħda lil xulxin u hu qalli li kien attiv fil-Knisja u qed jaħdem mal-missjunarji biex jgħallmu lit-tfajla tiegħu.

Issa, ma nafx jekk il-ħabib ateu tiegħi qattx qara l-Ktieb ta’ Mormon jew ingħaqadx mal-Knisja. Naf li t-tieni ħabib hekk għamel. Għat-tnejn li huma, ir-responsabbiltà tiegħi2—l-opportunità tiegħi—kienet l-istess: żomm id-dawl tiegħek fil-għoli—li tħobb, li taqsam mal-oħrajn, u tistieden lit-tnejn b’mod normali u naturali.3

Ħuti, jien esperjenzajt il-barkiet li taqsam l-evanġelju ma’ ħaddieħor, u huma meraviljużi. Dawn huma xi ftit minnhom:

Li Naqsmu l-Evanġelju mal-Oħrajn Iġibilna l-Ferħ u t-Tama

Mela, jien u intom nafu li aħna konna ngħixu bħala l-ulied ta’ Missierna fis-Smewwiet qabel ġejna f’din id-dinja4 u li d-dinja ġiet maħluqa biex tagħti lil kull persuna l-opportunità li tikseb ġisem, tikseb esperjenza, titgħallem, u tikber sabiex tirċievi l-ħajja eterna—li hi l-ħajja ta’ Alla.5 Missierna fis-Smewwiet kien jaf li f’din id-dinja aħna konna se nbatu u naqgħu fid-dnub, għalhekk bagħat lil Ibnu, li “il-ħajja inkomparabbli tiegħu”6 u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni infinit tiegħu7 għamilha possibbli għalina li niġu maħfurin, imfejqin, u rrestawrati.8

L-għarfien ta’ dawn il-veritajiet jibdillek ħajtek! Meta persuna ssir taf bl-għan glorjuż tal-ħajja, meta tibda tifhem li Kristu jaħfer u jgħin lil dawk li jimxu warajh, u meta mbagħad tagħżel li timxi wara Kristu fl-ilmijiet tal-magħmudija, ħajjitha tinbidel għal dejjem—anke meta ċ-ċirkustanzi esterni tal-ħajja ma jinbidlux.

Waħda oħt kuntenta li ltqajt magħha f’Onitsha, in-Niġerja, qaltli li minn meta tgħallmet l-evanġelju u tgħammdet (u se nikkwota x’qalet), “kollox hu sewwa għalija. Inħossni kuntenta. Ninsab fis-seba’ sema.”9 Li naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor iġib il-ferħ u t-tama fir-ruħ ta’ dak li jagħti u dak li jirċievi. Verament, “kemm ikun kbir il-ferħ tagħkom”10 hekk kif taqsmu l-evanġelju! Li naqsmu l-evanġelju jġibilna l-akbar ferħ u tama.11

Li Naqsmu l-Evanġelju mal-Oħrajn Iwassal il-Qawwa ta’ Alla f’Ħajjitna.

Meta tgħammidna, ilkoll dħalna f’patt għal dejjem12 ma’ Alla biex “naqduh u nħarsu l-kmandamenti tiegħu,”13 li jinkludu “li nieqfu bħala xhieda tiegħu f’kull ħin u f’kollox u f’kull post.”14 Hekk kif “nibqgħu” fih billi nħarsu dan il-patt, il-qawwa qaddisa li tqawwina u ssostnina tad-divinità tidħol ġo ħajjitna permezz ta’ Kristu, bħal fergħa li tirċievi n-nutriment tagħha mid-dielja.15

Li Naqsmu l-Evanġelju Jipproteġina mit-Tiġrib

Il-Mulej jitlobna:

“Żomm id-dawl tiegħek fil-għoli sabiex idawwal lid-dinja. Ara jiena d-dawl li għandek iżżomm fil-għoli—dak li rajtni nagħmel. …

“… Jiena tlabt minnek li … tersaq lejja, biex tkun tista’ tħossni u tarani; u l-istess għandek tagħmel mad-dinja; u kull min jikser dan il-kmandament ipoġġi lilu nnifsu suġġett għat-tentazzjoni.”16

Li nagħżlu li ma nżommux id-dawl tagħna fil-għoli jwassalna biex nispiċċaw fid-dell, fejn inkunu suxxettibbli għat-tentazzjoni. Importanti nifhmu li l-oppost huwa wkoll minnu: li nagħżlu li nżommu d-dawl tal-evanġelju fil-għoli jressaqna aktar viċin ta’ dak id-dawl u tal-protezzjoni li jipprovdi kontra t-tiġrib. X’barka tremenda fid-dinja tal-lum!

Li Naqsmu l-Evanġelju mal-Oħrajn Jġibilna l-Fejqan

Sister Tiffany Myloan aċċettat l-istedina li tissapportja lill-missjunarji minkejja d-diffikultajiet mill-aktar kbar tagħha, fosthom ċerti dubji dwar il-fidi tagħha. M’ilux hi qaltli li s-sapport tagħha lill-missjunarji wassal għal tiġdid fil-fidi tagħha u li tħossha aħjar. Fi kliemha, “Il-ħidma missjunarja tfejqek verament.”17

Ferħ. Tama. Qawwa ta’ sosteniment mingħand Alla. Protezzjoni mit-tentazzjoni. Fejqan. Dawn kollha—u aktar (inkluż il-maħfra tad-dnubiet)15—jinżlu fuqna mis-smewwiet hekk kif naqsmu l-evanġelju mal-oħrajn.

Issa, Induru lejn l-Opportunità Kbira Tagħna

Ħuti, “jeżistu bosta … fost kull … grupp, [setta,] u denominazzjoni … li għad m’għandhomx il-verità għax ma jafux fejn jistgħu jsibuha.”19 Il-bżonn li nżommu d-dawl tagħna fil-għoli qatt ma kien akbar fl-istorja umana kollha. U l-verità qatt ma kienet daqstant aċċessibbli.

Jimmy Ton, li trabba bħala Buddista, ħassu impressjonat minn familja li qasmet dak li seħħ f’ħajjitha fuq YouTube. Meta hu sar jaf li kienu membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, hu studja waħdu l-evanġelju onlajn, qara l-Ktieb ta’ Mormon permezz tal-app, u tgħammed wara li ltaqa’ mal-missjunarji fl-università.20 Il-Presbiteru Ton issa hu missjunarju full-time.

Hu u sħabu l-missjunarji madwar id-dinja huma l-battaljun tal-Mulej—biex nikkwota l-profeta tagħna.21 Dawn il-missjunarji qed imorru kontra l-kurrent tad-dinja: waqt li s-sondaġġi jirrapportaw li Ġen Z qed titbiegħed minn Alla,22 il-gwerriera żgħażagħ tagħna23 presbiteri u anke s-sisters qed idawru lin-nies lejn Alla. U numru dejjem jikber ta’ membri tal-Knisja jinsabu jaħdmu mal-missjunarji biex jaqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor, u hekk jgħinu aktar u aktar ħbieb jersqu lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu.

Il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tagħna fil-Liberja, għenu biex 507 minn sħabhom daħlu fl-ilmijiet tal-magħmudija waqt l-10 xhur li ma kien hemm l-ebda missjunarji full-time iservu f’pajjiżhom. Meta wieħed mill-presidenti tal-wited meraviljużi tagħna hemmhekk sema’ li l-missjunarji full-time setgħu jerġgħu lura, huwa qal: “Eh tajjeb, issa jistgħu jgħinuna fil-ħidma tagħna .”

Huwa korrett: il-ġabra ta’ Iżrael—l-akbar kawża f’din id-dinja24hi r-responsabbiltà tal-patt tagħna. U dan huwa ż-żmien tagħna! L-istedina tagħna llum hi sempliċi: li naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Kunu dak li intom u żommu d-dawl fil-għoli. Itolbu għall-għajnuna tas-smewwiet u imxu wara s-suġġerimenti spiritwali li tirċievu. Aqsmu ħajjitkom b’mod normali u naturali; stiednu lil ħaddieħor biex jiġi u jara, jiġi u jgħin, u jiġi u jappartjeni.25 U mbagħad ifirħu hekk kif intom u dawk li tħobbu tirċievu l-barkiet imwiegħda.

Jiena naf li fi Kristu dawn l-aħbarijiet tajbin huma mxandra lil dawk ta’ qalbhom ħelwa; fi Kristu huma mdewwija dawk ta’ qalbhom miksura; fi Kristu l-ħelsien huwa mħabbar lill-imjassrin; u fi Kristu, u biss fi Kristu, dawk li jibku għad jiksbu kuruna flok l-irmied.26 Għalhekk il-bżonn daqstant kbir li nxandru ma’ kulħadd dawn il-ħwejjeġ!27

Jien nixhed li Ġesù Kristu hu dak li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.28 Huwa jtemm, Huwa jġib fil-milja tiegħu, l-eżerċizzju tagħna tal-fidi—imperfett kemm hu imperfett—f’li nżommu d-dawl tagħna tal-evanġelju fil-għoli. Hu jwettaq il-mirakli f’ħajjitna u fil-ħajja ta’ dawk kollha li jiġbor madwaru, għax Hu Alla tal-mirakli.29 Fl-isem meraviljuż ta’ Ġesù Kistu, amen.