Nitħejjew għat-Tieni Miġja ta’ Kristu
Aktar minn qatt qabel, aħna neħtieġu li nikkonfrontaw ir-realtà li aħna ninsabu resqin aktar viċin it-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu.
Kif hemm miktub fil-Ktieb ta’ Mormon, sitt snin qabel it-twelid ta’ Ġesù Kristu, Samwel, raġel twajjeb Lamanita, ħabbar lill-poplu Nefita, li issa fil-parti l-kbira tiegħu kien waqa’ fi stat ta’ apostasija,1 dwar is-sinjali li kellhom jakkumpanjaw it-twelid tas-Salvatur tagħna. Traġikament, bosta Nefiti ma tawx każ ta’ dawk is-sinjali għaliex “ma kienx jagħmel sens li jiġi bniedem fid-dinja bħala xi Kristu.”2
Sfortunatament, skont l-iskrittura, bosta Lhud, bl-istess mod, ma setgħux jaċċettaw li raġel bl-isem ta’ Ġesù, mill-provinċja xejn importanti tal-Galilija, kien sewwasew il-Messija li tant kienu ilhom jistennew.3 Ġesù, li fil-fatt ġie biex iġib fis-seħħ ħafna profeziji li għamlu l-profeti Lhud, ma ġiex milqugħ u ġie saħansitra msallab għaliex, kif għallem il-profeta mill-Ktieb ta’ Mormon, Ġakobb, il-Lhud kienu “qed iħarsu lil hinn mis-sinjal.” Konsegwentament, Ġakobb xehed li “Alla ħa minn fosthom dak li kien sempliċi, u wasslilhom bosta ħwejjeġ li huma ma setgħux jifhmu, għax huma hekk xtaqu.” U peress li xtaqu hekk Alla għamel dan, ħalli huma jkunu jistgħu jitfixklu.”4
Stramba kemm hi stramba, l-ebda tagħlim, l-ebda miraklu, u l-ebda dehra, saħansitra anke ta’ anġlu mis-smewwiet, kif raw b’għajnejhom Laman u Lemwel,5 ma jidher li kellha l-qawwa persważiva li tikkonvinċi lil xi individwi biex jibdlu d-direzzjoni, l-ideat, jew it-twemmin tagħhom li xi ħaġa kienet vera. Dan kien speċjalment il-każ meta t-tagħlim jew il-mirakli ma kenux jaqblu mal-ideat u x-xewqat imfasslin fil-moħħ stinat ta’ xi individwu.
Jekk jogħġobkom qabblu ftit iż-żewġ kwotazzjonijiet mill-iskrittura li ġejjin, l-ewwel waħda mill-Appostlu Pawlu li titkellem dwar l-aħħar żminijiet, fejn tiddeskrivi l-modi tal-bniedem, u t-tieni minn Alma l-profeta li turina kif Alla jwettaq il-ħidma tiegħu fost l-umanità. L-ewwel minn Pawlu:
“Dan għandek tkun taf, li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes.
“Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba,
“Bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb,
“Tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla; …
“Dejjem lesti biex jitgħallmu, imma li qatt ma jseħħilhom jaslu biex jagħrfu l-verità.”6
U issa minn Alma, jiddikjara prinċipju fundamentali tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu: “Jista’ jkun li inti taħseb li din mhix ħlief bluha minn tiegħi; iżda ara, jiena ngħidlek, li huwa permezz ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi li jitwettqu ħwejjeġ kbar; u ħafna drabi huma l-ħwejjeġ żgħar li jħawdu lill-għorrief.”7
Aħna ngħixu f’dinja moderna mimlija għarfien kbir u tant nies kapaċi. Madankollu, dawn il-ħwejjeġ ħafna drabi jispiċċaw jaħbu s-sisien dgħajfa li fuqhom jinsabu mibnija. Konsegwentament, huma ma jwasslux għall-verità reali u lejn Alla u l-qawwa li tirċievi r-rivelazzjoni, tikseb l-għarfien spiritwali, u tiżviluppa l-fidi f’Ġesù Kristu li twassal għas-salvazzjoni.8
Aħna niġu mfakkra b’mod profond fil-kliem ta’ Sidna l-Mulej lil Tumas u lill-Appostli l-oħra fil-lejla tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu: “Wieġbu Ġesù, Jiena hu t-triq, il-verità, u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”9
Għal dawk li għandhom għajnejn biex jaraw, widnejn biex jisimgħu, u qalb biex tħoss, aktar minn qatt qabel, aħna neħtieġu li nikkonfrontaw ir-realtà li aħna ninsabu resqin aktar viċin it-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu. Veru illi hemm jistennew diffikultajiet kbar għal dawk li jkunu fid-dinja meta Hu jerġa’ jiġi, iżda f’dan ir-rigward, il-fidili m’għandhomx m’inxiex jibżgħu.
Issa se nikkwota ftit mis-Suġġetti tal-Evanġelju tal-Knisja taħt it-titlu “It-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu”:
“Meta s-Salvatur jerġa’ jiġi, Huwa jiġi bil-qawwa u l-glorja biex jikseb lura d-dinja bħala s-saltna tiegħu. It-Tieni Miġja tiegħu se tindika l-bidu tal-Millennju.
“It-Tieni Miġja se tkun żmien ta’ biża’ u ta’ biki għall-ħżiena, iżda se jkun jum ta’ paċi għat-twajbin. Il-Mulej iddikjara:
“Għaliex dawk li huma għaqlin u rċevew il-verità, u li jħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħhom, u li ma ġewx imqarrqin—fis-sewwa ngħidilkom, huma mhux se jitqaċċtu u mhux jinxteħtu fin-nar, iżda se jkunu meħlusin.
“U d-dinja se tingħata lilhom bħala wirt; u huma sejrin jitkattru u jissaħħu, u wliedhom jitrabbew mingħajr dnub u jkollhom is-salvazzjoni.
“‘Għax il-Mulej se jkun f’nofshom, u l-glorja tiegħu se tkun fuqhom, u hu jkun is-sultan tagħhom u l-leġislatur tagħhom’ (Doctrine and Covenants 45:57–59).”10
Fit-tħejjija tagħna għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu, jien se nipprovdi nota ta’ faraġ mill-aktar importanti għall-fidili meħuda mill-profeta tat-Testment il-Qadim, Amos: “Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.”11
F’dan l-ispirtu, il-profeta tal-Mulej fid-dinja llum, il-President Russell M. Nelson, tana dan il-parir riċenti li jispirana: “L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu evanġelju tal-indiema. Minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur, l-evanġelju tiegħu jistedinna biex inkomplu ninbidlu, nikbru, u nsiru aktar safja. Hu evanġelju ta’ tama, ta’ fejqan, u ta’ progress. Għalhekk, l-evanġelju huwa messaġġ ta’ ferħ! L-ispirti tagħna jifirħu ma’ kull pass żgħir ’il quddiem li aħna nieħdu.”12
Jiena mingħajr riserva nixhed dwar ir-realtà ta’ Alla u l-mirakli fil-ħajja ta’ kuljum ta’ numru kbir ta’ nies kemm mill-klassi baxxa kif ukoll għolja tal-ħajja. Vera, rari nitkellmu dwar ħafna esperjenzi sagri, raġuni ewlenija hi minħabba l-oriġni divina tagħhom u l-possibbiltà li xi wħud li ma jafux aħjar iwaqqgħuhom għar-redikolu.
F’dan ir-rigward, l-aħħar fost il-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon, Moroni, ifakkarna:
“U se nerġa’ nkellem lilkom li tiċħdu r-rivelazzjonijiet ta’ Alla, u tgħidu li għadda żmienhom, li ma jeżistu l-ebda rivelazzjonijiet, l-ebda profeziji, l-ebda doni, l-ebda fejqan, l-ebda persuna li titkellem bl-ilsna, u l-ebda interpretazzjoni tal-ilsna;
“Araw jien ngħidilkom, dak li jiċħad dawn il-ħwejjeġ ma jafx l-evanġelju ta’ Kristu; iva, huwa ma qarax l-iskrittura; jekk qraha, ma jifhimhiex.
“Mela aħna ma naqrawx li Alla hu li kien, fl-imgħoddi, issa, u għal dejjem, u li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir?”13
Jien se nikkonkludi d-diskors tiegħi permezz ta’ dikjarazzjoni profetika li verament tispirana mill-Profeta Joseph Smith, mogħtija lejn tmiem il-ministeru tiegħu hekk kif beda jħares ’il quddiem lejn it-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu: “M’għandniex aħna nibqgħu mexjin f’kawża daqstant kbira? Imxu ’l quddiem u mhux lura. Kuraġġ, ħuti; u ibqgħu mexjin sar-rebħa! Ħallu lil qalbkom tifraħ, u kunu verament kuntenti.”14 U ma’ dan inżid ix-xhieda tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.