Konferenza Ġenerali
Insiru iktar fi Kristu: Il-Parabbola tal-Inklinazzjoni
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Insiru iktar fi Kristu: Il-Parabbola tal-Inklinazzjoni

Skont l-orarju tal-Mulej, l-iktar importanti mhuwiex daqstant minn fejn nibdew daqskemm fejn sejrin.

Meta kont għadni tifel, kelli aspirazzjonijiet kbar. Jum fost l-oħrajn, meta ġejt lura mill-iskola staqsejt, “Mà, x’għandi nsir la nikber: plejer professjonali tal-baskitbol jew kantant kbir tar-rokk?” Sfortunatament, Clark, li qatt ma ta kas tad-dehra tiegħu, qatt ma were sinjali ta’ glorja futura, la fl-atletika u lanqas fil-mużika. U minkejja ħafna sforzi, ġejt kemm-il darba mċaħħad milli nidħol fil-programm akkademiku avvanzat tal-iskola tiegħi. L-għalliema fl-aħħar qaluli li posti għandu jkun fil-klassi standard. Maż-żmien, żviluppajt metodi ta’ studju biex jagħmlu tajjeb għal dan. Imma kellha tkun il-missjoni tiegħi l-Ġappun biex stajt inħoss li l-possibilitajiet intelletwali u spiritwali tiegħi qed jibdew joħorġu fid-deher. Komplejt naħdem bla heda. Iżda għall-ewwel darba f’ħajti, b’mod sistematiku involvejt lill-Mulej fl-iżvilupp tiegħi, u dan għamel differenza sħiħa.

Il-Presbiteru Gilbert bħala tfajjel
Il-Presbiteru Gilbert bħala missjunarju

Ħuti, f’din il-Knisja, aħna nemmnu fil-potenzjal divin tal-ulied kollha ta’ Alla u fl-abbiltà tagħna li nsiru xi ħaġa iktar fi Kristu. Skont l-orarju tal-Mulej, l-iktar importanti mhuwiex daqstant minn fejn nibdew daqskemm fejn sejrin.1

Biex nagħtikom demostrazzjoni ta’ dan l-prinċipju, ħa nieħu eżempju mill-matematika bażika. Issa m’hemmx għalfejn noħolqu paniku għax smajna l-kelma matematika fil-konferenza ġenerali. In-nies tal-fakultà tal-matematika f’BYU-Idaho aċċertawni li anki xi ħadd għadu kemm beda jasal biex jifhem dan il-kunċett ċentrali. Ħa nibdew bil-formula tal-linja. L-intersezzjoni, għall-ħtiġijiet tagħna, huwa l-bidu tal-linja. L-intersezzjoni jista’ jkollu kemm punt għoli ta’ tluq, u kemm wieħed baxx. L-inklinazzjoni tal-linja tista’ allura tiżżerżaq kemm pożittivament, kemm negattivament.

Slopes and intercepts

Kollha kemm aħna għandna intersezzjonijiet differenti fil-ħajja—nibdew f’postijiet differenti b’ħiliet differenti tal-ħajja. Uħud jitwieldu b’intersezzjonijiet għoljin, kollhom opportunitajiet. Oħrajn jiffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli tal-bidu li joffru sfida u jistgħu jidhru inġusti.2 Imbagħad nagħmlu progress tul l-inklinazzjoni tal-progress personali. Il-futur tagħna se jiddependi bil-wisq inqas mill-punt tagħna ta’ tluq u ħafna iktar mill-inklinazzjoni tagħna. Ġesù Kristu jara potenzjal divin, nibdew minn fejn nibdew. Rah fit-tallab, fil-midneb, u fil-batut. Rah fis-sajjied, fil-kollettur tat-taxxa, u anki fiż-żelota. Nibdew minn fejn nibdew, Kristu jikkonsidra x’nagħmlu b’dak li naqilgħu.3 Filwaqt li d-dinja tiffoka fuq l-intersezzjoni tagħna, Alla jiffoka fuq l-inklinazzjoni tagħna. Fil-kalkulus tal-Mulej, hu se jagħmel dak kollu li jista’ biex jgħinna ndawru l-inkilinazzjonijiet tagħna lejn is-smewwiet.

Dan il-prinċipju għandu joffri faraġ lil dawk li jitħabtu, u pawsa lil dawk li jidhru li għandhom kull vantaġġ. Ħalli nibda biex nindirizza individwi li jibdew minn ċirkustanzi diffiċli, inkluż faqar, aċċess għal edukazzjoni, sitwazzjonijiet ibsin fil-familja. Oħrajn jiffaċċjaw sfidi fiżiċi, problemi ta’ saħħa mentali, jew prediżpożizzjonijiet qawwija fil-ġenetika.4 Intom li qed titħabtu ma’ punti diffiċli ta’ tluq, nitlobkom tifhmu li s-Salvatur jaf bit-taħbit tagħkom. Huwa ħa “fuqu s-sofferenza [tagħna], sabiex huwa jimtela bil-ħniena, … ħalli [jkun] jaf … kif jista’ [jgħinna] skont it-tbatija [tagħna].”5

Ħalli naqsam żewġ tipi ta’ inkuraġġament ma’ dawk li qed jiffaċċjaw bidu b’ċirkostanzi diffiċli. L-ewwel nett, iffukaw lejn fejn tridu tmorru u mhux fuq mnejn bdejtu. Ikun ħażin li tinjoraw iċ-ċirkostanzi tagħkom—huma reali u jeħtieġ li tagħmlu xi ħaġa dwarhom. Imma meta tiffukaw wisq fuq punt diffiċli ta’ tluq, dan jista’ jagħlaqkom u anki joħnoq l-abbiltà tagħkom li tagħżlu.6

Ġuvintur f’Boston

Snin ilu servejt ma’ grupp ta’ żgħażagħ minn ġewwa l-belt ta’ Boston, Massachusetts, li aktarx ma kenux jafu wisq dwar l-evanġelju u dwar l-aspettativi tal-knisja. Kien hemm periklu li nfixkel l-empatija u t-tħassib tiegħi għas-sitwazzjoni tagħhom max-xewqa li nbaxxi l-istandards ta’ Alla.7 Fl-aħħar intbaħt li l-aqwa mod biex nuri l-imħabba tiegħi kien li qatt ma nbaxxi l-aspettattivi tiegħi. B’kull mod li kelli ħila nagħmel, ikkonċentrajna fuq il-potenzjal tagħhom, u kull wieħed minnhom beda gradwalment jeleva l-inklinazzjoni tiegħu. It-tkabbir tagħhom fl-evanġelju kien gradwali imma sod. Sal-lum il-ġurnata, huma servew missjonijiet, iggradwaw mill-kulleġġ, iżżewġu fit-tempju, u qed jgħixu ħajja impressjonanti, kemm fuq livell personali, kemm professjonali.

Ġuvintur minn Boston issa kbar

It-tieni nett, involvu lill-Mulej fil-proċess li televaw l-inklinazzjoni tagħkom. Meta kont qed inservi bħala president tal- BYU–Pathway Worldwide, niftakarni waqt devozzjonali kbira f’Lima, il-Peru, fejn il-Presbiteru Carlos A. Godoy kien il-kelliem. Huwa u jħares lejn il-kongregazzjoni kbira, kien jidher kommoss ħafna jara tant studenti żgħażagħ tal-università, kollha sħaħ fil-fidi. Forsi għaliex f’moħħu kien qed iġib il-mogħdija tiegħu stess minn ċirkostanzi simili, il-Presbiteru Godoy iddikajra emozzjonalment: il-Mulej se “jgħinkom iżjed milli intom tistgħu tgħinu lilkom infuskom. [Mela] involvu lill-Mulej f’dan il-proċess.”8 Il-profeta Nefi għallem “li aħna nsalvaw permezz tal-grazzja, wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu.”9 Jeħtiġilna nagħmlu l-parti tagħna,10 iżda huwa biss permezz tal-grazzja tiegħu li nistgħu nilħqu l-potenzjal divin tagħna.11

BYU–Pathway devozzjonali f’Lima, il-Peru
Il-Presbiteru Godoy jitkellem f’Lima, il-Peru

Fl-aħħar nett, ħalli naqsam żewġ aspetti ta’ kunsill għal dawk b’punti elevati ta’ tluq. L-ewwel ħaġa, jimporta nuru ftit umiltà dwar ċirkostanzi li forsi ma ħloqnihomx aħna? Kif darba l-eks President ta’ BYU, Rex E. Lee, ikkwota lill-istudenti tiegħu, “Kollha kemm aħna xrobna minn bjar li ma ħaffirniex aħna, u ssaħħanna ma’ nar li qabbadniex aħna.”12 Imbagħad stieden lill-istudenti tiegħu biex iroddu lura u jimlew mill-ġdid il-bjar edukazzjonali li l-pijunieri tal-imgħoddi kienu bnew. Li ma nerġgħux niżirgħu l-għelieqi miżrugħin minn ta’ qabilna jista’ jkun l-istess bħal meta nirritornaw it-talent mingħajr żjieda.

It-tieni ħaġa, li niffukaw fuq punt għoli ta’ tluq jista’ jwaqqagħna fin-nasba li naħsbu li sejrin tajjeb meta fil-fatt l-inklinazzjoni ġewwinija tagħna tkun bla ħajja. Il-professur ta’ Harvard, Clayton M. Christensen għallem li l-iktar nies ta’ suċċess huma l-iktar umli għaliex il-kunfidenza tagħhom tippermettilhom li jiġu kkoreġuti u li jitgħallmu minn kulħadd.13 Il-Presbiteru D. Todd Christofferson tana parir biex “minn jeddna [insibu metodi] biex naċċettaw il-korrezzjoni, u saħansitra biex infittxuha.”14 Anki meta l-affarjiet jidhru li sejrin tajjeb, jeħtieġ li nfittxu opportunitajiet li nitjiebu permezz ta’ petizzjoni ta’ talb.

Sew jekk nibdew f’ċirkostanzi abbundanti, sew f’dawk diffiċli, biex nirrealizzaw il-potenzjali aħħari tagħna rridu bilfors nagħmlu lil Alla s-sieħeb tagħna. Dan l-aħħar kelli diskursata ma’ edukatur ta’ fama nazzjonali li beda jistaqsi dwar is-suċċess ta’ BYU–Pathway. Bniedem intelliġenti, u l-istħarriġ tiegħu kien wieħed sinċier, iżda deher biċ-ċar li ried tweġiba sekulari. Spjegajtu dwar il-programmi tagħna ta’ retenzjoni u l-isforzi ta’ tuturaġġ. Iżda temmejt billi għidtlu, “Dawn kollha prattiċi tajbin, iżda r-raġuni vera għala l-istudenti tagħna qed jagħmlu progress huwa għaliex ngħallmuhom il-potenzjal divin tagħhom. Immaġina kieku tul ħajtek kollha kienu dejjem qalulek li qatt ma tista’ tirnexxi. Imbagħad aħseb x’impatt ikun jekk xi ħadd jgħidlek li int inti iben veru jew bint vera ta’ Alla, b’possibiltà divina.” Għal mument ma wieġeb xejn, u mbagħad kull ma qal kien, “Qawwija.”

Ħuti, wieħed mill-mirakli ta’ din, il-Knisja tal-Mulej, huwa li kull wieħed minna jista’ jsir xi ħaġa iktar fi Kristu. Ma naf bl-ebda organizzazzjoni oħra li tagħti lill-membri tagħha daqstant opportunitajiet li jservu, jagħtu lura, jindmu, u jsiru nies aħjar. Sew jekk nibdew f’ċirkostanzi diffiċli, sew jekk abbundanti, ejjew inżommu ħarsitna u l-inklinazzjonijiet tagħna jimmiraw lejn is-smewwiet. Meta nagħmlu hekk, Kristu se jelevana għal post ogħla. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Clark G. Gilbert, “The Mismeasure of Man” (BYU–Pathway Worldwide devotional, Jan. 12, 2021), byupathway.org/speeches. F’dan il-messaġġ jien stħarriġt kif id-dinja spiss tkejjel ħażin il-potenzjal uman. Anki psikologi ewlenin li jiffavorixxu kunċetti ta’ determinazzjoni (Angela Duckworth) u xeħta mentali għat-tkabbir (Carol S. Dweck) jissottovalutaw il-kapaċità vera umana meta jiddependu fuq mudelli studjati u jinjoraw il-potenzal divin tagħna fi Kristu.

  2. Ara Dale G. Renlund, “Infuriating Unfairness,” Liahona, Mejju 2021, 41–45.

  3. Ara Mattew 25:14-30. Fil-parabbola tat-talenti, kull qaddej irċieva numru differenti ta’ talenti mingħand is-sinjur tiegħu. Iżda l-ġudizzju ma ttiħedx skont kemm irċevew iżda skont kif użawh. Kienet iż- żjieda li wasslet lill-Mulej biex jgħid, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil: int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek” (Mattew 25:21).

  4. Ara Mosiah 3:19. Waħda mill-implikazzjonijiet tista’ tkun li l-espożizzjoni tagħna għall-ġibda tal-bniedem naturali tista’ tkun differenti skont differenzi fil-prediżpożizzjonijiet ġenetiċi. Bħalma aħna mogħnijin b’doni differenti, jeżistu wkoll differenzi fl-isfidi fiżiċi, mentali, u emozzjonali li jeħtiġilna nrażżnu u negħlbu.

  5. Alma 7:11–12. Kristu mhux biss jgħinna negħlbu d-dnubiet tagħna permezz tal-indiema, iżda jaf ukoll kif ifarraġna fid-diffikultajiet ta’ ħajjitna għaliex, permezz tal-Espjazzjoni, huwa ħass u għeleb kull tbatija umana.

  6. Il-Presbiteru David A. Bednar ifakkarna li aħna aġenti u li rridu nadixxu għalina nfusna. Meta niddefinixxu lilna nfusna permezz tat-tabelli tad-dinja, aħna nillimitaw il-potenzjal divin tagħna u, meta nagħmlu hekk, aħna nillimitaw l-abbiltà tagħna li nagħżlu. (Ara David A. Bednar, “And Nothing Shall Offend Them,” Liahona, Nov. 2006, 89–92.)

  7. Ara Russell M. Nelson, “The Love and Laws of God” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 17 ta’ Sett., 2019), speeches.byu.edu. F’din id-devozzjonali tal-BYU, il-President Nelson jgħallem li minħabba li Alla u Ibnu jħobbuna, huma tawna liġijiet u aspettativi li jgħinuna. “Il-liġijiet ta’ Alla jirriflettu l-Imħabba perfetta tiegħu għal kull wieħed u waħda minna. Il-liġijiet tiegħu jżommuna salvi spiritwalment u jgħinuna biex nagħmlu progress eternament” (paġna 2).

  8. Carlos A. Godoy, BYU–Pathway Connections Conference, Lima, Peru, Mejju 3, 2018.

  9. 2 Nephi 25:23.

  10. Il-ġenituri stabbilixxew motto estiż tal-familja Gilbert għal “AGĦMEL L-AĦJAR LI TISTA’.” Mod ieħor kif tinkwadra l-parabbola tal-inklinazzjoni hija li tenfasizza li, jekk nagħmlu l-aħjar tagħna, nistgħu nħallu f’idejn Alla biex jidħol hu u jagħmel id-differenza kollha.

  11. Ara Clark G. Gilbert, “From Grit to Grace” (BYU–Pathway Worldwide devotional, Sett. 25, 2018), byupathway.org/speeches. F’dan il-messaġġ stħarriġt l-idea li anki jekk jeħtiġilna nitgħallmu kif naħdmu qatigħ u niżviluppaw mudelli effettivi ta’ dixxiplina, sabiex nirrealizzaw il-potenzjal veru f’Ġesù Kristu aħna neħtieġu li nitgħallmu kif nagħmlu użu mill-grazzja Tiegħu.

  12. Rex E. Lee, “Some Thoughts about Butterflies, Replenishment, Environmentalism, and Ownership” (Brigham Young University devotional, Sett. 15, 1992), 2, speeches.byu.edu; ara wkoll Deuteronomy 6:11.

  13. Ara Clayton M. Christensen, “How Will You Measure Your Life?,” Harvard Business Review, Lulju–Aww. 2010, hbr.org. Dan il-messaġġ kien oriġinarjament ingħata bħala indirizz ta’ Jum il-Klassi fl-okkażjoni tal-gradwazzjoni ta’ Harvard Business School. Fil-messaġġ tiegħu, il-Professor Christensen wissa lill-istudenti tiegħu biex ma jisseparawx il-kunfidenza mill-umiltà, filwaqt li fakkarhom li, sabiex ikompli jagħmlu progress tul ħajjithom kollha, hemm bżonn li jkunu biżżejjed umli biex ifittxu l-korrezzjoni u jitgħallmu minn oħrajn.

  14. D. Todd Christofferson, “As Many as I Love, I Rebuke and Chasten,” Liahona, Mejju 2011, 97.