Konferenza Ġenerali
L-Imħabba ta’ Alla
konferenza ġenerali Ottubru 2021


L-Imħabba ta’ Alla

Missierna u l-Feddej tagħna berkuna bil-kmandamenti, u, jekk nobdu l-kmandamenti tagħhom, aħna nħossu l-imħabba perfetta tagħhom b’mod aktar komplet u aktar profond.

Missierna fis-Smewwiet iħobbna b’mod profond u perfett.1 Fl-imħabba tiegħu, Hu ħoloq pjan, pjan ta’ fidwa u ferħ biex jiftħilna lkoll opportunitajiet u hena li ninsabu lesti li nirċievu, sa dak kollu, u inkluż dak kollu li Hu għandu u li Hu hu.2 Biex niksbu dan, Hu kien saħansitra lest li joffri lill-Iben il-Maħbub tiegħu, Ġesù Kristu, bħala l-Feddej tagħna. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”3 L-imħabba tiegħu hi l-imħabba safja ta’ Missier—universali għal kulħadd, u fl-istess ħin personali għal kull wieħed u waħda minna.

Ġesù Kristu jaqsam mal-Missier din l-istess imħabba perfetta. Fil-bidu li l-Missier elabora l-pjan kbir ta’ ferħ tiegħu, Hu sejjaħ lil wieħed biex jaġixxi ta’ Salvatur biex jifdina—parti essenzjali ta’ dak il-pjan. Ġesù minn jeddu qal, “Hawn jien, ibgħat lili.”4 Is-Salvatur “xejn ma jagħmel jekk ma jkunx ta’ benefiċċju għad-dinja; għaliex hu jħobb lid-dinja, u saħansitra ta ħajtu biex iressaq lill-bnedmin kollha lejh. Għalhekk, hu ma jitlob lil ħadd li ma jgawdix mis-salvazzjoni tiegħu.”5

Din l-imħabba divina għandha tagħtina abbundanza ta’ faraġ u kunfidenza hekk kif nitolbu lill-Missier f’isem Kristu. Huma jafu sew lil kull wieħed u waħda minna. M’għandniex noqogħdu nsibuha bi tqila biex nitkellmu ma’ Alla, anke meta nħossuna indenji. Aħna nistgħu nafdaw fil-ħniena u l-merti ta’ Ġesù Kristu li t-talb tagħna se jinstema’.6 Waqt li nibqgħu fl-imħabba ta’ Alla, aħna nibdew niddependu ferm anqas fuq l-approvazzjoni ta’ ħaddieħor biex jiggwidana.

L-Imħabba ta’ Alla Ma Tiskużax id-Dnub; Iżda Toffri l-Fidwa

Peress li l-imħabba ta’ Alla hi mill-aktar komprensiva, xi wħud jirreferu għaliha bħala “mħabba bla kundizzjoni,” u f’moħħhom, jafu jaħsbu li dan ifisser li l-barkiet ta’ Alla huma “bla kundizzjoni,” u li s-salvazzjoni hi “bla kundizzjoni.” Mhuwiex il-każ. Xi wħud spiss jgħidu, “Is-Salvatur iħobbni kif jien,” u m’hemmx dubju minn dan. Iżda Hu ma jista’ jieħu lil ħadd minna fis-saltna tiegħu, fl-istat li ninsabu fih, “l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar hemmhekk, jew tgħammar fil-preżenza tiegħu.”7 Jeħtieġ li l-ewwel nirrisolvu dnubietna.

Il-Professur Hugh Nibley darba nnota li s-saltna ta’ Alla ma tistax tkompli teżisti jekk tippermetti fiha xi tip ta’ dnub, żgħir kemm hu żgħir: “L-iċken tebgħa ta’ korruzzjoni tfisser li d-dinja l-oħra la tkun inkorruptibbli u lanqas eterna. L-iċken difett f’bini, f’istituzzjoni, f’kodiċi, jew f’karattru inevitabbilment maż-żmien jistgħu jkunu fatali għall-eternità.”8 Il-kmandamenti ta’ Alla huma “stretti”9 għax is-saltna tiegħu u ċ-ċittadini tagħha jistgħu jibqgħu jeżistu biss jekk konsistentement jiċħdu l-ħażen u jagħżlu t-tajjeb, mingħajr eċċezzjoni.10

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland osserva, “Ġesù fehem b’mod ċar dak li ħafna fil-kultura moderna tagħna jidhru li spiss jinsew: li hemm differenza kruċjali bejn il-kmandament li taħfer id-dnub (li Hu għandu l-kapaċità infinita li jagħmel) u t-twissija kontra li tiskużah (li Hu qatt u qatt m’għamel).”11

Minkejja l-imperfezzjoni preżenti tagħna, madankollu, aħna xorta waħda nistgħu niksbu “isem u status,”12 niksbu post, fil-Knisja tiegħu, u fid-dinja ċelestjali. Wara li għamilha ċara li Hu jistax jiskuża jew jagħlaq għajnejh għall-ebda dnub, il-Mulej assigurana:

“Madankollu, dak li jindem u jobdi l-kmandamenti tal-Mulej jiġi maħfur.”13

“U kemm-il darba n-nies jindmu jiena naħfrilhom il-ħtijiet tagħhom lejja.”14

L-indiema u l-grazzja divina jirrisolvu d-dilemma:

“Ftakru wkoll fil-kliem li Amuleki qal lil Żeżrom, fil-belt ta’ Għammoniha; għaliex hu qallu li l-Mulej żgur kellu jiġi biex jifdi lill-poplu tiegħu, iżda hu ma kienx se jiġi biex jifdihom fi dnubiethom, iżda biex jifdihom minn dnubiethom.

“U hu ġie mogħti l-qawwa mingħand il-Missier biex jifdi lill-poplu Tiegħu minn dnubietu permezz tal-indiema; għalhekk huwa bagħat l-anġli tiegħu biex jiddikjaraw il-bxara tal-kundizzjoni tal-indiema, li tistieden il-qawwa tal-Feddej, għas-salvazzjoni ta’ ruħhom.”15

Bil-kundizzjoni tal-indiema, il-Mulej jista’ jestendi l-ħniena mingħajr ma jċaħħad il-ġustizzja, u “Alla ma jiqafx ikun Alla.”16

Il-mod tad-dinja, kif tafu, hu l-anti-Krist, jew “kollox minbarra Kristu.” Żmienna huwa replay tal-istorja tal-Ktieb ta’ Mormon li fih ċerti nies karismatiċi jfittxu li jkollhom dominju inġust fuq ħaddieħor, jiċċelebraw il-laxkezza sesswali, u jippromwovu l-akkumulazzjoni tal-ġid materjali bħala r-raġuni tal-eżistenza tagħna. Il-filosofiji tagħhom “jiġġustifkaw li jitwettaq daqsxejn ta’ dnub,”17 jew saħansitra ħafna dnub, iżda ħadd minnhom ma jista’ joffri l-fidwa. Dik hi possibbli biss permezz tad-demm tal-Ħaruf. L-aktar li l-folla, li temmen f’“kollox barra Kristu” jew “kollox ħlief l-indiema”, tista’ toffri hi d-dikjarazzjoni bla bażi li d-dnub ma jeżistix, jew li jekk jeżisti, ultimament mhu se jkollu l-ebda konsegwenzi. Ma nistax nara li dak l-argument se jreġi fil-Ġudizzju Finali.18

M’għandniex għalfejn ikollna nagħmlu l-impossibbli biex nippruvaw niġġustifikaw dnubietna. U mill-banda l-oħra, m’għandniex nippruvaw nagħmlu l-impossibbli biex inħassru l-effetti tad-dnub bil-mertu tagħna biss. Ir-reliġjon tagħna mhijiex waħda ta’ razzjonaliżmu jew reliġjon ta’ perfezzjoniżmu, iżda reliġjon ta’ fidwa—fidwa permezz ta’ Ġesù Kristu. Jekk aħna fost il-penitenti, permezz tal-Espjazzjoni tiegħu, dnubietna huma msammrin mas-salib tiegħu, u “bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.”19

L-Imħabba Mixtieqa tal-Profeti Tirrifletti l-Imħabba ta’ Alla

Jien ili żmieni nħossni impressjonat biha, u ġieli anki ħassejtha, dik l-imħabba tixxennaq tal-profeti ta’ Alla fit-twissijiet tagħhom kontra d-dnub. Huma mhumiex immotivati permezz ta’ xewqa biex jikkundannaw. Ix-xewqa vera tagħhom tirrifletti l-imħabba ta’ Alla; fil-fatt, sewwasew hi l-imħabba ta’ Alla. Huma jħobbu lil dawk li jintbagħtu għandhom, huma min huma u jinsabu fejn jinsabu. L-istess bħall-Mulej innifsu, il-qaddejja tiegħu ma jridu lil ħadd ibati l-uġigħ tad-dnub u tal-għażliet żbaljati.20

Alma ntbagħat biex jiddikjara l-messaġġ tal-indiema u l-fidwa lil nies mimlija mibegħda li kienu lesti li jippersegwitaw, jittorturaw, u saħansitra joqtlu lill-fidili Kristjani, fosthom lill-istess Alma. Madankollu wriehom imħabbtu u xtaqilhom is-salvazzjoni. Wara li ddikjara l-Espjazzjoni ta’ Kristu lin-nies ta’ Għammoniha, Alma b’ħerqa talabhom: “U issa, ħuti, nixtieq minn qiegħ qalbi, iva, b’ħerqa kbira u b’weġgħa f’qalbi, li intom tisimgħu kliemi, u tiċħdu dnubietkom, … ħalli tkunu tistgħu tiġi eżaltati fl-aħħar jum u tidħlu fil-mistrieħ ta’ Alla.”21

Biex nuża kliem il-President Russell M. Nelson, “Hu preċiżament għaliex jimpurtana verament minn l-ulied kollha ta’ Alla li aħna niddikjaraw il-verità.”22

Alla Jħobbkom; Intom Tħobbuh?

L-imħabba tal-Missier u tal-Iben tingħata b’xejn iżda tinkludi wkoll bosta tamiet u aspettattivi. Għal darb’oħra se nikkwota lill-President Nelson, “Il-liġijiet ta’ Alla huma għal kollox motivati mill-imħabba infinita tiegħu għalina u x-xewqa tiegħu għalina li nilħqu kemm nistgħu l-potenzjal tagħna.”23

Peress li Huma jħobbukom, Huma ma jridux iħallukom “kif intom bħalissa.” Peress li Huma jħobbukom, Huma jridukom tkunu ferħanin u tirnexxu. Peress li Huma jħobbukom, Huma jridukom tindmu għaliex dik hi t-triq li twassal għall-ferħ. Iżda l-għażla hi tagħkom—Huma jonoraw il-volontà tagħkom. Jeħtieġ li intom tagħżlu li tħobbuhom, li taqduhom, li tħarsu l-kmandamenti tagħhom. Imbagħad Huma jkunu jistgħu iberkukom b’mod aktar abbundanti kif ukoll iħobbukom .

L-aspettattiva prinċipali tagħhom għalina hi li aħna wkoll inħobbu. “Dak li ma jħobbx ma jagħrafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.”24 Kif kiteb Ġwanni, “Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.”25

Joy D. Jones, li kienet Presidenza Ġenerali tal-Primarja, qalet li meta kienu għadhom koppja żagħżugħa, hi u żewġha ġew imsejħa biex imorru jżuru u jimministraw familja li kienu ilhom snin ma jattendu l-knisja. Kien jidher mill-ewwel fl-ewwel żjara tagħhom li huma ma kenux milqugħin. Wara l-frustrazzjoni ta’ diversi attentati li fallew, u wara ħafna talb sinċier u ħin jixtarru, Brother and Sister Jones irċevew risposta għar- raġuni tas-servizz tagħhom: “Intom għandkom tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, b’qalbkom kollha, b’saħħitkom kollha, b’moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha; u f’isem Ġesù Kristu għandkom taqduh.26 Sister Jones qalet:

“Irrealizzajna li aħna b’sinċerità konna qed nagħmlu l-almu tagħna li nservu lil din il-familja u nservu lill-isqof tagħna, iżda kellna nistaqsu lilna nfusna jekk aħna konniex qed nagħmlu dan sforz l-imħabba tagħna lejn il-Mulej. …

Aħna bdejna nħarsu ’l quddiem għaż-żjarat tagħna ma’ din il-familja għażiża sforz l-imħabba tagħna lejn il-Mulej [ara 1 Nephi 11:22]. Dan aħna konna qed nagħmluh għalih. Huwa għen biex it-taqbida tagħna ma tibqax aktar taqbida. Wara xhur sħaħ nitħallew barra fuq l-għatba, huma bdew iħalluna nidħlu ġewwa. Eventwalment, aħna bdejna regolarment nitolbu u niddiskutu bil-ħlewwa l-evanġelju flimkien magħhom. Spiċċat biex żviluppat ħbiberija dejjiema bejnietna. Aħna bdejna nqimuh u nħobbuh billi nħobbu lil uliedu.”27

Biex nuru li Alla jħobbna b’mod perfett, tajjeb li lkoll nistaqsu, “Jien kemm verament inħobb lil Alla? Tgħid hu jista’ jiddependi fuq imħabbti kemm jien nista’ niddependi fuq tiegħu?” Ma tkunx aspirazzjoni denja li ngħixu b’tali mod li Alla jkun jista’ jħobbna mhux sempliċiment minkejja n-nuqqasijiet tagħna iżda minħabba dak li qed insiru? O, li Hu jkun jista’ jgħid dwarkom u dwari kif qal dwar Hyrum Smith, per eżempju, “Jien, il-Mulej, inħobbu minħabba l-integrità ta’ ruħu.”28 Ejjew niftakru fit-twiddiba kollha mħabba ta’ Ġwanni: “Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal.”29

Verament, il-kmandamenti tiegħu mhumiex diffiċli—anzi l-oppost. Huma juruna t-triq għall-fejqan, għall-ferħ, għall-paċi, u għall-hena. Missierna u l-Feddej tagħna berkuna bil-kmandamenti, u jekk nobdu l-kmandamenti tagħhom, aħna nħossu l-imħabba perfetta tagħhom b’mod aktar komplet u profond.30

Hawn hi s-soluzzjoni għall-mumenti ta’ tilwim u ta’ prova tagħna—l-Imħabba ta’ Alla. Fiż-żmien tad-deheb fl-istorja tal-Ktieb ta’ Mormon wara l-ministeru tas-Salvatur, naqraw li “ma kien hemm ebda ġlied fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’qalb il-poplu.”31 Hekk kif nagħmlu li nistgħu fi triqitna lejn Sijon, ejjew niftakru fil-wegħda li hemm fl-Apokalissi: “Hienja dawk li jaħslu lbieshom, sabiex ikollhom is-setgħa fuq is-siġra tal-ħajja u jidħlu mill-bibien fil-belt imqaddsa.”32

Jiena nixhed dwar ir-realtà ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, u l-imħabba kostanti tagħhom li ma tmut qatt. F’isem Ġesù Kristu, amen.