Ftakar, fil-Qaddisin Tiegħek li Qed Ibatu , O Alla Tagħna
Iż-żamma tal-patti tagħtina aċċess għall-qawwa tas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu li tipprovdi lilkom li qed tbatu l-qawwa u saħansitra l-ferħ.
Il-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna fis-Smewwiet jinkludi fih esperjenza mortali li fiha wliedu kollha jiġu ppruvati u jiffaċċjaw ċerti sfidi.1 Ħames snin ilu jien ħariġli l-kanċer. Jien ħassejt u għadni nħoss l-uġigħ fiżiku riżultat tal-operazzjonijiet, tat-trattamenti bir-raġġi, u tal-effetti negattivi tal-mediċina. Jien esperjenzajt ċerti problemi emozzjonali f’iljieli bla irqad mill-aktar diffiċli. L-istatistika medika tindika li jien probabbilment se nħalli din id-dinja qabel ma stennejt, u se nħalli warajja, għal xi żmien, familja li hi kollox għalija.
Irrispettivament fejn intom toqogħdu, it-tbatija fiżika jew emozzjonali minn għadd ta’ sfidi u dgħjufijiet mortali żgur li kienet, hija, jew xi darba se tkun parti minn ħajjitkom.
It-tbatija fiżika tista’ tkun riżultat tax-xjuħija naturali, ta’ xi mard mhux mistenni, jew ta’ xi aċċident li jista’ jinqala’; tal-ġuħ jew nuqqas ta’ kenn; ta’ abbuż, ta’ xi atti vjolenti, u ta’ gwerra.
It-tbatija emozzjonali tista’ tkun ukoll riżultat ta’ anzjetà jew dipressjoni; ta’ tradiment ta’ xi konjuġi, ta’ xi ġenitur, jew xi mexxej li nafdaw fih; ta’ telf ta’ impjieg jew telf finanzjarju; ta’ ġudizzju inġust minn ħaddieħor; ta’ ċerti għażliet tal-ħbieb, tat-tfal, jew ta’ membri oħra tal-familja; ta’ xi forma oħra ta’ abbuż; ta’ ħolm ta’ żwieġ jew ta’ tfal li għadu ma twettaqx; ta’ xi marda severa jew mewt qabel iż-żmien ta’ xi maħbubin, jew tant raġunijiet oħra.
Kif inhu possibbli li nibqgħu nissaportu t-tbatija unika u xi kultant debilitanti li lkoll kemm aħna nesperjenzaw?
Kemm għandkom tkunu grati li tistgħu ssibu t-tama fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, u li din it-tama tista’ wkoll tkun parti minn ħajjitkom. Illum se naqsam magħkom erba’ prinċipji ta’ tama bbażati fuq l-iskrittura, fuq tagħlim profetiku, fuq bosta żjarat tal-ministeru, u fuq l-isfidi kontinwi ta’ saħħti. Dawn il-prinċipji mhumiex sempliċiment applikabbli għal sitwazzjonijiet varji iżda huma wkoll mill-aktar personali.
L-ewwel, it-tbatija ma tfissirx li Alla hu diżappuntat b’ħajjitkom. Elfejn sena ilu, id-dixxipli ta’ Ġesù raw raġel agħma fit-tempju u staqsew, “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”
Id-dixxipli tiegħu jidher li kienu jemmnu b’mod żbaljat, kif bosta nies jemmnu llum, li d-diffikultajiet u t-tbatija kollha fil-ħajja huma riżultat tad-dnub. Iżda s-Salvatur wieġeb, “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih.”2
Il-ħidma ta’ Alla hi li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tagħna.3 Iżda l-isfidi u t-tbatija kif jistgħu—speċjalment it-tbatija imposta fuqna minħabba l-użu ħażin tal-volontà ta’ ħaddieħor4—ultimament imexxu ’l quddiem il-ħidma ta’ Alla?
Il-Mulej qal lill-poplu tiegħu tal-patt, “Jien saffejtek … ; ippruvajtek fil-forn tan-niket.”5 Hi x’inhi l-kawża tat-tbatija tagħkom, Missierkom fis-Smewwiet li tant iħobbkom jista’ jidderiġiha biex issaffilkom ruħkom.6 L-erwieħ safja jistgħu jgħinu jġorru t-tagħbija ta’ ħaddieħor b’empatija u kompassjoni vera.7 L-erwieħ safja li għaddew “minn taħbit kbir” huma ppreparati biex jgħixu b’ferħ fil-preżenza ta’ Alla għal dejjem, u “Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.”8
It-tieni, Missierna fis-Smewwiet hu intimament konxju tat-tbatija tagħkom. F’nofs dawn l-isfidi, aħna b’mod żbaljat nafu naħsbu li Alla jinsab ’il bogħod minna u ma jimpurtahx mill-uġigħ tagħna. Anke l-Profeta Joseph Smith esprima dan is-sentiment fi żmien mill-aktar diffiċli f’ħajtu. Meta kien inkarċerat fiċ-Ċella ta’ Liberty waqt li eluf ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien kienu qed jitkeċċew minn djarhom, Joseph ipprova jifhem permezz tat-talb: “O Alla, fejn inti? U fejn hu l-għarix li jgħatti fejn tistaħba?” Hu temm b’din it-talba: “Ftakar, fil-qaddisin tiegħek li qed ibatu, O Alla tagħna.”9
It-tweġiba tal-Mulej aċċertat lil Joseph u lil dawk kollha li jgħaddu mit-tbatija:
“Ibni, sliem għalik; l-avversità tiegħek u t-tbatija tiegħek se jkunu biss għal żmien qasir;
“U mbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti sat-tmiem, Alla jeżaltak fil-għoli.”10
Bosta Qaddisin li għaddew minn tbatija qasmu miegħi kif huma ħassew fihom l-imħabba ta’ Alla waqt l-isfidi tagħhom. Jien niftakar b’ċarezza l-esperjenza tiegħi f’mument partikolari waqt il-battalja tiegħi mal-kanċer meta t-tobba kienu għadhom ma sabux għalfejn kelli daqstant uġigħ sever. Jien poġġejt bilqiegħda ma’ marti, b’intenzjoni li noffri barka fuq l-ikel kif nagħmel is-soltu. Minflok, jien ma rnexxieli nlissen xejn ħlief li bdejt nikbi u ngħid, “Missier fis-Smewwiet, jekk jogħġbok għinni. Inħossni marid ħafna.” Għal xi 20 jew 30 sekonda ħassejtni mħaddan f’imħabbtu. Ma ngħatajt l-ebda raġuni għax kont qed inħossni marid, l-ebda indikazzjoni ta’ x’kien se jkun ir-riżultat, u l-ebda serħan mill-uġigħ. Ħassejt biss l-imħabba safja tiegħu, u dan kien u hu biżżejjed għalija.
Jien rajt b’għajnejja li Missierna fis-Smewwiet, li jinnota meta jaqa’ mal-art għasfur tal-bejt, hu konxju tat-tbatija tagħkom.11
It-tielet, Ġesù Kristu joffri l-qawwa tiegħu li ssaħħaħna biex jgħinkom ikollkom il-qawwa li tibqgħu tissaportu t-tbatija tagħkom b’kuraġġ. Din il-qawwa li ssaħħaħna hi possibbli permezz tal-Espjazzjoni tiegħu.12 Nibża’ li wisq membri tal-Knisja jaħsbu li jekk ikunu xi ftit aktar qliel, huma jkunu jistgħu jirreżistu kwalunkwe tbatija weħidhom. Mhux faċli tgħix b’dan il-mod. Il-mument temporanju tagħkom ta’ qawwa qatt ma tistgħu tqabbluh mal-provvista infinita ta’ qawwa tas-Salvatur li tiffortifika ruħkom.13
Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem li Ġesù Kristu se “jieħu fuqu” l-uġigħ, il-mard, u t-tbatija tagħna ħalli Hu jkun jista’ jgħinna.14 Kif tistgħu tagħmlu użu mill-qawwa li Ġesù Kristu joffrilkom biex jgħinkom u jqawwikom f’mumenti ta’ tbatija? Is-sigriet hu li tintrabtu mas-Salvatur billi tħarsu l-patti li għamiltu miegħu. Aħna nagħmlu dawn il-patti hekk kif nirċievu l-ordinanzi tas-saċerdozju.15
In-nies ta’ Alma daħlu fil-patt tal-magħmudija. Aktar tard batew il-jasar u ġew imċaħħdin milli jqimu pubblikament jew li saħansitra jinstemgħu jitolbu. Madankollu huma ħarsu l-patti tagħhom bl-aħjar mod li setgħu billi bdew jitolbu fis-silenzju ta’ qalbhom. B’riżultat ta’ dan, huma esperjenzaw il-qawwa divina. “Il-Mulej saħħaħhom li setgħu jġorru t-tagħbija tagħhom b’faċilità.”16
Fi żmienna, is-Salvatur jistedinna, “Ħares lejja f’kull ħsieb; tiddubitax, tibżax.”17 Meta aħna nħarsu l-patt tagħna tas-sagrament, il-patt li dejjem niftakru fih, Hu jwegħidna li l-Ispirtu tiegħu jkun magħna. L-Ispirtu jagħtina l-qawwa li nibqgħu nissaportu l-isfidi tagħna u nagħmlu dak illi mhux possibbli nagħmlu weħidna. L-Ispirtu jista’ jfejjaqna, minkejja li kif għallem il-President James E. Faust, “Xi fejqan jaf iseħħ f’dinja oħra.”18
Aħna mberkin ukoll bil-patti u l-ordinanzi tat-tempju, fejn “il-qawwa tad-divinità tista’ tidher.”19 Jiena ltqajt ma’ mara li tilfet lit-tifla adoloxxenti tagħha f’aċċident verament ikrah, u wara tilfet lil żewġha minħabba l-kanċer. Jien staqsejtha kif irnexxielha tkampa b’telfien u tbatija bħal din. Hi wieġbet li l-qawwa li kellha kienet ġejja mir-riassigurazzjoni spiritwali ta’ familja eterna, li rċeviet waqt il-qima regolari tagħha fit-tempju. Kif kienet imwiegħda, l-ordinanzi tad-dar tal-Mulej armawha bil-qawwa ta’ Alla.20
Ir-raba’, agħżlu li ssibu l-ferħ kuljum. Dawk li jbatu spiss iħossu li l-lejl ma jista’ jgħaddi qatt, u l-jum ma jfeġġ qatt. Ma jimpurtax billi tibku.21 Madankollu, jekk tinqabdu fil-lejl mudlam tat-tbatija, jekk intom tagħżlu l-fidi intom tkunu tistgħu tisbħu għad-dija tal-għodwiet ta’ ferħ.22
Per eżempju, jiena ltqajt ma’ omm żagħżugħa li kienet għaddejja bit-trattament tal-kanċer, li fuq ħaddejha, waqt li kienet fis-siġġu tagħha, kellha tbissima enormi minkejja l-uġigħ u n-nuqqas ta’ xagħar. Jien iltqajt ma’ koppja ta’ mezza età li kienu qed iservu b’ferħ bħala mexxejja taż-żgħażagħ minkejja li ma setax kollhom tfal. Poġġejt bilqiegħda ma’ mara għażiża—nanna ta’ età żgħira, omm, u mara miżżewġa—li kellha tmut ftit jiem wara, madankollu fost id-dmugħ tal-familja kien hemm ukoll tifkiriet li ġabu tbissima u ferħ.
Dawn il-Qaddisin li batew huma ta’ eżempju għal dak li għallem il-President Russell M. Nelson:
“Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.
“Meta aħna niffokaw ħajjitna fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.”23
Jiena nixhed24 li Missierna fis-Smewwiet mhux se jinsa lill-Qaddisin tiegħu li jkunu qed ibatu, Huwa jħobbkom, u Hu intimament konxju minnkom. Is-Salvatur tagħna jaf kif tħossukom. “Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, u tgħabba bin-niket tagħna.”25 Jien naf—bħala reċipjent f’kull jum tal-ġimgħa26—li ż-żamma tal-patti tagħtina aċċess għall-qawwa tas-sagrifiċċju tal-espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu li tipprovdi lilkom li qed tbatu l-qawwa u saħansitra l-ferħ.
Għal dawk kollha li qed ibatu, jien nitlob “Jalla Alla jħaffef it-toqol tagħkom, permezz tal-ferħ ta’ Ibnu.”27 F’isem Ġesù Kristu, amen.