Noffru Qdusija lill-Mulej
Is-sagrifiċċju mhuwiex daqstant dwar “ċaħda” aktar milli fil-fatt hu dwar li tagħmel “offerta” lill-Mulej.
Is-sena li għaddiet, meta kont qed inservi fil-Presidenza Reġjonali tal-Asja tat-Tramuntana, irċevejt telefonata mill-President Russell M. Nelson fejn stedinni biex inservi bħala t-Tieni Kunsillier fil-Veskovat li Jippresedi. Hu b’mod grazzjuż stieden lil marti, Lori, biex tingħaqad magħna fil-konverżazzjoni. Kif qtajna, bilkemm stajna nemmnu dak li konna smajna u marti staqsiet, “Allura x’inhi sewwasew il-ħidma li jwettaq il-Veskovat li Jippresedi?” Wara ftit tal-ħin nirrifletti, jiena weġibt, “M’inix ċert!”
Sena wara—u wara bosta sentimenti profondi ta’ umiltà u gratitudni—issa nista’ nwieġeb il-mistoqsija ta’ marti b’għarfien akbar. Fost ħafna affarijiet, il-Veskovat li Jippresedi jissorvelja il-ħidma tal-welfer u dik umanitarja tal-Knisja. Din il-ħidma issa tkopri lid-dinja kollha u qed tbierek aktar minn fost ulied Alla minn qatt qabel.
Bħala l-Veskovat li Jippresedi, aħna ninsabu megħjuna mill-għadd ta’ impjegati tal-Knisja meraviljużi u minn nies oħra, fosthom mill-membri tal-Presidenza Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, li jservu magħna fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Welfer u Awto-Dipendenza tal-Knisja. Fl-irwol tagħna bħala membri ta’ dak il-kumitat, l-Ewwel Presidenza talbu lili—kif ukoll lil Sister Sharon Eubank, li kellmitna lbieraħ filgħaxija—biex nagħtukom aġġornament tal-ħidma umanitarja riċenti tal-Knisja. Huma partikolarment talbu wkoll li aħna naqsmu magħkom il-gratitudni profonda tagħhom—għaliex, ħuti, intom kontu dawk li għamiltu possibbli din il-ħidma umanitarja.
Hekk kif osservajna b’ċerta preokkupazzjoni l-effetti inizjarji tal-kriżi tal-COVID-19 madwar id-dinja, aħna bla dubju konna qed nistennew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet ta’ flus li l-Qaddisin setgħu jagħtu. Wara kollox, il-membri tagħna ma kenux se jeħilsuha mid-diffikultajiet li kienet se ġġib magħha l-pandemija. Immaġinaw x’ħassejna meta rajna li ġara l-oppost! Ġara li qatt ma ngħataw donazzjonijiet umanitarji daqs l-2020—u jidher li din is-sena se jingħataw saħansitra aktar. B’riżultat tal-ġenerożità tagħkom, il-knisja setgħet twettaq l-aktar rispons estensiv tagħha minn meta ngħata bidu għall-Fond Umanitarju, b’aktar minn 1,500 proġett ta’ għajnuna f’aktar minn 150 pajjiż. Dawn id-donazzjonijiet, li intom offrejtu lill-Mulej b’daqstant altruwiżmu, ġew konvertiti f’ikel, f’ossiġnu, u f’servizzi mediċi li jsostnu l-ħajja, u f’tilqim għal dawk li probabbilment kienu jibqgħu mingħajr tilqima.
Sinifikanti wkoll daqs il-kontribut materjali hija n-nixxiegħa tremenda ta’ ħin u enerġija li l-membri tal-Knisja offrew għal kawżi umanitarji. Anke hekk kif il-pandemija bdiet tintensifika ruħha, id-diżastri naturali, il-kunflitt ċivili, u l-instabbiltà ekonomika baqgħu ma qatgħu xejn u komplew iwasslu biex miljuni ta’ nies jitilqu minn djarhom. Il-Ġnus Magħquda issa tirrapporta li fid-dinja hawn aktar minn 82 miljun ruħ li ġew imġiegħla jħallu arthom.1 Ma’ dawn żidu miljuni oħrajn li riedu jaħarbu mill-faqar jew mill-oppressjoni biex ifittxu ħajja aħjar għalihom infushom jew għal uliedhom, u tkunu tistgħu tagħrfu l-kobor ta’ din is-sitwazzjoni globali.
Bi pjaċir nirrapporta li grazzi għall-ħin u t-talenti ta’ bosta voluntiera, il-Knisja qed topera għadd ta’ ċentri li fihom tilqa’ lir-refuġjati u lill-immigranti f’bosta postijiet fl-Istati Uniti u fl-Ewropa. U grazzi għall-kontribuzzjonijiet tagħkom, aħna qed nipprovdu affarijiet, fondi, u voluntiera biex ngħinu programmi simili mmexxija minn organizzazzjonijiet oħra madwar id-dinja.
Ippermettuli nestendi l-gratitudni sinċiera tiegħi lil dawk il-Qaddisin li b’imħabba temgħu, libbsu lil dawn ir-refuġjati, u għamlu ħbieb ma’ dawn ir-refuġjati u għenuhom jistabbilixxu ruħhom u jkunu awto-suffiċjenti.
Ilbieraħ filgħaxija, Sister Eubank tkellmet magħkom dwar ftit mill-inizjattivi meraviljużi tal-Qaddisin f’dan ir-rigward. Hekk kif nirrifletti fuq din il-ħidma, ħsibijieti jmorru fuq il-prinċipju tas-sagrifiċċju u l-konnessjoni diretta li hemm bejn dan il-prinċipju u ż-żewġ kmandamenti l-kbar li nħobbu lil Alla u lil għajrna.
Fil-lingwaġġ modern, it-terminu sagrifiċċju sar jindika l-kunċett li “tiċċaħħad” minn ċerti ħwejjeġ għall-Mulej u għas-saltna tiegħu. Madankollu, fi żmien il-qedem, it-tifsira tal-kelma sagrifiċċju kienet aktar marbuta mill-viċin mal-għeruq tagħha fil-Latin: sacer, li tfisser “sagru” jew “qaddis,” u facere, li tfisser “li tagħmel.”2 Għalhekk, is-sagrifiċċju fi żmien il-qedem kien letteralment ifisser li tagħmel xi ħaġa qaddisa jew li tagħmel lil xi ħadd qaddis.3 Jekk inħarsu lejh b’dan il-mod, is-sagrifiċċju hu proċess biex issir qaddis u ssir taf lil Alla, mhux xi avveniment jew “ċaħda” ritwalistika ta’ xi ħaġa għall-Mulej.
Il-Mulej qal, “Għaliex jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ’l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.”4 Il-Mulej iridna nsiru qaddisin,5 li nippossedu l-karità,6 u li nsiru nafuh.7 Kif għallem l-Appostlu Pawlu, “U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.”8 Ultimament, il-Mulej irid il-qalb tagħna; Hu jridna nsiru ħlejjaq ġodda fi Kristu.9 Kif Huwa talab lin-Nefiti, “Bħala sagrifiċċju intom lili għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu sogħbien.”10
Is-sagrifiċċju mhuwiex daqstant dwar “ċaħda” aktar milli fil-fatt hu dwar li tagħmel “offerta” lill-Mulej. Imnaqqax fuq l-entratura ta’ kull wieħed mit-tempji tagħna nsibu l-kliem “Qdusija lill-Mulej; id-Dar tal-Mulej.” Hekk kif nosservaw il-patti tagħna permezz tas-sagrifiċċju, aħna nsiru qaddisin permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu; u fuq l-artali tat-tempju mqaddes, permezz ta’ qalb maqsuma u spirtu niedem, aħna noffru l-qdusija tagħna lill-Mulej. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: “Is-sottomissjoni tar-rieda [jew tal-qalb11] tagħna hi sewwasew l-unika ħaġa unikament personali li għandna npoġġu fuq l-artal ta’ Alla. … Madankollu, meta jien u intom finalment nissottomettu lilna nfusna, billi nħallu r-rieda individwali tagħna tiġi kkunsmata fir-rieda ta’ Alla, hemmhekk aħna nkunu verament qed nagħtu xi ħaġa bħala offerta lil Alla!”12
Meta nħarsu lejn is-sagrifiċċji tagħna f’isem ħaddieħor mill-perspettiva ta’ “ċaħda,” jista’ jkun li nibdew inħarsu lejhom bħallikieku huma xi piż u naqtgħu qalbna meta s-sagrifiċċji tagħna ma jiġux apprezzati jew ippremjati. Madankollu, meta nħarsu lejhom mill-perspettiva li huma “offerta” lill-Mulej, is-sagrifiċċji tagħna f’isem ħaddieħor isiru rigali, u l-ferħ li nagħtu b’ġenerożità jsir għalina l-istess premju tagħna. Ħielsa mill-bżonn għall-imħabba, għall-approvazzjoni, jew għall-apprezzament ta’ ħaddieħor, is-sagrifiċċji tagħna jsiru l-aktar espressjonijiet safja u profondi tal-gratitudni u tal-imħabba tagħna lejn is-Salvatur u lejn għajrna. Kwalunkwe sens ta’ kburija għas-sagrifiċċju tagħna jinbidel f’sentiment ta’ gratitudni, ġenerożità, kuntentizza, u ferħ.13
Xi ħaġa tista’ ssir qaddisa—kemm jekk hi l-ħajja tagħna, il-ġid tagħna, il-ħin tagħna, jew it-talenti tagħna—mhux sempliċiment billi niċċaħħdu minnha iżda pjuttost billi nikkonsagrawha14 lill-Mulej. Il-ħidma umanitarja tal-Knisja hi waħda minn dawn ir-rigali. Hi l-prodott ta’ offerta kollettiva, u kkonsagrata tal-Qaddisin, manifestazzjoni tal-imħabba tagħna lejn Alla u lejn uliedu.15
Steve u Anita Canfield huma rappreżentattivi tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar id-dinja li esperjenzaw għalihom infushom il-barkiet trasformattivi riżultat tas-sagrifiċċji li huma offrew lill-Mulej. Bħala missjunarji tal-welfer u l-awto-dipendenza, il-Canfields ġew mitlubin jipprovdu għajnuna fil-kampijiet tar-refuġjati u f’ċentri għall-immigranti madwar l-Ewropa. Fil-ħajja professjonali tagħha, Sister Canfield kienet interior designer ta’ fama internazzjonali, b’kuntratti ma’ klijenti sinjuri biex hi ssebbħilhom id-djar lussużi tagħhom. F’daqqa waħda, hi spiċċat f’dinja li kienet kompletament l-oppost hekk kfi bdiet isservi fost nies li kienu tilfu kważi kollox fejn jidħol ġid materjali. Fi kliemha, hi ssagrifikat “l-artijiet tal-irħam għal oħrajn tat-trab,” u waqt li għamlet dan hi sabet sodisfazzjoni enormi hekk kif hi u żewġha bdew jagħmlu ħbieb ma’ dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tagħhom—u ma damux ma bdew iħobbuhom u jgħożżuhom.
Il-Canfields osservaw, “Aħna ma bdejniex inħossuna li qegħdin ‘niċċaħħdu’ minn xi ħaġa biex inservu lill-Mulej. Ix-xewqa tagħna kienet sempliċiment li ‘noffrulu’ l-ħin u l-enerġija tagħna biex inbierku lil uliedu b’kwalunkwe mod li Hu jixtieq jużana. Hekk kif aħna ħdimna flimkien ma’ ħutna, kull apparenza fiżika—kwalunkwe differenzi fl-isfond jew fl-appartenenza tagħna—ma bqajniex nagħtu kasha, u aħna sempliċiment bdejna nħarsu lejn il-qalb ta’ xulxin. L-ebda ammont ta’ suċċess fil-karriera jew ġid materjali ma nistgħu nqabbluh mal-mod kif dawn l-esperjenzi, li nservu fost l-aktar ulied umli ta’ Alla, bierku ħajjitna.”
L-istorja tal-Canfields, u ħafna oħrajn bħalha, għenuni napprezza l-kliem ta’ għanja tal-Primarja sempliċi madankollu mill-aktar profonda:
“Agħtu,” qalet in-nixxiegħa ż-żgħira.
Hekk kif bdiet tnixxi mal-għolja;
“Jien żgħira, naf, iżda minn kull fejn ngħaddi
L-għelieqi jiħdaru.”
Iva, ilkoll kemm aħna aħna żgħar, iżda flimkien hekk kif nagħmlu li nistgħu biex noffru s-sagrifiċċji tagħna lil Alla u lil għajrna, kull fejn immorru aħna ntejbu u nbierku ħajjet ħaddieħor.
It-tielet vers ta’ din l-għanja mhuwiex daqstant magħruf iżda jagħlaq b’din l-istedina ta’ mħabba:
Agħtu, mela, kif jagħti Ġesù;
Hemm xi ħaġa li lkoll nistgħu nagħtu.
Agħmlu kif jagħmlu n-nixxigħat u l-blanzuni:
Għal Alla u għal oħrajn għixu.16
Għeżież ħuti, hekk kif ngħixu għal Alla u għal oħrajn billi noffru l-mezzi tagħna, il-ħin tagħna, u iva, anke lilna nfusna, aħna nkunu qed inħallu d-dinja post aktar ħadrani, inħallu lil ulied Alla ftit aktar kuntenti, u, fil-proċess, aħna nsiru aktar qaddisa.
Jalla l-Mulej iberikkom verament għas-sagrifiċċji li lilu toffrulu minn jeddkom.
Jiena nixhed li Alla jgħix. “Bniedem ta’ Qdusija hu ismu.”17 Ġesù Kristu hu Ibnu u Hu dak li jagħti kull rigal tajjeb.18 Jalla aħna permezz tal-grazzja tiegħu, u l-osservanza tal-patti tagħna permezz tas-sagrifiċċju, insiru aktar qaddisa u nkomplu noffru aktar mħabba u qdusija lill-Mulej.19 Fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kistu, amen.