Konferenza Ġenerali
Il-Kompassjoni Dejjiema tas-Salvatur
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Il-Kompassjoni Dejjiema tas-Salvatur

L-espressjoni ta’ kompassjoni lejn ħaddieħor hi l-essenza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu

Wieħed mill-aktar prinċipji impressjonanti li għallem is-Salvatur waqt il-ministeru tiegħu fid-dinja kien li nittrattaw lil ħaddieħor b’kompassjoni. Ejjew nirriflettu ftit dwar dan il-prinċipju u l-applikazzjoni prattika tiegħu billi nikkunsidraw ir-rakkont taż-żjara ta’ Ġesù fid-dar ta’ Xmun, il-Fariżew.

L-Evanġelju ta’ Luqa jgħid li kien hemm waħda mara, li kienet meqjusa bħala mara midinba, daħlet fid-dar ta’ Xmun waqt li kien hemm Ġesù. B’turija sempliċi ta’ rimors, il-mara marret fuq Ġesù, ħasslitlu riġlejh bid-dmugħ tagħha, ixxuttathom b’xagħarha, u mbagħad bisithom u dilkithom b’żejt speċjali.1 Sid id-dar, li kien jikkunsidra lilu nnifsu moralment superjuri għall-mara, qal bejnu u bejn ruħu, b’ċerta kburija u arroganza u biex iċanfar, “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu: għax hi midinba.”2

L-attitudni ta’ jien-aktar-qaddis-minnek ta’ dan il-Fariżew wasslitu biex jiġġudika b’mod inġust kemm lil Ġesù kif ukoll lill-mara. Iżda fl-omnixxenza tiegħu, is-Salvatur kien jaf x’kien għaddej minn moħħ Xmun, u b’għerf kbir, sfida l-attitudni kondixxendenti ta’ Xmun, kif ukoll widdbu għan-nuqqas ta’ korteżija li wera waqt li kien qed jilqa’ f’daru mistieden speċjali kif kien is-Salvatur. Fil-fatt, iċ-ċanfira diretta ta’ Ġesù lil dan il-Fariżew serviet bħala xhieda li Ġesù fil-fatt kien jippossedi d-don tal-profezija u li din il-mara, b’qalb umli u niedma, kienet nidmet u ġiet maħfura minn dnubietha.3

Kif naraw f’diversi avvenimenti oħra waqt il-ministeru fid-dinja ta’ Ġesù, dan ir-rakkont jurina għal darb’oħra li s-Salvatur mexa b’kompassjoni ma’ dawk li kienu jmorru għandu—mingħajr distinzjoni—u fuq kollox speċjalment ma’ dawk li l-aktar li kienu jeħtieġu l-għajnuna tiegħu. Is-sens ta’ umiltà u mħabba riverenti li l-mara wriet ma’ Ġesù kienu evidenza tal-indiema sinċiera tagħha u x-xewqa tagħha li tirċievi maħfra ta’ dnubietha. Madankollu, l-attitudni ta’ superjorità ta’ Xmun, flimkien mal-qalb iebsa tiegħu,4 żammewh milli juri empatija lejn dik ir-ruħ niedma, fejn hu saħansitra indirizza lis-Salvatur tad-dinja b’ċerta indifferenza u stmerrija. L-attitudni tiegħu żvelat li t-tip ta’ ħajja tiegħu ma kienet xejn ħlief osservanza stretta u vojta ta’ regoli u manifestazzjoni tal-konvinzjonijiet tiegħu permezz ta’ ċertu sens ta’ qdusija falza ta’ bniedem imkabbar.5

Il-ministeru kompassjonali u personalizzat ta’ Ġesù f’dan ir-rakkont jurina mudell perfett ta’ kif għandna ninteraġixxu ma’ għajrna. L-iskrittura tagħtina numru kbir ta’ eżempji ta’ kif is-Salvatur, imqanqal minn kompassjoni profonda u dejjiema tiegħu, interaġixxa man-nies ta’ żmienu u għen lil dawk li kienu qed ibatu u dawk li kienu “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.”6 Hu estenda l-id tal-ħniena tiegħu lil dawk li kienu jeħtieġu s-serħan mill-piż li kienu qed iġorru, kemm fiżiku kif ukoll spiritwali.7

L-attitudni kompassjonali ta’ Ġesù hi msejsa fuq il-karità,8 sewwasew, fuq l-imħabba safja u perfetta tiegħu, li hi l-essenza tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu. Il-kompassjoni hi karatteristika fundamentali ta’ dawk li jistinkaw għall-qdusija u din il-kwalità divina nsibuha minsuġa ma’ kwalitajiet oħra Kristjani bħal li tibki ma’ dawk li jibku u li jkollok l-empatija, il-ħniena, u t-tjubija.9 L-espressjoni ta’ kompassjoni lejn ħaddieħor hi, fil-fatt, l-essenza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u evidenza ċara ta’ kemm ninsabu viċin spiritwalment u emozzjonalment tas-Salvatur. Barra minn hekk, turina l-livell ta’ influwenza li Hu għandu fuq it-tip ta’ ħajja tagħna u hi mera tal-kobor tal-ispirtu tagħna.

Hi ħaġa sinifikanti li nosservaw li l-għemejjel kompassjonali ta’ Ġesù ma kenux xi manifestazzjonijiet ta’ darba kultant jew għax hekk kien mitlub minnu, iżda espressjonijiet ta’ kuljum tar-realtà tal-imħabba safja tiegħu lejn Alla u lejn uliedu u tax-xewqa dejjiema tiegħu li jgħinhom.

Ġesù kien kapaċi jidentifika l-bżonnijiet tan-nies anke mill-bogħod. Għalhekk, mhijiex sorprendenti, per eżempju, li immedjatament wara li fejjaq lil qaddej ta’ wieħed ċenturjun,10 Ġesù telaq minn Kafarnahum lejn il-belt ta’ Najn. Kien hemmhekk li Ġesù wettaq wieħed mill-aktar mirakli kommoventi fil-ministeru tiegħu fid-dinja meta Hu talab lil wieħed żagħżugħ li kien mejjet, l-uniku iben ta’ waħda armla, biex iqum fuq saqajh u jgħix. Ġesù mhux biss seta’ jħoss it-tbatija intensa ta’ dik l-imsejkna omm iżda wkoll iċ-ċirkustanzi diffiċli ta’ ħajjitha u Hu ħass fih kompassjoni ġenwina għaliha.11

L-istess bħall-mara midinba u l-armla ta’ Najn, bosta nies li jinsabu madwarna qed ifittxu l-faraġ, l-attenzjoni, l-inklużjoni, u kwalunkwe għajnuna li nistgħu noffrulhom. Aħna lkoll nistgħu nkunu strumenti f’idejn il-Mulej u naġixxu b’kompassjoni lejn dawk fil-bżonn, l-istess kif għamel Ġesù.

Jiena naf tifla ċkejkna li twieldet b’xufftejha mixquqa u bil-palat imqatta’ fi stat mill-aktar serju. L-għada li twieldet, hi kellha tagħmel l-ewwel waħda minn bosta operazzjonijiet f’ħajjitha. Imqanqlin b’kompassjoni ġenwina għal dawk li jesperjenzaw din l-istess sfida, din it-tifla u l-ġenituri tagħha jfittxu li jagħtu s-sapport, l-inkuraġġiment, u l-assistenza emozzjonali lil dawk li jiffaċċjaw din ir-realtà diffiċli. M’ilux huma kitbuli u qaluli: “Permezz tal-isfida tat-tifla tagħna, aħna kellna l-opportunità li niltaqgħu ma’ numru ta’ nies meraviljużi li kellhom bżonn il-faraġ, is-sapport, u l-inkuraġġiment. Ftit taż-żmien ilu, it-tifla tagħna, li issa għandha 11-il sena, tkellmet mal-ġenituri ta’ tarbija li għandha l-istess sfida. Tul il-konverżazzjoni tagħna, it-tifla tagħna neħħiet minn fuqha l-maskra li kienet liebsa minħabba l-pandemija ħalli l-ġenituri jkunu jistgħu jaraw li hemm it-tama, avolja dik it-tarbija kien se jkollha tgħaddi minn ħafna sfidi fil-ftit snin ta’ wara biex tirranġa l-problema. Inħossuna verament grati tal-opportunità li nestendu l-empatija tagħna lejn dawn li qed ibatu, kif jagħmel is-Salvatur. Aħna nħossu l-uġigħ tagħna jonqos kull darba li ntaffu l-uġigħ ta’ ħaddieħor.”

Għeżież ħbieb tiegħi, hekk kif intenzjonalment nagħmlu li nistgħu biex ninkorporaw attitudni ta’ kompassjoni fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, kif uriena s-Salvatur, aħna nsiru aktar sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn. B’dik id-doża akbar ta’ sensittività, is-sentimenti ta’ interess ġenwin u mħabba ġenwina jinfluwenzaw dak kollu li nagħmlu. Il-Mulej jagħraf l-isforzi tagħna, u bla dubju jberikna b’opportunitajiet ħalli nkunu strumenti f’idejh biex irattab il-qlub u jwassal is-serħan lil dawk ta’ “idejn … mitruħa.”12

It-twiddiba ta’ Ġesù lil Xmun il-Fariżew għamlitha ċara wkoll li aħna m’għandna qatt ngħaddu ġudizzju aħrax u krudili fuq għajrna għax aħna lkoll neħtieġu l-kompassjoni u l-ħniena mingħand Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna għall-imperfezzjoni tagħna. Mhuwiex sewwasew dan li għallem is-Salvatur f’okkażjoni oħra meta qal, “Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?”13

Jeħtieġ nikkunsidraw li mhux faċli nifhmu ċ-ċirkustanzi kollha li jikkontribwixxu għall-attitudni jew ir-reazzjoni ta’ dak li jkun. Id-dehra tista’ tqarrak bik u xi kultant ma tirrappreżentax ir-raġuni ċara tal-imġieba ta’ xi ħadd. B’differenza għalija u għalikom, Kristu hu kapaċi jara b’mod ċar l-aspetti kollha ta’ kwalunkwe sitwazzjoni.14 U minkejja li jaf x’inhuma d-dgħjufijiet kollha tagħna, is-Salvatur ma jaqbadx u jikkundannana b’mod aħrax iżda jkompli jaħdem magħna b’kompassjoni tul iż-żmien, filwaqt li jgħinna nneħħu t-travu minn għajnejna. Ġesù dejjem iħares lejn il-qalb u mhux lejn id-dehra.15 Hu nnifsu ddikjara, “Tagħmlux il-ħaqq fuq dak li taraw b’għajnejkom.”16

Issa, ikkunsidraw il-parir għaqli li s-Salvatur ta lit-tnax-il dixxiplu Nefita rigward din il-ħaġa:

“U kunu afu li intom għandkom tkunu mħallfin ta’ dan il-poplu, skont il-ġudizzju li se nagħtikom, li se jkun wieħed ġust. Għalhekk, x’tip ta’ bnedmin għandkom tkunu? Fis-sewwa ngħidilkom, sewwasew kif jien jien.”17

“Għalhekk nitlobkom sabiex tkunu perfetti sewwasew kif jiena jien, jew kif missierkom li hu fis-Smewwiet hu perfett.”18

F’dan il-kuntest, il-Mulej jiġġudika lil dawk li jiddeċiedu lil jkunu huma li jiġġudikaw ħażin in-nuqqasijiet li jidhrilhom li għandu ħaddieħor. Sabiex nikkwalifikaw biex ngħaddu ġudizzju ġust, jeħtieġ li nagħmlu li nistgħu biex insiru bħas-Salvatur u nħarsu lejn l-imperfezzjoni ta’ ħaddieħor b’kompassjoni, sewwasew kif iħares lejhom Hu. Meta nikkunsidraw li għad baqgħalna sew biex nilħqu l-perfezzjoni, mela jaf ikun aħjar jekk ninxteħtu madwar riġlejn Ġesù u nitolbuh iħenn għalina minħabba l-imperfezzjoni tagħna, kif għamel mal-mara niedma fid-dar tal-Fariżew, u mhux naħlu daqstant ħin u enerġija niffissaw fuq dik li naħsbu li hi l-imperfezzjoni ta’ ħaddieħor.

Għeżież ħbieb tiegħi, jiena nixhed li hekk kif nagħmlu li nistgħu biex ninkorporaw l-eżempju kompassjonali tas-Salvatur f’ħajjitna, il-kapaċità tagħna li nikkumplimetaw il-virtujiet ta’ għajrna tikber u l-istint naturali tagħna li niġġudikaw l-imperfezzjoni tagħhom jonqos. Il-komunjoni tagħna ma’ Alla tikber, u ċertament ħajjitna ssir aktar ħelwa, u l-istess isiru s-sentimenti tagħna, u aħna nsibu sors bla tmiem ta’ ferħ. Lilna jibdew isibuna bħala dawk li jġibu l-paċi,19 li kliemhom huwa ġentili daqs in-nida tal-għodwa fir-rebbiegħa.

Nitlob li aħna nsiru nies mimlijin b’aktar sabar u kompassjoni lejn ħaddieħor u li l-ħniena tal-Mulej tkun tista’, permez ta’ ħlewwa perfetta, tgħinna nissaportu aktar l-imperfezzjoni tagħhom. Din hi l-istedina tas-Salvatur għalina. Jiena nixhed li Huwa jgħix. Hu l-mudell perfett tal-ħniena u ta’ dixxipulat imsawwar fuq is-sabar. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwar dawn il-veritajiet, fl-isem imqaddes tas-Salvatur Ġesù Kristu, amen.