Konferenza Ġenerali
Nindirizzaw is-Saħħa Mentali
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Nindirizzaw is-Saħħa Mentali

Ippermettuli naqsam magħkom numru ta’ osservazzjonijiet li għamilt hekk kif il-familja tagħna għaddejna minn ċerti sfidi.

Minkejja li fil-familja tagħna aħna gawdejna minn barkiet kbar hekk kif b’ferħ imxejna fit-triq tal-patt, aħna sibna ma’ wiċċna wkoll muntanji mill-aktar għoljin. Nixtieq naqsam magħkom ċerti esperjenzi mill-aktar personali dwar is-saħħa mentali. Dawn jinkludu d-dipressjoni klinika, l-anzjetà severa, id-disturb bipolari, l-ADHD—u, xi kultant, kombinazzjoni tagħhom kollha. Jien se naqsam dawn l-esperjenzi sensittivi bl-approvazzjoni ta’ dawk involuti.

Tul il-ministeru tiegħi, jiena ltqajt ma’ mijiet ta’ individwi u familji b’esperjenzi simili. Xi kultant nistaqsi jekk il-marda qerrieda li laqtet lid-dinja kif deskritta fl-iskrittura setgħetx tinkludi il-mard mentali.1 Tinsab madwar id-dinja kollha, tolqot kull kontinent u kultura, u taffettwa lil kulħadd—żgħar, xjuħ, sinjuri, u foqra. Il-membri tal-Knisja mhumiex esklużi.

Fl-istess ħin, id-duttrina tagħna tgħallimna biex nagħmlu li tistgħu ħalli nkunu bħal Ġesù Kristu u niġu pperfezzjonati fih. It-tfal tagħna jkantaw, “Nipprova nkun bħal Ġesù.”2 Aħna nixtiequ li nkunu perfetti anke kif Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu huma perfetti.3 Minħabba li l-mard mentali jista’ jinterferixxi mal-perċezzjoni tagħna tal-perfezzjoni, ħafna drabi għadu jitqies bħala xi tabù. B’riżultat ta’ dan, teżisti wisq injoranza, wisq sofferenza fis-solitudni, u wisq disperazzjoni. Ħafna, peress li jħossuhom iddisprati għaliex ma jilħqux l-istandards perċepiti, b’mod żbaljat jemmnu li m’hemmx posthom fil-Knisja.

Biex nikkumbattu din l-idea żbaljata, hu importanti niftakru li “is-Salvatur iħobb lill-ulied kollha ta’ Missieru. Hu jifhem verament l-uġigħ u d-diffikultajiet li ħafna jesperjenzaw hekk kif jgħixu b’firxa wiesgħa ta’ sfidi relatati ma’ saħħa mentali. Hu bata ‘ kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tentazzjoni; … ħa fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu’ (Alma 7:11; enfażi miżjuda; ara wkoll Lhud 4:15–16; 2 Nephi 9:21). Peress li Hu jifhem kull tip ta’ tbatija, Hu jaf kif jista’ ‘jfejjaq lill-imjassrin’ (Luqa 4:18; ara wkoll Isaija 49:13–16).”4 L-isfidi ħafna drabi jindikaw il-ħtieġa għal aktar għodda u sapport u mhumiex xi difett fil-karattru.

Ippermettuli naqsam magħkom numru ta’ osservazzjonijiet li għamilt hekk kif il-familja tagħna għaddejna minn ċerti sfidi.

L-ewwel, bosta nies jibku magħna; ma jiġġudikawniex. Minħabba ċerti attakki ta’ paniku sever, anzjetà, u dipressjoni, it-tifel tagħna reġa’ lura d-dar mill-missjoni tiegħu wara biss erba’ ġimgħat. Bħala ġenituri tiegħu, aħna sibnieha diffiċli niffaċċjaw id-diżappunt u d-dieqa għaliex tlabna fuq li tlabna biex hu jirnexxi. Bħall-ġenituri kollha, aħna rridu li t-tfal tagħna jirnexxu u jkunu kuntenti. Missjoni kellha tkun avveniment importanti għat-tifel tagħna. Bdejna ninkwetaw ukoll x’seta’ jaħseb ħaddieħor.

Li ma konniex nafu kien li r-ritorn tat-tifel tagħna kien infinitament aktar devastanti għalih. Innutaw li hu kien iħobb lill-Mulej u ried iservi, u madankollu, għal raġunijiet li sabha diffiċli jifhimhom, ma setax. Ma damx ma sab lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ tama totali u jitqabad ma’ sens kbir ta’ ħtija. Hu ma baqax iħossu aktar aċċettat u spiritwalment sensittiv. F’moħħu bdew ġejjin diversi ħsibijiet dwar il-mewt.

Waqt li kien f’dan l-istat irrazzjonali, it-tifel tagħna beda jemmen li l-unika ħaġa li kien baqa’ jagħmel kienet li jneħħi ħajtu. Kien hemm bżonn tal-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu u ta’ leġjun ta’ anġli fuq iż-żewġ naħat tal-velu biex isalvawh.

Waqt li kien qed jiġġieled għal ħajtu u waqt dan iż-żmien mill-aktar diffiċli, il-familja tagħna, il-mexxejja tal-qasam, il-membri, u l-ħbieb tagħna għamlu minn kollox biex jissapportjawna u jgħinuna.

Qatt ma ħassejt daqshekk imħabba kollettiva. Qatt ma ħassejt b’daqstant qawwa u b’mod daqshekk personali xi tfisser li tfarraġ lil dawk li jeħtieġu l-faraġ. Il-familja tagħna se nibqgħu għal dejjem grati għal dan is-sapport.

Ma nistax niddeskrivi l-għadd kbir ta’ mirakli li esperjenzajna f’dan il-perjodu. Aħna grati li t-tifel tagħna sab il-fejqan, iżda dan seħħ wara żmien twil u wara tant kura medika, terapewtika, u spiritwali biex fieq u aċċetta li hu maħbub, apprezzat, u bżonnjuż.

Jiena nagħraf li mhux is-sitwazzjonijiet kollha jispiċċaw bħal tagħna. Nitnikket ma’ dawk li tilfu lil xi maħbubin kmieni wisq u issa spiċċaw b’sentimenti ta’ dieqa kif ukoll b’ċerti mistoqsijiet mhux imwieġba.

L-osservazzjoni li jmiss hi li jista’ jkun diffiċli għall-ġenituri li jidentifikaw it-taqbid li jkunu għaddejjin minnu wliedhom, iżda għandna nedukaw lilna nfusna. Kif nistgħu nkunu nafu d-differenza bejn id-diffikultajiet marbuta mal-iżvilupp normali u s-sinjali ta’ mard? Bħala ġenituri, għandna r-responsabbiltà sagra li ngħinu lit-tfal tagħna jinnavigaw l-isfidi tal-ħajja; madankollu, ftit fostna huma speċjalisti tas-saħħa mentali. Aħna, madankollu, jeħtieġ nieħdu ħsieb ta’ wliedna billi ngħinuhom jitgħallmu jkunu kuntenti bl-isforzi sinċiera tagħhom hekk kif jagħmlu li jistgħu biex jilħqu ċerti aspettattivi xierqa. Ilkoll kemm aħna nafu min-nuqqasijiet personali tagħna li t-tkabbir spiritwali huwa proċess kontinwu.

Issa aħna nifhmu li “ma teżisti l-ebda kura waħdanija sempliċi li hi tajba għal kull tip ta’ benesseri emozzjonali u mentali. Aħna nesperjenzaw l-istress u l-inkwiet għaliex ninsabu ngħixu f’dinja mitlufa b’ġisem mitluf. Barra minn hekk, bosta fatturi kontributorji jistgħu jwasslu għad-dijanjosi tal-mard mentali. Minkejja l-benesseri mentali u emozzjonali tagħna, li niffokaw fuq it-tkabbir tagħna jagħmel aktar ġid milli nossessjonaw ruħna bin-nuqqasijiet tagħna.”5

Għalija u għal marti, l-unika ħaġa li dejjem għenitna kienet li nibqgħu viċin kemm nistgħu tal-Mulej. Meta nħarsu lura, nistgħu naraw kif il-Mulej bil-paċenzja kollha ħa ħsiebna fi żminijiet ta’ inċertezza kbira. Id-dawl tiegħu ggwidana pass pass fis-sigħat l-aktar mudlama. Il-Mulej għenna naraw li l-valur ta’ ruħ individwali hi ferm aktar importanti fl-iskema eterna minn kwalunkwe ħidma jew kisba tad-dinja.

Għal darb’oħra, li nedukaw lilna nfusna dwar il-mard mentali jħejjina biex ngħinu lilna nfusna u lil ħaddieħor li jaf għaddej minn żmien diffiċli. Diskussjoni sinċiera u onesta bejnietna tgħinna biex dan is-suġġett importanti jirċievi l-attenzjoni li jixraqlu. Wara kollox, l-informazzjoni tiġi qabel l-ispirazzjoni u r-rivelazzjoni. Dawn l-isfidi, li ħafna drabi ma jidhrux, jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, u meta niffaċċjawhom, jidhru enormi.

Waħda mill-ewwel affarijiet li jeħtieġ nitgħallmu hi li aħna ċertament ma ninsabux weħidna. Nistedinkom tistudjaw is-suġġett tas-saħħa mentali fis-sezzjoni tal-Għajnuna tal-Ħajja fil-Gospel Library app. It-tagħlim iwassal għal aktar għarfien, aktar aċċettazzjoni, aktar kompassjoni, aktar imħabba. Jaf inaqqas iċ-ċans ta’ xi traġedja, filwaqt li jgħinna niżviluppaw u nimmaniġjaw l-aspettattivi u l-interazzjonijiet relatati mas-saħħa.

L-aħħar osservazzjoni tiegħi: jeħtieġ li l-ħin kollu nieħdu ħsieb xulxin. Jeħtieġ inħobbu lil xulxin u niġġudikaw anqas lil xulxin—speċjalment meta l-aspettattivi tagħna ma nilħquhomx b’mod immedjat. Għandna ngħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jħossu l-imħabba ta’ Ġesù Kristu f’ħajjithom, anke meta jibdew isibuha diffiċli li personalment iħobbu lilhom infushom. Il-Presbiteru Orson F. Whitney, li serva bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, ta parir lill-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli: “Itolbu għal … uliedkom; Ibqgħu ittamaw fihom bil-fidi.”6

Jiena spiss nistaqsi xi tfisser li nittamaw fihom bil-fidi. Jien nemmen li dan jinkludi ċerti għemejjel żgħar ta’ mħabba, ħlewwa, tjubija, u rispett. Tfisser li nagħtuhom iċ-ċans jiżviluppaw bir-ritmu tagħhom u naqsmu magħhom it-testimonjanza tagħna biex ngħinuhom iħossu l-imħabba tas-Salvatur. Jeħtieġ li naħsbu aktar dwarhom u anqas dwarna nfusna u dwar ħaddieħor. Dan normalment ifisser li nitkellmu anqas u nisimgħu ferm, ferm aktar. Jeħtieġ inħobbuhom, inħeġġuhom, u nfaħħruhom ta’ spiss fl-isforzi tagħhom biex jirnexxu u jkunu fidili lejn Alla. U finalment, jeħtieġ nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu viċin tagħhom—l-istess kif nibqgħu viċin ta’ Alla.

Għal dawk kollha li huma affettwati personalment bil-mard mentali, ibqgħu leali lejn il-patti tagħkom, anke jekk bħalissa ma tistgħux tħossu l-imħabba ta’ Alla lejkom. Għamlu dak kollu li tistgħu u mbagħad “ieqfu … biex taraw is-salvazzjoni ta’ Alla, u driegħu tiġi żvelata lilkom.”7

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna. Huwa jafna. Huwa jħobbna u Hu jibqa’ jistenniena. Waqt l-isfidi fil-familja tagħna, jiena sirt naf kemm Hu jinsab viċin. Il-wegħdiet tiegħu huma vera:

Tibżax, jiena miegħek; dik qalbek la taqtax,

Għax jien Alla tiegħek, jien ngħinek tinkwetax.

Insaħħek, u ngħinek biex wieqaf sod tkun, …

B’idi l-omnipotenti inżommok jien fiż-żgur.

Għax nafu kemm huma sodi s-sisien, jalla aħna għal dejjem niddikjaraw b’ferħ:

Ir-ruħ li f’Ġesù dejjem sabet is-serħan

Jiena ma nistax żgur inħalliha fid-dlam;

Għalkemm l-għadu jaħdem biex lilha huwa jwaqqa’, …

Le, le, qatt ma nħalliha, tintilef fid-dlam!8

F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 45:31.

  2. “I’m Trying to Be like Jesus,” Children’s Songbook, 78–79.

  3. Ara 3 Nephi 12:48.

  4. Like a Broken Vessel,” Mental Health: General Principles, ChurchofJesusChrist.org.

  5. Sheldon Martin, “Strive to Be—a Pattern for Growth and Mental and Emotional Wellness,” Liahona, Aww. 2021, 14.

  6. Orson F. Whitney, f’Conference Report, Apr. 1929, 110.

  7. Doctrine and Covenants 123:17.

  8. “X’Sisien Sodi Ferm,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 6.