Konferenza Ġenerali
Nerġgħu Nafdaw Mill-Ġdid
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Nerġgħu Nafdaw Mill-Ġdid

Il-fiduċja f’Alla u f’xulxin twasslilna l-barkiet tas-smewwiet.

Darba, meta kont għadni verament żgħir, kien ġieni ħsieb mumentarju f’moħħi li nitlaq mid-dar. Ta’ tifel żgħir li kont, ħassejt li ħadd ma kien iħobbni.

Ommi, mara osservanti ħafna, semgħetni u assiguratni. Jien kont ninsab id-dar ’il bogħod mill-periklu.

Qatt ħassejtukom bħallikieku tridu titilqu mid-dar? Ħafna drabi, li titlaq mid-dar ifisser li l-fiduċja tkun iddgħajfet jew inkisret—fiduċja fik innifsek, f’ħaddieħor, u f’Alla. Meta l-fiduċja tixxellef, nafu nistaqsu kif aħna nistgħu nerġgħu nafdaw mill-ġdid.

Il-messaġġ tiegħi llum hu li, kemm jekk aħna ġejjin lura d-dar, kemm jekk aħna sejrin lejn id-dar, Alla ġej jiltaqa’ magħna.1 Fih nistgħu nsibu l-fidi u l-kuraġġ, l-għerf u d-dixxerniment, biex nerġgħu nafdaw mill-ġdid. Bl-istess mod, Hu jitlobna nħallu d-dawl mixgħul għal xulxin, biex naħfru aktar u niġġudikaw anqas lilna nfusna u lil ħaddieħor, ħalli l-Knisja tiegħu tista’ tkun post li fih inħossuna milqugħin, kemm jekk sejrin fiha għall-ewwel darba u kemm jekk sejrin lura.

Il-fiduċja hija att ta’ fidi. Alla jibqa’ jafda fina. Madankollu, il-fiduċja umana tista’ tiddgħajjef jew tixxellef meta:

  • Xi ħabib, kollega tax-xogħol, jew xi ħadd li nafdaw fih ma jgħidx il-verità, iweġġagħna, jew jieħu vantaġġ minna.2

  • Il-konjugi tagħna mhumiex leali.

  • Jista’ jkun li, bla mistenni, xi ħadd li nħobbu jiffaċċja l-mewt, il-korriment, jew il-mard.

  • Bla mistenni, aħna niffaċċjaw xi dubju relatat mal-evanġelju, forsi xi ħaġa dwar l-istorja tal-Knisja, jew xi polisi tal-Knisja, u xi ħadd jgħid li l-knisja tagħna b’xi mod ħbiet jew ma qalitx il-verità.

Sitwazzjonijiet oħra jafu jkunu anqas speċifiċi iżda xorta waħda inkwetanti.

Jista’ jkun li ma nimmaġinawx lilna nfusna fil-Knisja, ma nħossux li hu postna, inħossuna ġġudikati mill-oħrajn.

Jew, minkejja li għamilna dak kollu mistenni minna, l-affarijiet għadhom ma seħħewx f’ħajjitna. Minkejja l-esperjenzi personali li kellna mal-Ispirtu s-Santu, jaf ma nħossux verament li Alla jgħix jew li l-evanġelju hu veru.

Ħafna llum iħossu l-bżonn verament li jirrestawraw il-fiduċja fir-relazzjonijiet umani u fis-soċjetà moderna.3

Hekk kif nirriflettu dwar il-fiduċja, nafu li Alla huwa Alla ta’ verità u “ma jistax jigdeb.”4 Nafu li l-verità hi l-għarfien ta’ ħwejjeġ kif inhuma, kif kienu, u kif se jkunu.5 Nafu li r-rivelazzjoni u l-ispirazzjoni kontinwa jiddistingwu l-verità li ma tinbidilx miċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu.

Nafu li l-ksur ta’ patti jikser il-qlub. “Għamilt affarijiet mill-aktar stupidi,” huwa qal. “Kif qatt tista’ taħfirli?” Ir-raġel u martu jafu jżommu jdejn xulxin, filwaqt li jittamaw li jerġgħu jiksbu lura l-fiduċja. Fi sfond differenti, ħabsi jaf jirrifletti, “Kieku obdejt il-Kelma tal-Għerf, ma kontx nispiċċa hawn illum.”

Nafu li l-ferħ fit-triq tal-patt tal-Mulej u s-sejħiet li nservu fil-Knisja tiegħu huma stedina biex inħossu l-fiduċja u l-imħabba ta’ Alla għalina u għal xulxin. Il-membri tal-Knisja, inkluż l-adulti single, regolarment iservu fil-Knisja u fil-komunitajiet tagħna.

Permezz tal-ispirazzjoni, il-membri tal-veskovat isejħu koppja żagħżugħa biex iservu fil-klassi tat-tfal żgħar tal-qasam. Għall-ewwel, ir-raġel ipoġġi bilqiegħda fir-rokna, maqtugħ u mbiegħed kemm jista’ jkun. Gradwalment, hu jibda jitbissem lit-tfal. Aktar tard, it-tnejn li huma jesprimu l-gratitudni tagħhom. Jgħidu li qabel il-mara riedet it-tfal; ir-raġel ma riedx. Issa, is-servizz wassal għal bidla fihom u għamilhom ħaġa waħda. Ġabilhom ukoll il-ferħ tat-tfal fiż-żwieġ tagħhom u f’darhom.

F’belt oħra, omm żagħżugħa bi tfal ċkejknin u żewġha ħassewhom sorpriżi u mħawdin xi ftit meta hi ssejħet biex isservi bħala l-presidenti tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-qasam, iżda huma aċċettaw. Ftit wara, maltempata bis-silġ qatgħet il-dawl elettriku, u l-ixkafef tal-ħwienet spiċċaw vojta u d-djar kesħin silġ. Peress li huma kellhom id-dawl u sistema li ssaħħan id-dar, din il-familja żagħżugħa laqgħet għandha diversi familji u individwi sakemm jgħaddi l-maltemp.

Il-fiduċja ssir reali meta b’fidi nagħmlu ħwejjeġ diffiċli. Is-servizz u s-sagrifiċċju jkabbru l-kapaċità u jirraffinaw il-qlub. Il-fiduċja f’Alla u f’xulxin twasslilna l-barkiet tas-smewwiet.

Wara li rebaħ il-marda tal-kanċer, wieħed raġel intlaqat minn karozza. Minflok ma beda jiddispjaċih għalli ġralu, b’sentiment ta’ talb staqsa, “X’nista’ nitgħallem minn din l-esperjenza?” Fit-taqsima intensiva fejn kien jinsab, hu nnota waħda infermiera inkwetata għal żewġha u għal uliedha. Pazjent muġugħ isib it-tweġiba tiegħu hekk kif jafda f’Alla u jgħin lil ħaddieħor.

Hekk kif membru bil-problema tal-pornografija qed jistenna barra l-uffiċċju tal-president tal-wited tiegħu, il-president tal-wited jinsab jitlob biex ikun jaf kif għandu jgħinu. F’moħħu jiġih b’ċarezza il-ħsieb, “Iftaħ il-bieb u għid lil dan ħuna jgħaddi.” B’fidi u b’fiduċja Alla jgħin, il-mexxej tas-saċerdozju jiftaħ il-bieb u jħaddan miegħu lil dan il-membru. It-tnejn li huma jħossu fihom l-imħabba li tittrasformana kif ukoll il-fiduċja lejn Alla u lejn xulxin. Iffortifikat, dan il-membru jista’ jibda jindem u jinbidel.

Filwaqt li ċ-ċirkustanzi individwali huma personali, il-prinċipji tal-evanġelju u l-Ispirtu s-Santu jistgħu jgħinuna nkunu nafu jekk, kif, u meta nistgħu nerġħu nafdaw f’ħaddieħor. Meta l-fiduċja tinkiser jew tiġi ttraduta, id-diżappunt u d-diżillużjoni huma reali; l-istess ikun reali l-bżonn għad-dixxerniment li nkunu nafu meta l-fidi u l-kuraġġ jimmeritaw li nerġgħu nafdaw fir-relazzjonijiet umani.

Madankollu, meta kien qed jitkellem dwar Alla u r-rivelazzjoni personali, il-President Russell M. Nelson aċċertana, “M’għandkomx għalfejn toqogħdu tinkwetaw dwar f’min għandkom tafdaw.”6 Għandna dejjem nafdaw f’Alla. Il-Mulej jafna aħjar u jħobbna aktar milli aħna nafu u nħobbu lilna nfusna. L-imħabba infinita u l-għarfien perfett tiegħu tal-passat, tal-preżent, u tal-futur jagħmlu lill-patti u l-wegħdiet tiegħu kostanti u ċerti.

Afdaw dak li l-iskrittura ssejjaħlu “fil-proċess taż-żmien.”7 Bil-barka ta’ Alla, bil-proċess taż-żmien, u b’fidi u ubbidjenza kontinwa, aħna nistgħu nsibu r-reżoluzzjoni u l-paċi.

Il-Mulej ifarraġ:

“Filgħaxija jidħol il-biki, filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ.”8

“Ħalli lill-Mulej iġorr it-tagħbija tiegħek u afda fl-imħabba kostanti tiegħu.”9

“Fid-dinja m’hemm l-ebda niket li s-sema ma tistax tfejqu.”10

Afdaw f’Alla11 u fil-mirakli tiegħu. Aħna u r-relazzjonijiet tagħna jistgħu jinbidlu. Permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej, aħna nistgħu ninżgħu minn fuqna l-bniedem egoist u naturali tagħna u nsiru wlied Alla, sottomessi, umli,12 mimlijin fidi u fiduċja xierqa. Meta nindmu, meta nistqarru u niċħdu dnubietna, il-Mulej jgħid li Hu ma jiftakarhomx aktar.13 Mhux li Hu se jinsa; pjuttost, b’mod meraviljuż, jidher li Hu jagħżel li ma jiftakarhomx, u lanqas għandna niftakruhom aħna.

Afdaw fl-ispirazzjoni ta’ Alla li jagħraf bil-għaqal. Aħna nistgħu naħfru lil ħaddieħor fil-ħin u bil-mod li jgħidilna l-Mulej,14 filwaqt li nkunu “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem.”15

Xi kultant meta qalbna tkun miksura u niedma, aħna aktar inkunu lesti għall-faraġ u għall-gwida tal-Ispirtu s-Santu.16 Il-kundanna u l-maħfra t-tnejn jibdew billi nagħrfu li żbaljajna. Ħafna drabi l-kundanna tiffoka fuq il-passat. Il-maħfra tħares liberatorjament lejn il-futur. “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”17

L-Appostlu Pawlu jistaqsi, “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” Huwa jwieġeb, “La l-mewt u la l-ħajja, … la l-għoli u lanqas il-fond … ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.”18 Madankollu, hemm xi ħadd li jista’ jifridna minn Alla u minn Ġesù Kristu—u dak ix-xi ħadd hu, aħna stess. Kif jgħid Isaija, “Dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom.”19

Permezz ta’ mħabba divina u liġi divina, aħna responsabbli għall-għażliet u għall-konsegwenzi tagħna. Iżda l-imħabba tal-espjazzjoni tas-Salvatur tagħna hija “infinita u eterna.”20 Meta nkunu lesti li niġu d-dar, anke meta nkunu “għadna ’l bogħod,”21 Alla jinsab lest b’kompassjoni kbira biex jilqagħna, u b’ferħ joffrilna l-aqwa li Hu għandu.22

Il-President J. Reuben Clark qal, “Nemmen li Missierna fis-Smewwiet irid isalva lil kull wieħed u waħda minn uliedu, … li fil-ġustizzja u l-ħniena tiegħu hu jagħtina l-akbar premju għall-għemejjel tagħna, jagħtina dak kollu li għandu, u, mill-banda l-oħra, nemmen li hu jimponi fuqna l-anqas penali li hu possibbli għalih li jagħtina.”23

Fuq is-salib, lanqas it-talba li s-Salvatur tagħna għamel lil Missieru ma kienet bla kondizzjoni “Missier, aħfrilhom,” iżda pjuttost “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”24 Il-volontà u l-libertà tagħna għandhom tifsira għaliex aħna kontabbli quddiem Alla u quddiemna nfusna għal dak li aħna, għal dak li nafu u li nagħmlu. Fortunatament, aħna nistgħu nafdaw fil-ġustizzja perfetta u l-ħniena perfetta ta’ Alla li niġġudikaw b’mod perfett l-intenzjoni u l-għemejjel tagħna.

Nikkonkludu minn fejn bdejna—bil-kompassjoni ta’ Alla hekk kif aħna lkoll niġu lura d-dar għandu u għand xulxin.

Tiftakruha l-parabbola ta’ Ġesù Kristu dwar wieħed raġel li kellu żewġt itfal?25 Tifel minnhom telaq mid-dar u berbaq wirtu. Meta ġie f’sensih, dan l-iben ipprova jerġa’ jmur lura d-dar. It-tifel l-ieħor, peress li ħass li hu kien ħares il-kmandamenti “dawn is-snin kollha,”26 ma riedx jilqa’ lil ħuh lura d-dar.

Ħuti, tikkunsidraw jekk jogħġobkom li Ġesù qed jitlobna biex niftħu qalbna, l-għarfien, il-kompassjoni, u l-umiltà tagħna, u li naraw lilna nfusna fiż-żewġ irwoli?

Bħall-ewwel tifel, aħna nafu nitilqu għal żmien mid-dar u aktar tard nerġgħu lura. Alla qed jistenniena biex jilqagħna.

U bħat-tifel l-ieħor, Alla jitlobna bil-ħlewwa biex nifirħu flimkien hekk kif nerġgħu lura d-dar għandu. Hu jistedinna biex nagħmlu mill-kongregazzjonijiet, mill-kworums, mill-klassijiet, u mill-attivitajiet tagħna postijiet awtentiċi u siguri—dar għal xulxin. Bi tjubija, b’għarfien, u b’rispett reċiproku, aħna lkoll infittxu b’umiltà lill-Mulej u nitolbu u nilqgħu il-barkiet tal-evanġelju rrestawrat tiegħu għal kulħadd.

Il-vjaġġ tagħna fil-ħajja hu wieħed individwali, iżda aħna nistgħu nerġgħu mmoru lura għand Alla Missierna u għand l-Iben il-Maħbub tiegħu billi nafdaw f’Alla, f’xulxin, u fina nfusna.27 Ġesù jsejħilna, “Tibżgħux, biss intom emmnu.”28 Kif għamel il-Profeta Joseph, b’determinazzjoni għandna nafdaw fl-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet.29 Għeżież ħuti u għeżież ħbieb, jekk jogħġobkom fittxu li tiksbu lura l-fidi u l-fiduċja—miraklu li Hu qed iwiegħedkom illum. Fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.