Niffaċċjaw l-Uragani Spiritwali Tagħna billi Nemmnu fi Kristu
L-aħjar mod kif aħna niffaċċjaw l-uragani spiritwali tagħna hu billi nemmnu fi Kristu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.
Jien u l-maħbuba marti, Ann, ilna dawn l-aħħar sitt snin ngħixu f’Texas ħdejn il-Kosta tal-Golf, wieħed mill-postijiet li jintlaqtu bl-akbar uragani li jolqtu l-Istati Uniti, u jħallu warajhom qerda tremenda kif ukoll għadd ta’ mwiet. Sfortunatament l-anqas dawn l-aħħar xhur ma ħelsuha minn avvenimenti daqstant devastanti. L-imħabba u t-talb tagħna jmorru lejn dawk kollha li ntlaqtu b’xi mod. Fl-2017, aħna personalment esperjenzajna l-Uragan Harvey, li wassal għal rekord ta’ xita ta’ ’l fuq minn 60 pulzier (150 ċm).
Il-liġijiet naturali jiggvernaw il-formazzjoni tal-uragani. It-temperatura tal-baħar tilħaq tal-anqas it-80 grad Fahrenheit (27 grad Ċ), li tiġi estiża sa 165 pied ’l isfel (50 m) minn wiċċ il-baħar. Hekk kif ir-riħ jiltaqa’ mal-ilma sħun tal-baħar, dan iwassal biex l-ilma jivvaporizza ruħu u jibqa’ tiela’ fl-atmosfera, fejn hemmhekk jillikwifika ruħu. Imbagħad jifforma s-sħab, u r-riħ jipproduċi bħal-lembut fuq wiċċ il-baħar.
L-uragani verament huma ta’ kobor kolossali, li jilħqu mal-50,000 pied (15,240 m) jew aktar fl-atmosfera u jolqtu erja ta’ mill-anqas 125 mil (200 km). Interessanti l-fatt li hekk kif l-uragani jilħqu l-art, huma jibdew jiddgħajfu għax ma jkunux għadhom aktar fuq l-ilmijiet sħan meħtieġa biex isostnuhom bil-qawwa tagħhom.1
Jista’ jkun li intom qatt ma tesperjenzaw xi uragan devastanti, fil-veru sens tal-kelma. Madankollu, ilkoll kemm aħna esperjenzajna, u se nesperjenzaw uragani spiritwali li jkunu ta’ test għall-paċi u l-fidi tagħna. Fid-dinja tal-lum, jidhru li qed jiżdiedu fil-frekwenza u l-intensità tagħhom. Fortunatament, il-Mulej ipprovdielna mod ċert kif nistgħu negħlbuhom b’ferħ. Jekk ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, aħna niġu żgurati li “meta s-sħab mudlam ifeġġ fuqna u jhedded li jeqirdilna s-sliem tagħna, hemm it-tama titbissmilna.”2
Il-President Russell M. Nelson spjega:
“Il-qaddisin jistgħu jħossuhom ferħanin f’kull ċirkustanza. Aħna nistgħu nħossu l-ferħ anke meta nħabbtu wiċċna ma’ jum diffiċli, ma’ ġimgħa diffiċli, jew saħansitra ma’ sena diffiċli!
“… Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.
“Meta aħna niffokaw ħajjitna fuq … Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.”3
L-istess kif il-liġijiet naturali jiggvernaw l-uragani fiżiċi, il-liġijiet divini jiggvernaw kif aħna għandna nħossu l-ferħ waqt l-uragani spiritwali tagħna. Il-ferħ jew il-miżerja li nħossu hekk kif nikkumbattu l-maltemp tal-ħajja huma marbuta mal-liġijiet li fassal Alla. Il-President Nelson qalilna, “Aħna nsejħulhom kmandamenti, iżda huma vera daqs il-liġi tal-ajrudinamika, il-liġi tal-gravità, u l-liġi li tmexxi t-taħbit il-qalb.
Il-President Nelson kompla jgħid, “Nistgħu nispjegawha permezz ta’ formula pjuttost sempliċi: jekk trid tkun ferħan, ħares il-kmandamenti.”4
Id-dubju hu l-għadu tal-fidi u l-ferħ. L-istess kif l-ilma sħun tal-baħar hu l-post fertili għall-uragani, id-dubju hu l-post fertili għall-uragani spiritwali. L-istess kif it-twemmin huwa għażla, hekk ukoll id-dubju. Meta nagħżlu li niddubitaw, aħna nagħżlu li nħallu lil min jaġixxi għalina, u hekk ngħaddu l-qawwa lill-avversarju, li jwassalna biex inkunu dgħajfin u vulnerabbli.5
Satana jipprova jmexxina lejn il-post fertili għad-dubju. Hu jipprova jwebbes qalbna ħalli ma nemmnux.6 Il-post fertili għad-dubju jista’ jidher bħala post li jħajjarna għax l-ilmijiet trankwilli u sħan tiegħu ma jkunux jeħtieġu minna li “ngħixu permezz ta’ kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”7 F’dawn it-tip ta’ ilmijiet Satana jħajjarna biex nirrilassaw il-viġilanza spiritwali tagħna. Dik l-inattenzjoni tista’ twassal biex tiżra’ fina nuqqas ta’ konvinzjoni spiritwali, fejn “la nkunu kesħin u lanqas sħan.”8 Jekk aħna m’aħniex ankrati ma’ Kristu, id-dubju u l-attrazzjonijiet tiegħu jispiċċaw iressquna lejn l-apatija fejn hemm la nsibu l-mirakli, la l-ferħ, u lanqas “is-serħan għar-ruħna.”9
L-istess kif l-uragani jiddgħajfu fuq l-art, il-fidi tieħu post id-dubju hekk kif nibnu s-sisien tagħna fuq Kristu. Imbagħad aħna nkunu kapaċi naraw l-uragani spiritwali mill-perspettiva propja tagħhom, u l-kapaċità tagħna li negħlbuhom tikber. Imbagħad, “meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilna l-lanez tiegħu, … dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa … biex jitfagħna ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li ninsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur.”10
Il-President Nelson għallem:
Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-pedament ta’ kull twemmin u hi l-passaġġ tal-qawwa divina. …
“Il-Mulej ma jeħtieġx fidi perfetta biex aħna jkollna aċċess għall-qawwa perfetta tiegħu. Iżda Hu jitlob minna li nemmnu.”11
Jien u l-familja tiegħi ilna mill-konferenza ġenerali ta’ April ’l hawn nippruvaw insaħħu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu biex jgħinuna “nibdlu l-isfidi tagħna fi tkabbir u f’opportunità bla paragun.”12
In-neputija tagħna Ruby ġie imbierka b’rieda qawwija u b’determinazzjoni. Meta twieldet, l-esofagu tagħha ma kienx marbut mal-istonku tagħha. Anke meta kienet għadha tarbija, bl-għajnuna tal-ġenituri Ruby iffaċċjat din l-isfida b’determinazzjoni mhux tas-soltu. Illum Ruby għandha 5 snin. Minkejja li għadha żgħira ħafna, hi eżempju mill-aqwa ta’ waħda li m’għandhiex tħalli ċ-ċirkustanzi tagħha jiddeterminaw il-ferħ tagħha. Hija dejjem ferħana.
Mejju li għadda, Ruby iffaċċjat uragan f’ħajjitha permezz tal-fidi. Hi twieldet ukoll b’id mhux żviluppata għal kollox li kienet teħtieġ operazzjoni biex jirranġawielha. Qabel din l-operazzjoni pjuttost ikkomplikata, aħna morna narawha u tajnieha stampa li kienet turi b’mod sabiħ id ta’ tifla qed iżżomm b’imħabba id is-Salvatur. Meta staqsejnieha jekk kenitx tħossha eċċitata hija wieġbet, “Le, jiena kuntenta!”
Imbagħad staqsejnieha, “Ruby, għalfejn tħossok hekk?”
Ruby b’kunfidenza sostniet, “Għax naf li Ġesù se jkun qed iżommli jdejja.”
Ruby irkuprat b’mod mirakoluż, u hi tkompli tkun ferħana. Kif il-purità tal-fidi tat-tfal tikkuntrasta mal-bluha tad-dubju li spiss tista’ ġġarrabna meta nibdew nikbru!13 Iżda aħna lkoll nistgħu nsiru bħat-tfal ċkejknin u nagħżlu li ninjoraw in-nuqqas ta’ fidi tagħna. Hija għażla sempliċi.
Wieħed missier li jaf iħobb talab b’diliġenza lis-Salvatur, fejn qallu, “Jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, … għinna.”14
Ġesù mbagħad qallu:
“Jekk temmen, kollox jista’ jkun għal min jemmen.
“Il-missier … minnufih beda jgħajjat u jgħidlu, Jiena nemmen; għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.”15
Dan il-missier umli għażel b’għaqal li jafda l-fidi tiegħu f’idejn Kristu minflok f’idejn id-dubju. Il-President Nelson qalilna, “Hu biss in-nuqqas ta’ fidi tagħkom li jżomm lil Alla milli jberikkom b’mirakli li twarrbu l-muntanji li hemm fil-ħajja tagħkom .16
Kemm hu ħanin Alla tagħna li jiġġudikana fuq kemm nemmnu u mhux fuq kemm nafu!
Alma jgħallem:
“Imbierek dak li jemmen fil-kelma ta’ Alla.”17
“Għax Alla hu ħanin ma’ dawk li jemmnu f’ismu; għalhekk hu jixtieq, l-ewwel ħaġa, li intom temmnu.”18
Iva, qabel kollox, Alla jixtieq li aħna nemmnu fih.
L-aħjar mod kif aħna niffaċċjaw l-uragani spiritwali tagħna hu billi nemmnu fi Kristu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu. It-twemmin u l-ubbidjenza tagħna jorbtuna ma’ qawwa divina biex negħlbu “dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.”19 Iva, Alla “iberikna immedjatament” talli nemmnu u nobdu.20 Fil-fatt, maż-żmien l-istat tal-benesseri tagħna jinbidel għal wieħed ta’ ferħ u “aħna niksbu l-ħajja fi Kristu” hekk kif neżerċitaw il-fidi tagħna fih u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.21
Ħuti, jalla aħna nagħżlu llum biex “ma niddubitawx, iżda nemmnu.”22 “L-aqwa mod hu li nemmnu fi Kristu.”23 Aħna “mnaqqxin … fuq il-keffa ta’ jdejh.”24 Hu s-Salvatur u l-Feddej tagħna li jinsab iħabbtilna fuq il-bieb tagħna.25 F’isem Ġesù Kristu, amen.