Konferenza Ġenerali
It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom
konferenza ġenerali Ottubru 2021


It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom

Kull meta iqum xi maltemp f’ħajjitkom, l-aktar post sigur li tistgħu tkunu fih spiritwalment hu meta tkunu qed tgħixu ġewwa l-patti tagħkom tat-tempju!

Għeżież ħuti, jiena grat li ninsab magħkom dalgħodu biex naqsam magħkom is-sentimenti ta’ qalbi.

Kif tafu, aħna ninsabu għaddejjin b’ċerta rinnovazzjoni importanti fuq it-Tempju storiku ta’ Salt Lake. Dan il-proġett kumpless jinkludi fih rijinfurzar ewlieni tal-pedament oriġinali tiegħu, li għamel xogħlu tajjeb għal aktar minn seklu. Iżda dan it-tempju jeħtieġ li jibqa’ wieqaf għal ferm aktar żmien. Fl-aħħar ta’ Mejju, jien mort ninspezzjona l-progress ta’ dan il-proġett massiv. Naħseb li intom tapprezzaw li taraw ftit dak li rajna jien u marti Wendy. Naħseb li tindunaw għalfejn l-għanja “X’Sisien Sodi Ferm”1 issa għandha tifsira ġdida għalina.

2:4

Vidjo mis-sit tar-rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake: “Qed naraw il-pedament oriġinali tat-Tempju ta’ Salt Lake. Jien ninsab wieqaf f’naħa li tiġi taħt dik li kienet il-Kamra tal-Ġnien. Hekk kif eżaminajt il-ħila fis-sengħa ta’ kull parti ta’ dan il-bini, immeraviljajt ruħi b’dak li irnexxielhom iwettqu l-pijunieri. Jien verament nimmeravilja ruħi meta nikkunsidra li huma bnew dan it-tempju meraviljuż sempliċiment bl-għodda u t-teknika li kienet disponibbli għalihom aktar minn seklu ilu.

“Għexieren ta’ snin wara, madankollu, jekk neżaminaw il-pedament mill-viċin, nistgħu naraw l-effetti tal-erożjoni, u ċerti xquq u stadji varji ta’ stabilità fix-xogħol tal-ġebel oriġinali.

“Issa meta nara x’jistgħu jagħmlu l-inġiniera, il-periti, u l-esperti tal-bini tal-lum biex jirrinforzaw dak il-pedament oriġinali, nibqa’ verament imbellah. Xogħolhom huwa meravilja!

“Il-pedament ta’ kwalunkwe bini, partikolarment bini kbir daqs dan, jeħtieġ li jkun b’saħħtu u reżiljenti biżżejjed li jikkumbatti t-terrimoti, il-korrużjoni, l-irjieħ qawwija, u l-problemi inevitabbli li jaffettwaw kull bini. Il-ħidma kumplessa tat-tisħiħ tal-bini li tinsab għaddejja bħalissa se tirrinforza lil dan it-tempju sagru b’pedament li jista’ u għandu jservi għal żmien twil.”

Aħna qed nagħmlu dak kollu possibbli biex nagħtu lil dan it-tempju venerabbli, li maż-żmien beda jsir mill-aktar vulnerabbli, pedament li jista’ jikkumbatti l-forzi tal-natura tul il-Millennju. Bl-istess mod, issa ż-żmien li aħna lkoll nimplimentaw miżuri straordinarji—forsi anke miżuri li qatt ma ħadna qabel—biex insaħħu l-pedament spiritwali personali tagħna. Żminijiet bla preċedent jitolbu miżuri bla preċedent.

Għeżież ħuti, dawn huma l-aħħar żminijiet. Jekk intom u jien irridu nikkumbattu l-perikli u l-pressjoni li se niffaċċjaw, hu mill-aktar importanti li lkoll ikollna pedament spiritwali sod mibni fuq il-blata tal-Feddej tagħna, Ġesù Kristu.2

Għalhekk, nistaqsikom ilkoll, “kemm hu sod il-pedament tagħkom ? U x’rijinfurzar jeħtieġ lit-testimonjanza u lill-għarfien tal-evanġelju tagħkom?

It-tempju jinsab fiċ-ċentru tat-tisħiħ tal-fidi u l-fortitudni spiritwali tagħna għax is-Salvatur u d-duttrina tiegħu jinsabu fil-qalba tat-tempju. Kulma jiġi mgħallem fit-tempju, permezz ta’ istruzzjoni u permezz tal-Ispirtu, ikabbar l-għarfien tagħna ta’ Ġesù Kristu. L-ordinanzi essenzjali jagħmluna ħaġa waħda miegħu permezz ta’ patti sagri tas-saċerdozju. Imbagħad, hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana tal-fejqan tiegħu .3 U kemm verament se neħtieġu l-qawwa tiegħu fiż-żmien li ġej.

Aħna wkoll imwiegħda li, “jekk ninsabu ippreparati, m’għandniex għalfejn nibżgħu.”4 Din l-assigurazzjoni llum għandha implikazzjonijiet profondi. Il-Mulej iddikjara li minkejja l-isfidi bla preċedent ta’ żmienna, dawk li jibnu l-pedament tagħhom fuq Ġesù Kristu, u jitgħallmu kif jagħmlu użu mill-qawwa tiegħu, ma jkollhomx għalfejn jispiċċaw vittmi tal-anzjetajiet uniċi ta’ dawn iż-żminijiet.

L-ordinanzi u l-patti tat-tempju ilhom minn żmien il-qedem. Il-Mulej talab lil Adam u Eva biex jitolbu, jagħmlu l-patti, u joffru s-sagrifiċċji.5 Tabilħaqq li “kull meta l-Mulej kellu poplu tiegħu fuq l-art li jobdi l-kelma tiegħu, hu dejjem talbu biex jibni t-tempji.”6 Il-kitbiet kanoniċi huma mimlija referenzi għat-tagħlim, għall-ilbies, u għal-lingwaġġ tat-tempju u aktar.7 Kull ħaġa li nemmnu fiha u kull wegħda li Alla għamel lill-poplu tiegħu tal-patt jiltaqgħu flimkien fit-tempju. F’ kull żmien, it-tempju enfasizza l-verità prezzjuża li dawk li jagħmlu l-patti ma’ Alla u jżommuhom huma wlied il-patt.

B’hekk, fid-dar tal-Mulej, aħna nistgħu nagħmlu l-istess patti ma’ Alla li għamlu Abraham, Iżakk, u Ġakobb. U nistgħu nirċievu l-istess barkiet!

It-Tempji ta’ Kirtland u Nauvoo

It-tempji ilhom parti minn din id-dispensazzjoni mill-ewwel żminijiet tagħha.8 Elija għadda l-imfietaħ tal-awtorità tas-siġill lil Joseph Smith fit-Tempju ta’ Kirtland. Il-milja tas-saċerdozju ġiet irrestawrata fit-Tempju ta’ Nauvoo.9

Sal-martirju tiegħu, Joseph Smith baqa’ jirċievi rivelazzjonijiet li wasslu għar-restawrazzjoni tal-ordinanzi tad-dota u tas-siġill.10 Hu għaraf, madankollu, li kien hemm bżonn ta’ aktar raffinament. Wara li amministra d-dota lil Brigham Young f’Mejju 1842, Joseph qal lil Brigham, “Dan mhux qed nagħmluh eżatt kif għandu jkun, iżda qed nagħmlu li nistgħu taħt iċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom u nixtieqek tieħu din il-biċċa f’idejk u torganizza u tissistematizza dawn iċ-ċerimonji kollha.”11

Wara l-mewt tal-Profeta, il-President Young ssorvelja t-tlestija tat-Tempju ta’ Nauvoo12 u aktar tard bena tempji fit-territorju ta’ Utah. Waqt id-dedikazzjoni tas-sulari t’isfel tat-Tempju ta’ St. George, Brigham Young vigorożament iddikjara l-urġenza tal-ħidma tat-tempju f’isem il-mejtin meta qal, “Meta naħseb fuq din il-ħaġa, nixtieq għandi sebat ilħna qawwija daqs ir-ragħad ħalli nqajjem lill-poplu.”13

Minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-ordinanzi tat-tempju bdew ftit ftit jiġu rraffinati. Il-President Harold B. Lee spjega għalfejn il-proċeduri, il-polisis, u saħansitra l-amministrazzjoni tal-ordinanzi tat-tempju jkomplu jinbidlu fil-Knisja rrestawrata tas-Salvatur. Il-President Lee qal: “Il-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huma divini. Ħadd ma jibdel il-prinċipji u d-duttrina tal-Knisja ħlief il-Mulej permezz ta’ rivelazzjoni. Iżda l-metodi jinbidlu hekk kif id-direzzjoni ispirata tasal għand dawk li jippresedu fi żmien partikolari.”14

Ikkunsidraw kemm inbidel l-amministrar tas-sagrament tul is-snin. Fl-ewwel żminijiet, l-ilma tas-sagrament kien jiġi offrut lill-kongregazzjoni f’kontenitur wieħed kbir. Kulħadd kien jixrob minnu. Illum aħna nużaw tazzi individwali li jintremew. Il-proċedura nbidlet, iżda l-patti baqgħu l-istess.

Xtarru ftit dawn il-veritajiet:

  1. Ir-Restawrazzjoni hija proċess, mhux avveniment, u se tkompli sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi.

  2. L-oġġettiv aħħari tal-ġabra ta’ Iżrael15 hu li jwassal il-barkiet tat-tempju lill-ulied fidili ta’ Alla.

  3. Hekk kif nippruvaw inwettqu dak l-oġġettiv b’mod aktar effettiv, il-Mulej jagħtina aktar dawl. Ir-Restawrazzjoni kontinwa teħtieġ rivelazzjoni kontinwa.

L-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu spiss jistaqsu lill-Mulej jekk jeżistux modi aħjar kif jistgħu jwasslu l-barkiet tat-tempju lill-ulied fidili tiegħu. Aħna nfittxu l-gwida regolarment dwar kif niżguraw il-preċiżjoni u l-konsistenza dinjija tal-bini, tal-patti, u tal-ordinanzi tat-tempju minkejja d-differenzi fil-lingwa u l-kultura.

Taħt id-direzzjoni tal-Mulej u bi tweġiba għat-talb tagħna, riċentiment sar ċertu tibdil fil-proċeduri. Hu huwa Dak li jridkom tifhmu b’ċarezza kbira eżattament għal xiex tagħmlu l-patti li tagħmlu. Hu huwa Dak li jridkom tesperjenzaw il-milja tal-ordinanzi sagri tiegħu . Hu jridkom tifhmu l-privileġġi, il-wegħdiet, u r-responsabbiltajiet tagħkom. Hu jrid li jkollkom ideat u qawmien spiritwali li qatt ma kellkom qabel. Dan hu dak li Hu jixtieq għall-patruni kollha tat-tempju, irrispettivament fejn joqogħdu.

L-aġġustament kurrenti fil-proċeduri tat-tempju, u aġġustament ieħor li għad irid iseħħ, huma evidenza kontinwa li l-Mulej jinsab imexxi b’mod attiv il-Knisja tiegħu. Hu qed jipprovdi opportunitajiet lilna lkoll biex insaħħu l-pedament spiritwali tagħna billi niċċentraw ħajjitna fuqu u fuq l-ordinanzi u l-patti tat-tempju tiegħu. Meta intom iġġibu r-rakkomandazzjoni tat-tempju, il-qalb niedma, u l-moħħ lest biex jitgħallem tagħkom fid-dar tat-tagħlim tal-Mulej, Hu jgħallimkom.

Jekk id-distanza, problemi ta’ saħħa, jew xi restrizzjonijiet oħra jżommukom milli għal xi żmien ma tattendux it-tempju, nistedinkom biex tiddedikaw ħin regolari biex tirrepetu f’moħħkom il-patti li għamiltu.

Jekk għadkom ma teħdux pjaċir tattendu t-tempju, morru aktar ta’ spiss—mhux anqas. Ħallu lill-Mulej, permezz tal-Ispirtu tiegħu, jgħallimkom u jispirakom hemmhekk. Inwegħidkom li maż-żmien, it-tempju jsir post ta’ sigurtà, paċi, u rivelazzjoni.

Kieku kien possibbli li nitkellem individwalment mal-adulti żgħażagħ kollha, jien nitlobkom biex tfittxu sieħeb jew sieħba li magħhom tistgħu tiġu ssiġillati fit-tempju. Taf tistaqsu din x’differenza se tagħmel f’ħajjitkom. Inwegħidkom li din tagħmel id-differenza kollha f’ħajjitkom! Hekk kif tiżżewġu fit-tempju u terġgħu lura ripetutament, intom tissaħħu u tiġu ggwidati fid-deċiżjonijiet tagħkom.

Kieku nista’ nitkellem ma’ kull raġel u martu li għadkom ma ġejtux issiġillati fit-tempju, kieku nitlobkom biex tagħmlu l-passi neċessarji ħalli tirċievu dik l-ordinanza ewlenija li tibdlilkom ħajjitkom.16 Tagħmel differenza f’ħajjitkom? Tagħmel biss jekk intom tridu timxu ’l quddiem flimkien u tkunu flimkien għal dejjem. Ix-xewqa li tkunu flimkien għal dejjem mhux se twassal għal dan. L-ebda ċerimonja oħra jew kuntratt ieħor mhu se jwasslu għal dan.17

Kieku nista’ nkellem lil kull raġel jew mara li jixtiequ jiżżewġu iżda għadhom ma sabux lis-sieħba jew lis-sieħeb eterni tagħhom, nitlobkom biex ma tibqgħux tistennew sakemm tiżżewġu biex tiġu ddotati fid-dar tal-Mulej. Ibdew issa u esperjenzaw xi jfisser li tkunu armati bil-qawwa tas-saċerdozju.

U lilkom kollha li għamiltu patti tat-tempju, nitlobkom biex tfittxu—bit-talb u b’konsistenza—li tifhmu l-patti u l-ordinanzi tat-tempju.18 Jinfetħulkom bibien spiritwali. Intom titgħallmu kif taqsmu għan-naħa l-oħra tal-velu, li jinsab bejn is-sema u l-art, kif titolbu għall-għajnuna tal-anġli ta’ Alla, u kif tistgħu tirċievu aħjar id-direzzjoni mis-smewwiet. L-isforzi diliġenti tagħkom meta tagħmlu dan iwasslu biex jirrinforzaw u jsaħħu l-pedament spiritwali tagħkom.

Għeżież ħuti, meta r-rinnovazzjoni fuq it-Tempju ta’ Salt Lake tkun lesta, ma jkunx hawn post aktar sigur waqt xi terrimot fil-Wied ta’ Salt Lake minn ġewwa dak it-tempju.

Bl-istess mod, kull meta iqum xi maltemp f’ħajjitkom, l-aktar post sigur li tistgħu tkunu fih spiritwalment hu meta tkunu qed tgħixu ġewwa l-patti tagħkom tat-tempju!

Jekk jogħġobkom emmnuni meta ngħid li meta l-pedament spiritwali tagħkom ikun mibni b’mod sod fuq Ġesù Kristu, ma jkollkomx għalfejn tibżgħu. Hekk kif tkunu leali lejn il-patti li tagħmlu fit-tempju, intom tissaħħu bil-qawwa tiegħu. Imbagħad, meta tesperjenzaw it-terrimoti spiritwali, intom tkunu tistgħu tibqgħu weqfin sodi għaliex il-pedament spiritwali tagħkom hu wieħed solidu u immobbli.

Inħobbkom, ħuti. Dawn il-veritajiet jiena naf: Alla, Missierna fis-Smewwiet, irid li intom tagħżlu li tmorru għandu. Il-pjan tiegħu ta’ progressjoni eterna mhuwiex wieħed ikkumplikat, u jonora l-volontà tagħkom. Intom ħielsa tagħżlu min tridu tkunu—u ma’ min tridu tkunu—fid-dinja li jmiss!

Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Din hi l-Knisja tiegħu rrestawrata biex tgħinkom twettqu d-destin divin tagħkom. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “X’Sisien Sodi Ferm,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 6.

  2. Għalhekk “meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu … ma jkollu l-ebda qawwa fuqna … minħabba l-blata li ninsabu mibnijin fuqha, li hi pedament sod, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jistgħux jġġarrfu” (Helaman 5:12; enfażi miżjuda).

  3. Ara Doctrine and Covenants 109:15, 22.

  4. Doctrine and Covenants 38:30; ara wkoll Doctrine and Covenants 10:55.

  5. Ara Moses 5:5–6.

  6. Bible Dictionary, “Temple.”

  7. Per eżempju, ara Eżodu 28; 29; Levitku 8. It-tabernaklu ta’ Mosè kien magħruf bħala tinda tax-xhieda” (Numri 9:15) u “tabernaklu tax-xhieda”(Eżodu 38:21). It-tempju ta’ Salamun inqered fis-sena 587 QK, ftit snin wara li l-familja ta’ Leħi telqet minn Ġerusalemm. Ir-restawrazzjoni ta’ dan it-tempju minn Żerubbabel seħħet madwar 70 sena wara. Imbagħad iġġarraf permezz ta’ nirien fis-sena 37 QK. Erodi kabbar it-tempju fis-sena 16 QK. Imbagħad dan it-tempju, li fih kien imur Ġesù, ġie meqrud fis-sena 70 WK. Nefi kellu esperjenzi jixbhu lil dawk tat-tempju billi mar “spiss fil-muntanja” biex jitlob (1 Nephi 18:3) u aktar tard, fil-Kontinent Amerikan, bena tempju “skont it-tempju ta’ Salamun,” għalkemm ma kienx imżejjen daqsu (ara 2 Nephi 5:16).

  8. Ara Doctrine and Covenants 88:119; 124:31.

  9. Ara Doctrine and Covenants 110:13–16; 124:28. Il-ġebla tax-xewka għat-tempju ta’ Nauvoo tpoġġiet fis-6 ta’ April, 1841, ftit xhur biss wara li Joseph Smith irċieva r-rivelazzjoni biex jibnih. Fit-Tempju ta’ Nauvoo komplew jiżdiedu l-funzjonijiet. Per eżempju, il-Mulej spjega li kien meħtieġ li jkun hemm fonti tal-magħmudija għall-Qaddisin biex jitgħammdu f’isem il-mejtin (ara Doctrine and Covenants 124:29–30).

  10. Ara Doctrine and Covenants 131; 132. Doctrine and Covenants 128 fih ittra li Joseph Smith kiteb lill-Qaddisin dwar il-magħmudija għall-mejtin. Hemm hu ddikjara li s-salvazzjoni tal-mejtin “hi neċessarja u essenzjali għas-salvazzjoni tagħna, … [għax] mingħajrna ma jistgħux jiksbu l-perfezzjoni—lanqas aħna mingħajr il-mejtin tagħna ma nistgħu niksbu l-perfezzjoni” (vers 15).

  11. Joseph Smith, f’ Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 1, The Standard of Truth, 1815–1846 (2018), 454.

  12. “L-Istoriku tal-Knisja George A. Smith ikkonkluda li kienu 5,634 l-aħwa li rċevew id-dota tagħhom fit-Tempju ta’ Nauvoo, li kien għadu nofsu lest, f’Diċembru 1845 u Jannar 1846. Is-siġill tal-koppji baqa’ għaddej sas-7 ta’ Frar, 1846, meta sa dak inhar aktar minn 2,000 koppja ġew magħqudin flimkien għall-ħajja u l-eternità mis-saċerdozju” (Bruce A. Van Orden, “Temple Finished before Exodus,” Deseret News, 9 ta’ Diċ., 1995, deseret.com; ara wkoll Richard O. Cowan, “Endowments Bless the Living and Dead,” Church News, 27 ta’ Aww., 1988, thechurchnews.com).

  13. “X’taħsbu li kieku jgħidu l-missirijiet jekk ikollhom jitkellmu mid-dinja tal-mejtin? Ma taħsbux li jgħidu, ‘Aħna ilna hawnhekk għal eluf ta’ snin, hawn f’dan il-ħabs, nistennew il-miġja ta’ din id-dispensazzjoni’? … Għalfejn, kieku jista’ l-istess ragħad tas-smewwiet jibda jtambar f’widnejna, jekk aħna nkunu nistgħu nagħrfu l-importanza tal-ħidma li ninsabu ingaġġati fiha. U l-anġli fis-smewwiet jinsabu jħarsu lejn dawn il-ftit nies, u jippruvaw jistimulawhom għall-ħidma tas-salvazzjoni tal-familja umana. … Meta naħseb fuq din il-ħaġa, nixtieq għandi sebat ilħna qawwija daqs ir-ragħad ħalli nqajjem lill-poplu” (Discourses of Brigham Young, ġab. John A. Widtsoe [1954], 403–4).

  14. Harold B. Lee, “God’s Kingdom—a Kingdom of Order,” Ensign, Jan. 1971, 10. Ara wkoll dikjarazzjoni magħmula mill-President Wilford Woodruff fl-1896; Hu ddikjara: “Irrid ngħid, bħala president tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, li aħna għandna nkomplu navvanzaw ’il quddiem. Għadna ma waqafniex nirċievu r-rivelazzjoni. … Il-President [Brigham] Young, li laħaq wara l-President Joseph Smith, wassalna s’hawn. Hu organizza dawn it-tempji u mexxa l-għanijiet tas-sejħa u l-uffiċċju tiegħu. … Hu ma rċeviex ir-rivelazzjonijiet kollha li jappartjenu lil din il-ħidma; lanqas irċevewhom kollha l-President Taylor u l-President Woodruff. Mhux se jkun hawn tmiem għal din il-ħidma qabel ma l-ewwel tiġi pperfezzjonata” (The Discourses of Wilford Woodruff, miġ. G. Homer Durham [1946], 153–54).

  15. Ara 3 Nephi 29:8–9.

  16. Ara Doctrine and Covenants 131:2, 4.

  17. Ara Doctrine and Covenants 132:7.

  18. Il-Presbiteru John A. Widtsoe kiteb: “Alla jlissen il-kelma tiegħu u jagħti r-rivelazzjonijiet lir-raġel jew lill-mara li jmorru fit-tempju, b’għajnejn miftuħa, filwaqt li jagħtu widen tas-simboli u l-patti, u jagħmlu sforz kontinwu biex jifhmu t-tifsira sħiħa tagħhom. Id-dota tant hi mimlija simboli li trid tkun iblah biex tipprova tiddeskriviha; tant hi mimlija rivelazzjonijiet għal dawk li jeżerċitaw il-qawwa tagħhom biex ifittxu u jaraw, li l-ebda kliem uman ma jista’ jispjega jew jgħid b’ċarezza l-possibiltajiet li nsibu fis-servizz tat-tempju. Id-dota li ġiet mogħtija permezz ta’ rivelazzjoni tista’ tinftiehem l-aħjar permezz tar-rivelazzjoni ” (f’Archibald F. Bennett, Saviors on Mount Zion [Sunday School manual, 1950], 168).