Sempliċiment Sabiħ—Sbuħija mill-Aktar Sempliċi
Jalla l-evanġelju nżommuh sempliċi hekk kif nieħdu fuqna r-responsabbiltajiet maħtura b’mod divin.
Introduzzjoni
Nagħti merħba lilkom ilkoll li qed tieħdu sehem f’din il-konferenza.
Illum nittama li niddeskrivi żewġ elementi tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, u wara nitkellem dwar erba’ rakkonti kommoventi minn Qaddisin tal-Aħħar Żmien minn madwar id-dinja li juruna l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji. L-ewwel element tal-evanġelju rrestawrat—il-ħidma ta’ Alla tas-salvazzjoni u tal-eżaltazzjoni—jiffoka fuq ċerti responsabbiltajiet maħtura b’mod divin. It-tieni element ifakkarna li l-evanġelju huwa sempliċi u prezzjuż.
Responsabbiltajiet Maħtura b’Mod Divin
Biex nirċievu l-ħajja eterna, jeħtieġ li “nersqu lejn Kristu u nipperfezzjonaw ruħna fih.”1 Hekk kif nersqu lejn Kristu u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess, aħna nkunu qed nipparteċipaw fil-ħidma ta’ Alla tas-salvazzjoni u tal-eżaltazzjoni, li tiffoka fuq responsabbiltajiet maħtura b’mod divin.2 Dawn ir-responsabbiltajiet divini jallinjaw irwieħhom mal-imfietaħ tas-saċerdozju rrestawrati minn Mosè, Elijas, u Elija, kif dokumentat fil- 110 sezzjoni tad-Duttrina u Patti,3 u mat-tieni kmandament il-kbir mogħti lilna minn Ġesù Kristu biex inħobbu lil għajrna bħalna nfusna.4 Jinstabu fl-ewwel żewġ paġni tal- Manwal Ġeneraliaġġornat li hu disponibbli għall-membri kollha.
Jekk malli tisimgħu l-kliem “Manwal Ġenerali” jew “maħtura b’mod divin” tibdew tinħakmu minn biża’ ta’ kumplessità, ngħidilkom li m’għandkomx għalfejn. Dawn ir-responsabbiltajiet, li jispirawna u jimmotivawna, huma sempliċi u fattibbli. Dawn huma li:
-
Ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu
-
Nieħdu ħsieb ta’ dawk fil-bżonn
-
Nistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju
-
Ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità
Intom tafu tħarsu lejhom kif inħares lejhom jien: bħala mappa li teħodna lura għand Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna.
L-Evanġelju Hu Sempliċi u Prezzjuż
Jingħad li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu “sempliċiment sabiħ u fis-sbuħija tiegħu mill-aktar sempliċi.”5 Id-dinja mhijiex hekk. Hija kkumplikata, kumplessa, u mimlija nkwiet u ġlied. Aħna niġu mberkin hekk kif noqogħdu attenti li ma nħallux il-kumplessità, tant komuni fid-dinja, tidħol fit-triq li fiha nirċievu u nipprattikaw l-evanġelju.
Il-President Dallin H. Oaks osserva: “Aħna niġu mgħallmin bosta ħwejjeġ żgħar u sempliċi fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jeħtieġ li nżommu f’moħħna li meta nħarsu lejhom fuq medda sħiħa ta’ żmien, nindunaw li permezz ta’ ħwejjeġ żgħar jiġu fis-seħħ ħwejjeġ kbar.”6 Ġesù Kristu nnifsu jiddeskrivi li l-madmad tiegħu hu ħelu, u t-toqol tiegħu ħafif.7 Aħna lkoll għandna nagħmlu li nistgħu biex l-evanġelju nżommuh sempliċi—f’ħajjitna, fil-familji tagħna, fil-klassijiet u l-kworums tagħna, u fl-oqsma u l-utied tagħna.
Hekk kif tisimgħu l-istejjer li ġejjin li jien se naqsam magħkom, nixtieqkom tifhmu li dawn ġew magħżulin b’reqqa biex minn naħa jispiraw u min-naħa l-oħra jinfurmaw. L-għemejjel ta’ kull wieħed u waħda minn dawn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien isiru mudell għalina lkoll, huma u japplikaw l-evanġelju b’modi sempliċi u prezzjuż filwaqt li jwettqu waħda mir-responsabbiltajiet maħtura b’mod divin li għadni kif introduċejt.
Ngħixu l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu
Ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu Jens mid-Danimarka jitlob kuljum biex hu jgħix l-evanġelju u jagħraf is-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Hu tgħallem jaġixxi malajr meta jħoss l-Ispirtu qed jidderiġih.
Jens qal dan li ġej:
“Aħna ngħixu ġo dar żgħira u mill-aktar idillika, li hi nofsha tal-injam b’saqaf taz-zkuk, fiċ-ċentru ta’ raħal żgħir u li jilqgħek, qrib l-għadira tar-raħal.
“F’dan il-lejl partikolari bl-isbaħ temp sajfi u Daniż li wieħed jista’ jimmaġina, il-bibien u t-twieqi kienu miftuħin, u kollox kien qed jindika sens ta’ paċi u skiet. Minħabba l-iljieli sajfin mill-aktar imdawlin u twal li jkollna, ma kontx qed ngħaġġel wisq biex nibdel bozza li kienet marret fil-kamra tal-ħasil.
“F’daqqa waħda ħassejt ġo fija xi ħaġa tgħidli li kelli mmur nibdilha immedjatament! Fl-istess ħin, smajt lil marti, Mariann, issejjaħ lili u lit-tfal biex naħslu jdejna għax l-ikel kien lest!
“Għalkemm kont ili miżżewweġ biżżejjed biex inkun naf li dan ma kienx il-mument li naqla’ biċċa xogħol oħra imma li mmur naħsel idejja, xorta għidt lil Mariann li kont se naqbeż qabża sal-ħanut biex nixtri bozza ġdida. Ħassejt fija li kelli nitlaq immedjatament.
“Il-ħanut kien jinsab biss man-naħa l-oħra tal-għadira. Normalment konna mmorru bil-mixi, iżda dak inhar tlaqt bir-rota. Jiena u nsuq minn ħdejn l-għadira, stajt ninnota tifel ċkejken, ta’ madwar sentejn, miexi waħdu max-xifer tal-għadira, viċin ħafna tal-ilma—u f’daqqa waħda waqa’ fl-ilma! Filli qed narah—u filli le!
“Jien kont l-unika persuna li rajt x’ġara. Tfajt ir-rota mal-art, tlaqt niġri, u qbiżt fl-għadira fonda sa qaddi. Wiċċ l-ilma kien miksi bil-ħaxix tal-papri u dan beda jagħmilha impossibbli għalija li nara taħt wiċċ l-ilma. Imbagħad ħassejt ċertu ċaqliq fuq naħa waħda. Jien niżżilt driegħi fl-ilma, ħtaft il-flokk, u ġbidt lit-tifel ċkejken ’il fuq. Hu beda jipprova jieħu n-nifs, u beda jisgħol u jibki. Ftit wara t-tifel reġa’ ngħaqad mal-ġenituri tiegħu.”
Bħalma Ħuna Jens jibda jitlob kull filgħodu għall-għajnuna biex jagħraf is-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu, anke għal xi ħaġa mhux tas-soltu bħal li jmur jibdel bozza immedjatament, l-istess hu jitlobli jkun jista’ jiġi utilizzat bħala għodda biex ibierek lil ulied Alla. Jens jgħix l-evanġelju billi kuljum ifittex id-direzzjoni divina, jagħmel li jista’ biex ikun den, imbagħad jagħmel l-almu tiegħu biex jimxi skont id-direzzjoni li jkun irċieva.
Nieħdu Ħsieb ta’ Dawk fil-Bżonn
Dan li ġej hu eżempju ta’ li nieħdu ħsieb ta’ dawk fil-bżonn. Darba waħda wieħed president tal-wited ta’ Cucuta fil-Kolombja mar jakkumpanja lill-president tal-wited tat-Tfajliet fi żjara lil żewġ tfajliet—u lil ħuhom ftit akbar minnhom—li kienu għaddejjin minn ċerti diffikultajiet kbar. Missierhom ma kienx ilu li miet, u ommhom kienet mietet sena qabel. It-tliet aħwa kienuj issa spiċċaw weħidhom fil-post żgħir u sempliċi tagħhom. Il-ħitan kienu magħmulin minn injam aħrax mgħotti bil-boroż tal-plastik, u s-saqaf tal-pjanċi kkorugat kien jgħatti biss in-naħa fejn jorqdu.
Wara ż-żjara tagħhom, dawk il-mexxejja kienu jafu li kellhom bżonn l-għajnuna. Permezz tal-kunsill tal-qasam beda jitfassal pjan kif se jgħinuhom. Il-mexxejja tal-qasam u tal-wited—is-Soċjetà tal-Għajnuna, il-kworum tal-presbiteri, il-Ġuvintur, it-Tfajliet—u bosta famili, kollha xammru l-kmiem biex ibierku lil din l-familja.
L-organizzazzjonijiet tal-qasam għamlu kuntatt ma’ diversi membri tal-qasam li jaħdmu fil-kostruzzjoni. Xi wħud għenu bid-disinn, oħrajn offrew ħinhom u xogħolhom, xi wħud sajru xi ikel, u kien hemm oħrajn li offrew il-materjal meħtieġ.
Meta d-dar żgħira kienet lesta, kien jum ta’ ferħ għal dawk li għenu u għat-tliet membri żgħażagħ tal-qasam. Dawn it-tfal orfni ħassew fihom rabta ta’ mħabba u faraġ mal-familja tagħhom tal-qasam fejn kienu jafu li ma kenux jinsabu weħidhom u li Alla jinsab dejjem hemm għalihom. Dawk li għenuhom ħassew fihom l-imħabba tas-Salvatur għal din il-familja u huma għamluha ta’ jdejh waqt li bdew iservuhom.
Nistiednu lil Kulħadd biex Jirċievi l-Evanġelju
Naħseb li se jogħġobkom dan l-eżempju ta’ kif nistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju. Cleiton ta’ sbatax-il sena minn Cape Verde ma kellux idea x’kien se jiġri minnu b’riżultat tad-deċiżjoni tiegħu li jum fost l-oħrajn imur jipparteċipa fil-klassi tas-seminarju tal-qasam tiegħu. Iżda ħajtu u l-ħajja ta’ ħaddieħor kienet se tinbidel għal dejjem minħabba d-deċiżjoni tiegħu.
Cleiton, flimkien ma’ ommu u ħuh il-kbir, kienu tgħammdu fil-Knisja xi żmien qabel, u madankollu l-familja waqfet tattendi l-knisja. L-attendenza tiegħu fis-seminarju spiċċat biex kienet se twassal għal bidla kbira fil-familja.
Iż-żgħażagħ l-oħra fil-klassi tas-seminarju laqgħuh fosthom b’imħabba. Huma għamlu ħbieb ma’ Cleiton u ħeġġewh biex jattendi attività oħra. Hekk għamel, u ma damx ma beda jattendi l-laqgħat l-oħra tiegħu tal-Knisja. L-isqof mill-aktar għaqli ra potenzjal spiritwali fi Cleiton u stiednu biex ikun l-assistent tiegħu. “Minn dak il-mument ’il quddiem” qal l-Isqof Cruz, “Cleiton sar eżempju u influwenza għal żgħażagħ oħra.”
L-ewwel persuna li Cleiton stieden lura l-knisja kienet ommu, imbagħad ħuh il-kbir. Imbagħad hu kabbar iċ-ċirku tiegħu ta’ ħbieb. Wieħed minn dawk il-ħbieb kien żagħżugħ tal-età tiegħu, Wilson. Fl-ewwel laqgħa tiegħu mal-missjunarji, Wilson esprima x-xewqa li jitgħammed. Il-missjunarji impressjonaw ruħhom u stagħġbu kemm Cleiton kien diġà qasam ċertu tagħlim ma’ Wilson.
L-isforzi ta’ Cleiton ma waqfux hemm. Hu għen lill-membri oħra anqas attivi jerġgħu lura, kif ukoll qasam l-evanġelju ma’ ħbieb oħra ta’ twemmin ieħor. Illum il-qasam għandu 35 żgħażagħ attivi, bi programm tas-seminarju mill-aktar b’saħħtu, grazzi l-aktar għall-isforzi ta’ Cleiton li jħobb, jaqsam ma’ ħaddieħor, u jistieden. Kemm Cleiton, kif ukoll ħuh il-kbir, Cléber, it-tnejn qed jitħejjew biex iservu missjoni full-time.
Ngħaqqdu Flimkien lill-Familji għall-Eternità
Finalment, ippermettuli naqsam magħkom eżempju ta’ kif ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità. Lydia minn Kharkiv, l-Ukrajna, l-ewwel li semgħet dwar it-tempju kien mill-missjunarji. Immedjatament, Lydia ħasset fiha xewqa kbira li tattendi t-tempju, u wara li tgħammdet, bdiet titħejja biex tirċievi rakkomandazzjoni tat-tempju.
Lydia attendiet it-Tempju ta’ Freiberg, il-Ġermanja, biex tirċievi d-dota tagħha u mbagħad għaddiet diversi jiem hemm ġew tagħmel xogħol bi prokura. Wara d-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kyiv, l-Ukrajna, Lydia bdiet tattendi t-tempju aktar ta’ spiss. Hi u żewġha, Anatoly, ġew issiġillati hemmhekk u aktar tard ġew imsejħin biex iservu bħala missjunarji tat-tempju. Flimkien sabu aktar minn 15,000 isem ta’ antenati u ħadmu biex jipprovdu l-ordinanzi tat-tempju f’isimhom.
Meta staqsejtha kif tħossha dwar il-ħidma tat-tempju, Lydia, qalet, “Jien xi rċevejt fit-tempju? Jien għamilt patti ġodda ma’ Alla. It-testimonjanza tiegħi ssaħħet. Tgħallimt nirċievi r-rivelazzjoni personali. Jien nista’ nwettaq ordinanzi tas-salvazzjoni għall-antenati mejtin tiegħi. U nista’ nħobb u naqdi lil ħaddieħor.” Hi kkonkludiet b’din id-dikjarazzjoni vera: “Il-Mulej iridna fit-tempju ta’ spiss.”
Konklużjoni
Jiena nħossni ispirat bit-tjubija ta’ dawn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, ilkoll b’esperjenzi diversi u varji, iċċentrati f’dawn l-erba’ stejjer. Jien tgħallimt ħafna mir-riżultati mirakolużi tal-applikazzjoni sempliċi ta’ prinċipji sempliċi tal-evanġelju. Dak li huma għamlu nistgħu nagħmluh aħna wkoll.
Jalla l-evanġelju nżommuh sempliċi hekk kif nieħdu fuqna r-responsabbiltajiet maħtura b’mod divin: Li ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ħalli nkunu sensittivi għas-suġġerimenti kif kien Jens fid-Danimarka. Li nieħdu ħsieb ta’ dawk fil-bżonn, kif għamlu l-membri tal-wited ta’ Cucuta, fil-Kolumbja, fejn ipprovdew saqaf għall-membri orfni tal-qasam. Li nistiednu lil kulħadd biex jirċievi l-evanġelju, kif għamel Cleiton mill-gżira Afrikana ta’ Cape Verde, mal-ħbieb u mal-familja tiegħu. Finalment, li ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità, kif għamlet Sister Lydia mill-Ukrajna, permezz tal-ordinanzi tat-tempju, tal-ħidma tal-istorja tal-familja, u tas-servizz tagħha fit-tempju.
Li nagħmlu dan żgur iġibilna l-ferħ u l-paċi. Dwar dan jiena nwiegħed u nixhed—kif ukoll dwar Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna—f’isem Ġesù Kristu, amen.