Konferenza Ġenerali
Il-Paċi ta’ Kristu Tabolixxi l-Mibegħda
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Il-Paċi ta’ Kristu Tabolixxi l-Mibegħda

Meta l-imħabba ta’ Kristu ssir il-karatteristika ta’ ħajjitna, aħna niffaċċjaw in-nuqqas ta’ qbil billi nużaw is-sabar,bil-paċenzja, u l-ħlewwa.

Għeżież ħuti, waqt eżerċizzju tat-test tal-istress, ir-rata ta’ kemm taħdem il-qalb tiżdied. Qalb li ma jkollhiex problema waqt il-mixi taf issibha diffiċli tissapportja kedda ta’ ġirja għat-telgħa. B’dan il-mod, it-test tal-istress jista’ jiżvela xi mard li jista’ jkun hemm iżda ma jidhirx. Kwalunkwe ħaġa li tiġi identifikata tista’ mbagħad tiġi ttrattata qabel tista’ tikkawża xi problemi serji fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-pandemija tal-COVID-19 ċertament kienet test tal-istress globali! It-test ħalla riżultati varji. Ġew żviluppati vaċċini siguri u effettivi.1 Nies professjonisti mediċi, għalliema, kuranti, u oħrajn issagrifikaw b’mod erojku— u jkomplu jagħmlu dan. Ħafna nies urew ġenerożità u tjubija—u jkomplu jagħmlu dan. Madankollu, rajna ċerti żvantaġġi li seta’ kien hemm. Ċerti individwi vulnerabbli batew—u jkomplu jagħmlu dan. Lil dawk li jaħdmu biex jindirizzaw din l-inugwaljanza qawwija aħna għandna ninkoraġġuhom u nirringrazzjawhom.

Il-pandemija hi wkoll test tal-istress spiritwali għall-Knisja tas-Salvatur u l-membri tagħha. Ir-riżultati huma wkoll varji. Ħajjitna ġiet imbierka permezz ta’ ministeru b’“mod aktar ogħla u qaddis,”2 the Come, Follow Me , u t-tagħlim tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja. Ħafna pprovdew għajnuna kompassjonali u faraġ waqt dawn iż-żminijiet diffiċli, u jkomplu jagħmlu dan.3

Madankollu, f’ċerti waqtiet, it-test tal-istress spiritwali wera tendenzi li jxaqilbu lejn it-tilwim u l-firda. Dan jindika li baqa’ x’nagħmlu biex nwettqu bidla f’qalbna u nsiru ħaġa waħda bħala dixxipli vera tas-Salvatur. Din mhijiex sfida ġdida, iżda hija waħda kritika.4

Meta s-Salvatur żar lin-Nefiti, Hu għallem, “M’għandux ikun hemm tilwim bejnietkom. … Dak li għandu fih l-ispirtu tat-tilwim mhux ġej minni, iżda mix-xitan, li huwa missier it-tilwim, u huwa jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jitlewmu bir-rabja, wieħed mal-ieħor.”5 Meta aħna nitlewmu bejnietna fi spirtu ta’ rabja, Satana jidħaq u Alla tas-smewwiet jibki.6

Satana jidħaq u Alla jibki għal tal-anqas żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, it-tilwim idgħajjef ix-xhieda kollettiva tagħna ta’ Ġesù Kristu li nagħtu lid-dinja u tal-fidwa li tinkiseb permezz tal-“mertu, … tal-ħniena, u l-grazzja tiegħu.”7 Is-Salvatur qal, “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. … “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”8 Il-maqlub huwa wkoll veru—kulħadd jagħraf li aħna m’aħniex dixxipli tiegħu meta ma nurux imħabba bejnietna. Aħna nkunu qed nikkompromettu l-ħidma tiegħu tal-aħħar żmien meta jeżisti t-tilwim jew teżisti l-mibegħda9 fost id-dixxipli tiegħu.10 It-tieni, it-tilwim jagħmlilna ħsara fl-ispiritwalità tagħna bħala individwi. Aħna niġu mċaħħdin mill-paċi, mill-ferħ, u mill-mistrieħ, u l-abbiltà tagħna li nħossu l-Ispirtu tonqos.

Ġesù Kristu spjega li d-duttrina tiegħu ma kenitx “li jqanqal qlub il-bnedmin bir-rabja, wieħed kontra l-ieħor; iżda d-duttrina tiegħu hi li għandna nżommu ’l bogħod minn dawn il-ħwejjeġ.”11 Jekk jiena nieħu għalija malajr jew jekk, meta xi ħadd għandu opinjoni differenti, nibda nirrabja jew naqbad u niġġudikah, jien inkun “fallejt” it-test tal-istress spiritwali. Għax inkun fallejt dan it-test ma jfissirx li jien m’hemmx tama għalija. Pjuttost jindika li hemm bżonn ninbidel. U tajjeb li nkun naf dan.

Wara ż-żjara tas-Salvatur fil-Kontinent Amerikan, in-nies kellhom l-għaqda bejniethom; “ma kienx hemm tilwim mal-pajjiż kollu.”12 Taħsbu li n-nies kellhom l-għaqda bejniethom għax kienu kollha l-istess, jew għax ma kellhomx opinjoni differenti? Niddubita. Fil-fatt, it-tilwim u l-mibegħda għosfru għaliex huma raw li d-dixxipulat tagħhom tas-Salvatur jiġi qabel kull ħaġa oħra. Id-differenzi tagħhom bilkemm kienu jinħassu meta mqabbla mal-imħabba li lkoll kellhom lejn is-Salvatur, u huma kienu magħqudin bħala “werrieta tas-saltna ta’ Alla.”13 Ir-riżultat kien li “ma setax kien hemm nies aktar henjin … fost dawk li ġew maħluqa minn id Alla.”14

L-għaqda teħtieġ l-isforz.15 Niżviluppawha meta nikkultivaw l-imħabba ta’ Alla f’qalbna16 u niffokaw fuq id-destin etern tagħna.17 Aħna nkunu magħqudin minħabba l-identità ewlenija u komuni tagħna bħala wlied Alla18 u l-impenn tagħna għall-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat. Min-naħa l-oħra, l-imħabba tagħna lejn Alla u d-dixxipulat tagħna ta’ Ġesù Kristu jiġġeneraw sens ġenwin ta’ responsabbiltà lejn ħaddieħor. Aħna napprezzaw il-kalejdoskopju tal-karatteristiċi, tal-perspettivi, u tat-talenti tal-oħrajn.19 Jekk aħna mhux kapaċi npoġġu d-dixxipulat tagħna ta’ Ġesù Kristu ’il fuq mill-interessi u l-ideat personali, għandna nerġgħu neżaminaw il-prijoritajiet tagħna u ninbidlu.

Aħna nafu nkunu inklinati li ngħidu, “U żgur li jista’ jkollna l-għaqda—li kieku inti taqbel miegħi!” Atteġġjament aħjar hu li nistaqsu, “X’nista’ nagħmel biex inrawwem l-għaqda? X’nista’ nagħmel biex ngħin lil din il-persuna tersaq aktar viċin Kristu? X’nista’ nagħmel biex innaqqas it-tilwim u nibni komunità fil-Knisja aktar kompassjonali u li taf tħobb?”

Meta l-imħabba ta’ Kristu ssir il-karatteristika ta’ ħajjitna,20 aħna niffaċċjaw in-nuqqas ta’ qbil, bis-sabar, bil-paċenzja, u bil-ħlewwa.21 Aħna ninkwetaw anqas dwar l-affarijiet li aħna sensittivi dwarhom u aktar dwar is-sensittività ta’ għajrna. Aħna “infittxu l-moderazzjoni u l-għaqda.”22 Aħna ma ningaġġawx ruħna f’“argumenti dubjużi,” ma niġġudikawx lil dawk li ma naqblux magħhom, jew ma nippruvawx nagħtuhom gambetti.23 Minflok, għandna nassumu li dawk li ma naqblux magħhom qed jagħmlu li jistgħu bl-esperjenzi li għandhom fil-ħajja.

Marti pprattikat il-liġi għal aktar minn 20 sena. Bħala avukat, hi spiss kienet taħdem ma’ nies oħra li kienu jisħqu fuq l-opinjoni opposta tagħhom b’mod ċar. Iżda hi tgħallmet ma taqbilx magħhom mingħajr ma tkun pastaża jew rrabjata. Hi taf tgħid għal xi ħaġa li tmur kontra dak li taħseb hi, “Qed nara li m’aħniex se naqblu f’din il-ħaġa. Nammirak. Nirrispetta l-opinjoni tiegħek. Nittama li inti toffrili l-istess korteżija.” Ħafna drabi, dan wassal għal rispett reċiproku u saħansitra għal ħbiberija minkejja d-differenzi.

Anke dawk li xi darba kienu għedewwa jistgħu jsiru magħqudin fid-dixxipulat tagħhom tas-Salvatur.24 Fl-2006, jien attendejt id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Helsinki, fil-Finlandja, biex nonora lil missieri u lin-nanniet tiegħi li kienu fost l-ewwel membri tal-Knisja fil-Finlandja. Il-Finlandiżi, inkluż missieri, ħolmu għal għexieren ta’ snin li jkun hemm tempju fil-Finlandja. Dak iż-żmien, id-distretti tat-tempju kien magħmul mill-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Lithwanja, il-Belarus, u r-Russja.

Fid-dedikazzjoni, jien sirt naf xi ħaġa li ssorprendietni. L-ewwel jum tal-operazzjoni ġenerali kien ġie ddedikat għall-membri Russi biex iwettqu l-ordinanzi tat-tempju. Diffiċli nispjega kemm kienet ħaġa li ħallietni b’ħalqi miftuħ. Ir-Russja u l-Finlandja kienu spiċċaw kemm-il darba fi gwerra bejniethom tul is-sekli. Missieri mhux lir-Russja biss ma kienx jafda u jħobb, iżda lir-Russi kollha. Hu kien esprima sentimenti bħal dawn b’passjoni kbira, u s-sentimenti tiegħu kienu tipiċi tal-mibegħda li l-Finlandiżi għandhom lejn ir-Russja. Hu tgħallem bl-amment poeżiji epiċi li kienu jitkellmu dwar il-gwerer tas-seklu 19 bejn il-Finlandiżi u r-Russi. L-esperjenzi tiegħu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-Finlandja u r-Russja kienu antagonisti, m’għenux biex hu jibdel l-opinjoni tiegħu.

Sena qabel id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Helsinki, fil-Finlandja, il-kumitat tat-tempju, magħmul esklussivament minn membri Finlandiżi, iltaqgħu biex jiddiskutu l-pjanijiet għad-dedikazzjoni. Waqt il-laqgħa, xi ħadd osserva li l-Qaddisin Russi kien se jkollhom jivvjaġġaw jiem sħaħ biex jattendu d-dedikazzjoni u kienu qed jittamaw li jirċievu l-barkiet tagħhom tat-tempju qabel jerġgħu lura pajjiżhom. Iċ-chairman tal-kumitat, Brother Sven Eklund, issuġġerixxa li l-Finlandiżi jistennew ftit ieħor, sabiex ir-Russi setgħu jkunu l-ewwel membri li jwettqu l-ordinanzi tat-tempju fit-tempju. Il-membri kollha tal-kumitat qablu. Membri Qaddisin tal-Aħħar Żmien fidili mill-Finlandja baqgħu jistennew għall-barkiet tagħhom tat-tempju biex jakkomodaw lill-Qaddisin Russi.

Il-President Reġjonali li kien preżenti f’dik il-laqgħa tal-kumitat tat-tempju, il-Presbiteru Dennis B. Neuenschwander, wara kiteb: “Qatt ma kont kburi bil-Finlandiżi daqs kemm ħassejtni kburi f’dan il-mument. L-istorja diffiċli tal-Finlandja mal-ġirien tagħha fin-naħa tal-lvant … u l-eċċitament li finalment għandhom tempju mibni f’arthom spiċċaw xi ħaġa sekondarja. Li ppermettew lir-Russi biex jidħlu l-ewwel fit-tempju kienet dikjarazzjoni ta’ mħabba u sagrifiċċju.”25

Meta jiena rrapportajt din it-turija ta’ mħabba lil missieri, qalbu nħallet u nfaqa’ jibki, ħaġa mill-aktar rari għal dak il-Finlandiż stojku. Minn dak iż-żmien sa kemm miet tliet snin wara, hu ma esprima l-ebda sentiment ieħor negattiv kontra r-Russja. Ispirat mill-eżempju ta’ Finlandiżi oħra bħalu, missieri għażel li jpoġġi d-dixxipulat tiegħu ta’ Ġesù Kristu qabel kull konsiderazzjoni oħra. Il-Finlandiżi ma kenux anqas Finlandiżi; ir-Russi ma kenux anqas Russi; l-ebda grupp ma abbanduna l-kultura, l-istorja, jew l-esperjenzi tiegħu biex jikkomoda lill-għadu. Ma kellhomx għalfejn. Minflok, huma għażlu li jpoġġu l-ewwel u qabel kollox id-dixxipulat tagħhom ta’ Ġesù Kristu.26

Jekk huma setgħu jagħmlu dan, l-istess aħna. Aħna nistgħu nġibu magħna l-wirt, il-kultura, u l-esperjenzi tagħna fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Samwel ma ċaħadx il-wirt tiegħu bħala Lamanita,27 u lanqas Mormon ma ċaħad tiegħu bħala Nefita.28 Iżda t-tnejn li huma poġġew id-dixxipulat tagħhom tas-Salvatur qabel kollox.

Jekk aħna ma nkunux ħaġa waħda, aħna mhux tiegħu.29 L-istedina tiegħi hi li nkunu qalbiena u npoġġu l-imħabba tagħna lejn Alla u d-dixxipulat tas-Salvatur qabel kull konsiderazzjoni oħra.30 Ejjew insostnu l-patt inerenti fid-dixxipulat tagħna—il-patt li nkunu ħaġa waħda.

Ejjew nimxu wara l-eżempju tal-Qaddisin minn madwar id-dinja li rnexxielhom isiru dixxipli ta’ Kristu. Aħna nistgħu nafdaw f’Ġesù Kristu, li “hu is-sliem tagħna, hu, li … ġarraf il-ħajt li kien jifridna; u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-mibegħda ta’ bejnietna.”31 Ix-xhieda tagħna ta’ Ġesù Kristu lid-dinja tissaħħaħ, u aħna nibqgħu spiritwalment san.32 Jiena nixhed li hekk kif aħna “nevitaw it-tilwim” u nsiru “ħaġa waħda mal-Mulej fl-imħabba u magħqudin miegħu fil-fidi,” is-sliem tiegħu isir tagħna f’isem Ġesù Kristu, amen.33 F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “The First Presidency Urges Latter-day Saints to Wear Face Masks When Needed and Get Vaccinated Against COVID-19,” Newsroom, 12 ta’ Aww., 2021, newsroom.ChurchofJesusChrist.org; “Vaccines Explained,” World Health Organization, who.int/emergencies/diseases/novel-coronavirus-2019/covid-19-vaccines/explainers; “Safety of COVID-19 Vaccines,” Centers for Disease Control and Prevention, 27 ta’ Sett., 2021, cdc.gov/coronavirus/2019-ncov/vaccines/safety/safety-of-vaccines.html; “COVID-19 Vaccine Effectiveness and Safety,” Morbidity and Mortality Weekly Report, Centers for Disease Control and Prevention, cdc.gov/mmwr/covid19_vaccine_safety.html.

  2. Russell M. Nelson, “Il-Parteċipazzjoni tal-Aħwa Nisa fil-Ġabra ta’ Iżrael,” Liahona, Nov. 2018, 69.

  3. Ara Doctrine and Covenants 81:5.

  4. Bosta appostli u profeti tkellmu dwar l-għaqda u t-tilwim tul is-snin. Ara, per eżempju, Marvin J. Ashton, “No Time for Contention,” Ensign, Mejju 1978, 7–9; Marion G. Romney, “Unity,” Ensign, Mejju 1983, 17–18; Russell M. Nelson, “The Canker of Contention,” Ensign, Mejju 1989, 68–71; Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 32–35; Henry B. Eyring, “That We May Be One,” Ensign, Mejju 1998, 66–68; D. Todd Christofferson, “Come to Zion,” Liahona, Nov. 2008, 37–40; Jeffrey R. Holland, “Il-Ministeru tar-Rikonċiljazzjoni,” Liahona, Nov. 2018, 77–79; Quentin L. Cook, “Qlub Magħqudin Flimkien fis-Sewwa u l-Għaqda,” Liahona, Nov. 2020, 18–22; Gary E. Stevenson, “Qlub Magħqudin Flimkien,” Liahona, Mejju 2021, 19–23.

  5. 3 Nephi 11:28–29.

  6. Ara Moses 7:26, 28, 33. Mhux qed nissuġġerixxu li s-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur għadu għaddej u li Hu għadu jbati; Ġesù Kristu wettaq diġà l-Espjazzjoni. Madankollu, l-empatija u l-kompassjoni infinita u perfetta tiegħu li Hu kiseb b’riżultat talli ġab fis-seħħ is-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tiegħu jagħtuh iċ-ċans li jħoss id-diżappunt u n-niket.

  7. 2 Nephi 2:8.

  8. Ġwanni 13:34, 35.

  9. Il-mibegħda (dik li bl-Ingliż tissejjaħ ‘enmity’) hi l-istat jew is-sentiment li tkun oppost b’mod attiv kontra xi ħadd jew xi ħaġa; tindika ostilità, antagoniżmu, animosità, ħdura, u antipatija kbira jew xewqa li tara d-deni fuq ħaddieħor. Il-kelma bil-Grieg tradotta bl-Ingliż bħala “enmity” hija wkoll tradotta bħala “mibegħda.” Hija l-oppost ta’ agape, li hi tradotta bħala “mħabba.” Ara James Strong, The New Strong’s Expanded Exhaustive Concordance of the Bible (2010), sezzjoni tad-dizzjunarju Grieg, numbru 2189.

  10. Ara Ġwanni 17:21, 23.

  11. 3 Nephi 11:30.

  12. 4 Nephi 1:18.

  13. 4 Nephi 1:17.

  14. 4 Nephi 1:16.

  15. Il-President Russell M. Nelson qal, “Il-Mulej iħobb jara l-isforzi li nagħmlu” (f’Joy D. Jones, “Sejħa Nobbli mill-Aktar Speċjali,” Liahona, Mejju 2020, 16).

  16. Ara 4 Nephi 1:15. Hemm min kiseb din it-tip ta’ għaqda. Fi żmien Ħenok, “Il-Mulej sejjaħ lill-poplu tiegħu Sijon, għaliex huma kienu ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, u għammru flimkien fi tjubija; u fosthom ma kienx hemm foqra” (Moses 7:18).

  17. Ara Mosiah 18:21.

  18. Ara Atti 17:29; Salm 82:6.

  19. Ara 1 Korintin 12:12–27.

  20. Ara Moroni 7:47–48.

  21. Ara Doctrine and Covenants 107:30–31.

  22. Dallin H. Oaks, “Niddefendu l-Kostituzzjoni Tagħna, Ispirata Divinament,” Liahona, Mejju 2021, 107.

  23. Ara Rumani 14:1–3, 13, 21.

  24. Is-Salvatur ikkritika lid-“dixxipli [tiegħu] fil-qedem, [li] tlewmu bejniethom u ma ppruvawx jaħfru lil xulxin f’qalbhom; u għal dan l-għemil ħażin huma batew ferm. Għalhekk,” Ġesù widdeb lid-dixxipli tiegħu tal-aħħar żmien, “jiena ngħidilkom, li intom għandkom taħfru lil xulxin” (Doctrine and Covenants 64:8–9).

  25. Il-Presbiteru Dennis B. Neuenschwander, komunikazzjoni personali.

  26. Bi stil tipiku Finlandiż, meta Brother Eklund iddiskuta din id-deċiżjoni, hu qal li din kienet sempliċiment ħaġa loġika. Minflok ma faħħar il-magnanimità tal-Finlandiżi, hu esprima l-apprezzament tiegħu għar-Russi. Il-Finlandiżi kienu grati għall-kontribut sinifikanti tar-Russi fil-ħidma li twettqet fit-Tempju ta’ Helsinki, fil-Finlandja. (Sven Eklund, komunikazzjoni personali.)

  27. Ara Helaman 13:2, 5.

  28. Ara 3 Nephi 5:13, 20.

  29. Ara Doctrine and Covenants 38:27.

  30. Ara Luqa 14:25–33.

  31. Efesin 2:14–15.

  32. Ara Efesin 2:19.

  33. Ara Russell M. Nelson, “The Canker of Contention,” Ensign, Mejju 1989, 71.