Konferenza Ġenerali
Niddefendu l-Kostituzzjoni Tagħna, Ispirata Divinament
konferenza ġenerali April 2021


Niddefendu l-Kostituzzjoni Tagħna, Ispirata Divinament

It-twemmin tagħna fl-ispirazzjoni divina jagħti lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien responsabbiltà unika li nħarsu u niddefendu l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u l-prinċipji tal-kostituzzjonalità.

F’dan iż-żmien ta’ nkwiet, ħassejt li għandi nitkellem dwar il-Kostituzzjoni ispirata tal-Istati Uniti. Din il-Kostituzzjoni hija ta’ importanza speċjali għall-membri tagħna fl-Istati Uniti, iżda hija wkoll wirt komuni ta’ kostituzzjonijiet madwar id-dinja.

I.

Kostituzzjoni hija l-pedament ta’ gvern. Tipprovdi struttura u limiti għall-eżerċizzju tal-poteri tal-gvern. Il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti hija l-eqdem kostituzzjoni miktuba li għadha fis-seħħ sal-lum. Għalkemm oriġinarjament kienet adottata minn numru żgħir biss ta’ kolonji, ma damitx ma saret mudell għad-dinja kollha. Illum, kull nazzjon, ħlief tlieta, adottaw kostituzzjonijiet bil-miktub.1

F’dawn ir-rimarki mhux se nitkellem dwar xi partit politiku jew xi grupp ieħor. Se nitkellem dwar il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, li jien studjajt għal aktar minn 60 sena. Se nitkellem mill-esperjenza tiegħi bħala skrivan tal-liġi mal-prim imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Se nitkellem mill-esperjenza ta’ 15-il sena bħala professur tal-liġi, u t-3 snin u nofs bħala mħallef fil-Qorti Suprema ta’ Utah. U fuq kollox, se nitkellem wara esperjenza ta’ 37 sena bħala Appostlu ta’ Ġesù Kristu, responsabbli li nistudja t-tifsira tal-Kostituzzjoni ispirata divinament tal-Istati Uniti għall-ħidma tal-Knisja rrestawrata tiegħu.

Il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti hija unika għax Alla żvela li Hu “stabbilixxa” l-kostituzzjoni “għad-drittijiet u l-protezzjoni tal-bnedmin kollha” (Doctrine and Covenants 101:77; ara wkoll vers 80). Huwa għalhekk li din il-kostituzzjoni hija ta’ interess speċjali għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar id-dinja. Jekk il-prinċipji tagħha għandhomx jiġu applikati f’nazzjonijiet oħra tad-dinja, u kif f’dak il-każ għandhom jiġu applikati, f’idejhom.

X’kien l-għan ta’ Alla li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti? Nistgħu naraw dan fid-duttrina tal-volontà morali. Fl-ewwel għaxar snin tal-Knisja rrestawrata, il-membri tagħha mal-fruntiera tal-punent kienu qed isofru persekuzzjoni kemm privata kif ukoll pubblika. Waħda mir-raġunijiet għal dan kienet minħabba l-oppożizzjoni tagħhom għall-iskjavitù umana li kienet teżisti fl-Istati Uniti f’dawk iż-żminijiet. F’dawn iċ-ċirkostanzi sfortunati, Alla żvela permezz tal-Profeta Joseph Smith veritajiet eterni dwar id-duttrina tiegħu.

Alla ta lil uliedu l-volontà morali—il-qawwa li jiddeċiedu u jaġixxu. L-aktar kundizzjoni mixtieqa għall-eżerċizzju ta’ dik il-volontà hija l-libertà massima għall-irġiel u n-nisa biex jaġixxu skont l-għażliet individwali tagħhom. Imbagħad, kif tispjega r-rivelazzjoni, “kull bniedem ikun responsabbli għall-istess dnubiet tiegħu fil-jum tal-ġudizzju” (Doctrine and Covenants 101:78). “Għalhekk,” żvela l-Mulej, “mhux sew li xi bniedem ikun ilsir ta’ bniedem ieħor” (Doctrine and Covenants 101:79). Dan ovvjament ifisser li l-iskjavitù umana hija ħażina. U skont l-istess prinċipju, huwa ħażin li ċ-ċittadini ma jkollhom l-ebda vuċi fl-għażla tal-mexxejja tagħhom jew fit-tfassil tal-liġijiet tagħhom.

II.

It-twemmin tagħna li l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti kienet ispirata divinament ma jfissirx li r-rivelazzjoni divina ddettat kull kelma u frażi, bħad-dispożizzjonijiet li jallokaw in-numru ta’ rappreżentanti minn kull stat jew l-età minima tagħhom.2 Il-Kostituzzjoni ma kenitx “dokument żviluppat għal kollox”, qal il-President J. Reuben Clark. “Għall-kuntrarju,” huwa spjega, “aħna nemmnu li teħtieġ li tikber u tiżviluppa biex tissodisfa l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu ta’ dinja li qed tavvanza.”3 Per eżempju, ċerti emendi ispirati abolixxew l-iskjavitù u taw id-dritt tal-vot lin-nisa. Madankollu, aħna ma narawx l-ispirazzjoni f’kull deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tinterpreta l-Kostituzzjoni.

Jien nemmen li l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti fiha mill-inqas ħames prinċipji li huma ispirati divinament.4

L-ewwel huwa l-prinċipju li s-sors tal-poter tal-gvern huwa n-nies. Fi żmien meta l-poter sovran kien universalment preżunt li ġej mid-dritt divin tar-rejiet jew mill-poter militari, kienet ħaġa rivoluzzjonarja li tattribwixxi l-poter sovran lill-poplu. Kien hemm xi filosofi li kienu rrakkomandaw dan, iżda l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti kienet l-ewwel li applikatha. Il-poter sovran f’idejn il-poplu ma jfissirx li xi marmalja jew xi gruppi oħra ta’ nies jistgħu jintervjenu biex jintimidaw jew iġiegħlu lill-gvern biex jaġixxi. Il-Kostituzzjoni stabbiliet repubblika demokratika kostituzzjonali, fejn il-poplu jeżerċita l-poter tiegħu permezz tar-rappreżentanti eletti tiegħu.

It-tieni prinċipju ispirat huwa d-diviżjoni tal-poter delegat bejn in-nazzjon u l-istati sussidjarji tiegħu. Fis-sistema federali tagħna, dan il-prinċipju bla preċedent xi drabi ġie mibdul b’emendi ispirati, bħal dawk li jabolixxu l-iskjavitù u jestendu d-drittijiet tal-vot għan-nisa, kif semmejt qabel. B’mod sinifikanti, il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tillimita l-gvern nazzjonali għall-eżerċizzju ta’ poteri mogħtija espressament jew b’implikazzjoni, u tirriżerva l-poteri governattivi l-oħra kollha “lill-Istati rispettivi jew lill-poplu.”5

Prinċipju ispirat ieħor huwa s-separazzjoni tal-poteri. Aktar minn seklu qabel il-Konvenzjoni Kostituzzjonali tagħna tal-1787, il-Parlament Ingliż kien pijunier fis-separazzjoni tal-awtorità leġiżlattiva u eżekuttiva meta kien ħa ċerti poteri mingħand ir-re. L-ispirazzjoni fil-konvenzjoni Amerikana kienet li tiddelega poteri eżekuttivi, leġislattivi, u ġudizzjarji indipendenti sabiex dawn it-tliet fergħat ikunu jistgħu jeżerċitaw kontrolli fuq xulxin.

Ir-raba’ prinċipju ispirat jinsab fil-grupp ta’ garanziji mill-aktar importanti ta’ drittijiet individwali u limiti speċifiċi fuq l-awtorità tal-gvern fl-Abbozz tad-Drittijiet, adottat permezz ta’ emenda tliet snin biss wara li l-Kostituzzjoni daħlet fis-seħħ. Abbozz tad-Drittijiet ma kienx xi ħaġa ġdida. Hawnhekk, l-ispirazzjoni kienet fl-implimentazzjoni prattika ta’ prinċipji li kienu raw il-bidu tagħhom fl-Ingilterra permezz tal-Magna Carta. Il-kittieba tal-Kostituzzjoni kienu familjari magħhom minħabba li wħud mid-dokumenti kolonjali kellhom fihom garanziji bħal dawn.

Mingħajr Abbozz ta’ Drittijiet, l-Amerika ma setgħetx isservi bħala nazzjon ospitanti għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju, li rat il-bidu tagħha tliet deċennji biss wara. Żgur li kien hemm ispirazzjoni divina fid-dispożizzjoni oriġinali li m’għandu jkun hemm l-ebda test reliġjuż għal kariga pubblika,6 iżda ż-żieda tal-libertà reliġjuża u l-garanziji antistabbiliment fl-Ewwel Emenda kienu mill-aktar importanti. Naraw ukoll ispirazzjoni divina fil-libertajiet tal-kelma u tal-istampa tal-Ewwel Emenda u fil-protezzjonijiet personali f’emendi oħra, bħal dik għal prosekuzzjonijiet kriminali.

Aħna n-nies

Il-ħames u l-aħħar, jien nara ispirazzjoni divina fl-għan mill-aktar importanti tal-Kostituzzjoni kollha. Aħna għandna nitmexxew mill- liġi u mhux minn individwi, il-lealtà tagħna hija lejn il-Kostituzzjoni u l-prinċipji u l-proċessi tagħha, mhux lejn xi detentur ta’ kariga. B’dan il-mod, in-nies kollha għandhom ikunu ndaqs quddiem il-liġi. Dawn il-prinċipji jimblukkaw l-ambizzjonijiet awtokratiċi, li kkorrompew id-demokrazija f’ċerti pajjiżi. Dawn ifissru wkoll li l-ebda waħda mit-tliet fergħat tal-gvern m’għandha tkun dominanti fuq l-oħrajn jew tipprevjeni lill-oħrajn milli jwettqu l-funzjonijiet kostituzzjonali xierqa tagħhom biex jillimitaw lil xulxin.

III.

Minkejja l-prinċipji ispirati b’mod divin tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, meta jiġu eżerċitati minn nies imperfetti mhux dejjem tiġi mwettqa l-intenzjoni oriġinali tagħhom. Suġġetti importanti tat-tfassil tal-liġijiet, bħal xi liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-familja, ittieħdu mill-istati mill-gvern federali. Il-garanzija tal-Ewwel Emenda tal-kelma ħielsa xi drabi ġiet dilwita bis-soppressjoni tal-kelma mhux popolari. Il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri dejjem kien taħt pressjoni ħalli xi fergħa ta’ gvern tinfluwenza lil xi fergħa oħra bil-mod kif għandha teżerċita jew tinibixxi l-poteri delegati lilha.

Hemm ċertu theddid ieħor li jdgħajjef il-prinċipji ispirati tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti. L-istatura tal-Kostituzzjoni tonqos bl-isforzi biex jiġu sostitwiti x-xejriet tas-soċjetà kurrenti bħala r-raġuni għat-twaqqif tagħha, minflok il-libertà u l-awtogovernanza. L-awtorità tal-Kostituzzjoni tiġi ttrattata qisha mhi xejn meta xi kandidati jew uffiċjali jinjoraw il-prinċipji tagħha. Id-dinjità u l-forza tal-Kostituzzjoni jiċċekknu minn dawk li jirreferu għaliha qisha xi test ta’ lealtà jew slogan politiku, minflok bl-istatus għoli tagħha bħala sors ta’ awtorizzazzjoni u limiti għall-awtorità tal-gvern.

IV.

It-twemmin tagħna fl-ispirazzjoni divina jagħti lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien responsabbiltà unika li nħarsu u niddefendu l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u l-prinċipji tal-kostituzzjonalità kull fejn aħna ngħixu. Jeħtieġ li aħna nafdaw fil-Mulej u nkunu pożittivi dwar il-futur ta’ dan in-nazzjon.

X’għandhom jagħmlu aktar il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien? Jeħtieġ li nitolbu biex il-Mulej jiggwida u jbierek lill-ġnus kollha u l-mexxejja tagħhom. Din hija parti mill-artiklu tal-fidi tagħna. Li nkunu suġġetti għal presidenti jew mexxejja7 naturalment m’għandu joħloq l-ebda ostaklu għall-oppożizzjoni tagħna lejn xi liġijiet jew polisis individwali. Dan jeħtieġ minna li neżerċitaw l-influwenza tagħna b’mod ċivili u paċifiku, fil-qafas tal-kostituzzjonijiet tagħna u l-liġijiet applikabbli. Dwar kwistjonijiet ikkontestati, għandna nfittxu l-moderazzjoni u l-għaqda.

Hemm dmirijiet oħra li huma parti miż-żamma tal-Kostituzzjoni ispirata. Għandna nitgħallmu u nirrakkomandaw il- prinċipji ispirati tal-Kostituzzjoni. Għandna nfittxu u nappoġġjaw persuni għaqlin u tajbin li jappoġġjaw dawk il-prinċipji fl-azzjonijiet pubbliċi tagħhom.8 Aħna għandna nkunu ċittadini infurmati li nkunu attivi sabiex l-influwenza tagħna tinħass fl-affarijiet ċiviċi.

Fl-Istati Uniti u f’demokraziji oħra, l-influwenza politika hija eżerċitata billi tkun kandidat għal xi kariga (ħaġa li nħeġġuha), billi tivvota, permezz ta’ sapport finanzjarju, permezz ta’ sħubija u servizz f’partiti politiċi, u b’komunikazzjonijiet kontinwi ma’ uffiċjali, partiti, u kandidati. Biex tiffunzjona tajjeb, demokrazija teħtieġ dawn kollha, iżda kull ċittadin kuxjenzjuż m’għandux għalfejn jipprovdihom kollha.

Hemm bosta kwistjonijiet politiċi, u l-ebda partit, pjattaforma, jew kandidat individwali ma jista’ jissodisfa l-preferenzi personali kollha. Kull ċittadin għandu għalhekk jiddeċiedi liema kwistjonijiet huma l-aktar importanti għalih. Imbagħad, il-membri għandhom ifittxu l-ispirazzjoni dwar kif jistgħu jeżerċitaw l-influwenza tagħhom skont il-prijoritajiet individwali tagħhom. Dan il-proċess mhux se jkun wieħed faċli. Dan jista’ jirrikjedi li wieħed jaqleb il-vot tiegħu minn partit għall-ieħor, jew minn kandidat għall-ieħor, anke minn elezzjoni għal elezzjoni.

Tali azzjonijiet indipendenti jistgħu xi drabi jkunu jeħtieġu li l-votanti jappoġġjaw kandidati jew partiti politiċi jew pjattaformi li l-pożizzjonijiet l-oħra tagħhom ma jaqblux magħhom.9 Din hi waħda mir-raġunijiet għalfejn inħeġġu lill-membri tagħna biex joqogħdu lura milli jiġġudikaw lil xulxin fuq kwistjonijiet politiċi. Qatt m’għandna nasserixxu li Qaddis fidil tal-aħħar Żmien ma jistax jappartjeni għal xi partit partikolari jew jivvota għal xi kandidat partikolari. Aħna ngħallmu prinċipji tajbin u nħallu lill-membri tagħna jagħżlu kif jipprijoritizzaw u japplikaw dawk il-prinċipji skont kwistjonijiet ippreżentati minn żmien għal żmien. Aħna ninsistu wkoll, u nitolbu lill-mexxejja lokali tagħna biex jinsistu huma wkoll, li l-għażliet u l-affiljazzjonijiet politiċi ma jkunux is-suġġett ta’ tagħlim jew propoganda f’xi waħda mil-laqgħat tal-Knisja tagħna.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, naturalment, se teżerċita d-dritt tagħha li tapprova jew topponi proposti leġislattivi speċifiċi li nemmu li jista’ jkollhom impatt fuq l-eżerċizzju ħieles tar-reliġjon jew l-interessi essenzjali tal-organizzazzjonijiet tal-Knisja.

Jiena nixhed dwar il-Kostituzzjoni ispirata divinament tal-Istati Uniti u nitlob li aħna li nirrikonoxxu l-Esseru Divin li ispiraha dejjem inħarsu u niddefendu l-prinċipji kbar tagħha. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Mark Tushnet, “Constitution,” f’Michel Rosenfeld and András Sajó, ed., The Oxford Handbook of Comparative Constitutional Law (2012), 222. It-tliet pajjiżi b’kostituzzjonijiet kodifikati iżda mhux miktuba huma r-Renju Unit, New Zealand, u l-Iżrael. Kull waħda minn dawn għandha tradizzjonijiet qawwija ta’ kostituzzjonalità, għalkemm id-dispożizzjonijiet governattivi mhumiex miġburin f’dokument wieħed.

  2. Ara Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, artiklu 1, sezzjoni 2.

  3. J. Reuben Clark Jr., “Constitutional Government: Our Birthright Threatened,” Vital Speeches of the Day, 1 ta’ Jan., 1939, 177, ikkwotat f’Martin B. Hickman, “J. Reuben Clark, Jr.: The Constitution and the Great Fundamentals,” f’Ray C. Hillam, ed., By the Hands of Wise Men: Essays on the U.S. Constitution (1979), 53. Brigham Young kien iħares lejn l-iżvilupp tal-Kostituzzjoni bl-istess mod, u għallem li dawk li fassluha “waqqfu l-pedament, u kien f’idejn il-ġenerazzjonijiet ta’ wara li kellhom jibnu s-superstruttura fuqu.” (Discourses of Brigham Young, miġ. John A. Widtsoe [1954], 359).

  4. Dawn il-ħamsa huma simili iżda mhux identiċi għal dawk issuġġeriti f’J. Reuben Clark Jr., Stand Fast by Our Constitution (1973), 7; Ezra Taft Benson, “Our Divine Constitution,” Ensign, Nov. 1987, 4–7; u Ezra Taft Benson, “The Constitution—A Glorious Standard,” Ensign, Sett. 1987, 6–11. Ara, ġeneralment, Noel B. Reynolds, “The Doctrine of an Inspired Constitution,” f’ By the Hands of Wise Men, 1–28.

  5. Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, emenda 10.

  6. Ara Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, artiklu 6.

  7. Ara Artikli tal-Fidi 1:12.

  8. Ara Doctrine and Covenants 98:10.

  9. Ara David B. Magleby, “The Necessity of Political Parties and the Importance of Compromise,” BYU Studies, vol. 54, nu. 4 (2015), 7–23.