Il-COVID-19 u t-Tempji
Araw li qabel kollox iżżommu f’moħħkom u f’qalbkom il-patti tagħkom u l-barkiet tat-tempju. Ibqgħu leali lejn il-patti li għamiltu.
Għeżież ħuti, aħna verament kellna festa spiritwali. Kemm jiena grat għat-talb, għall-messaġġi, u għall-mużika ta’ matul din il-konferenza. Grazzi intom ilkoll li ngħaqadtu magħna, tinsabu fejn tinsabu.
Kmieni s-sena l-oħra, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u x-xewqa tagħna li nkunu ċittadini globali tajbin, aħna ħadna d-deċiżjoni diffiċli li temporanjament nagħlqu t-tempji kollha. Fix-xhur ta’ wara, aħna ħassejna rwieħna ispirati li b’reqqa kbira nerġgħu niftħu t-tempji. Issa t-tempji qegħdin jerġgħu jinfetħu f’erba’ fażijiet, fejn qegħdin nimxu strettament mar-regolamenti u l-protokolli ta’ sigurtà tal-gvern lokali.
Għal tempji fl-1 fażi, il-koppji kwalifikati li kienu rċevew id-dota tagħhom jistgħu jiġu ssiġillati bħala raġel u mara miżżewġin.
Għal tempji fit-2 fażi, jitwettqu l-ordinanzi kollha għall-ħajjin, inkluż id-dota tal-individwu, is-siġill tar-raġel u martu, u s-siġill tat-tfal mal-ġenituri. Dan l-aħħar emendajna l-linji gwida għat-2 fażi u qed nippermettu liż-żgħażagħ tagħna, lill-membri ġodda, u lil oħrajn li għandhom rakkomandazzjonijiet għal użu limitat biex jipparteċipaw f’magħmudijiet bi prokura għall-antenati tagħhom.
Għal tempji fit-3 fażi, dawk li għandhom xi appuntament skedat jistgħu jipparteċipaw mhux biss fl-ordinanzi għall-ħajjin iżda wkoll fl-ordinanzi kollha bi prokura għall-antenati mejtin.
Ir-4 fażi hija ritorn għall-attività regolari sħiħa tat-tempju.
Aħna grati għall-paċenzja u s-servizz devot tagħkom waqt dan iż-żmien ta’ sfida u tibdil. Nitlob li x-xewqa tagħkom li issa intom tqimu u sservu fit-tempju tkun akbar minn qatt qabel.
Intom tafu qed tistaqsu meta se tkunu tistgħu terġgħu lura fit-tempju. Tweġiba: It-tempju tagħkom jinfetaħ meta r-regolamenti tal-gvern lokali tagħkom jippermettu dan. Meta l-inċidenza tal-COVID-19 fl-inħawi tagħkom tkun ta’ limitu sigur, it-tempju tagħkom jerġa’ jinfetaħ. Agħmlu dak kollu li tistgħu biex tnaqqsu n-numri tal-COVID fl-inħawi tagħkom ħalli l-opportunitajiet tagħkom tat-tempju jiżdiedu.
Sadattant araw li qabel kollox iżżommu f’moħħkom u f’qalbkom il-patti tagħkom u l-barkiet tat-tempju. Ibqgħu leali lejn il-patti li għamiltu.
Issa ninsabu nibnu għall-futur! Bħalissa hemm wieħed u erbgħin tempju qed jinbena jew jiġi rinovat. Is-sena l-oħra biss, minkejja l-pandemija, ġiet impalata l-art għal 21 tempju ġdid.
Aħna rridu nressqu d-dar tal-Mulej aktar viċin tal-membri tagħna, biex huma jkunu jistgħu jkollhom il-privileġġ sagru li jattendu t-tempju skont kemm iċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettu.
Hekk kif se nħabbar il-pjanijiet tagħna li nibnu 20 tempju ieħor, jiena nixtarr u nagħti ġieħ lil dawk il-pijunieri—tal-passat u tal-preżent—li l-ħajja kkonsagrata tagħhom għenet biex illum jiġi fis-seħħ dan il-mument storiku. Se jinbena tempju f’kull wieħed minn dawn il-postijiet: Oslo, in-Norveġja; Brussell, il-Belġju; Vjenna, l-Awstrija; Kumasi, il-Ghana; Beira, il-Możambik; Cape Town, l-Afrika t’Isfel; Singapor, ir-Repubblika ta’ Singapor; Belo Horizonte, il-Brażil; Cali, il-Kolombja; Querétaro, il-Messiku; Torreón, il-Messiku; Helena, Montana; Casper, Wyoming; Grand Junction, Colorado; Farmington, New Mexico; Burley, Idaho; Eugene, Oregon; Elko, Nevada; Yorba Linda, California; u Smithfield, Utah.
It-tempju huma parti mill-aktar importanti tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja tiegħu. L-ordinanzi tat-tempju jimlew ħajjitna b’qawwa kbira li ma nistgħux niksbuha b’mod ieħor. Nirringrazzjaw lil Alla għal dawk il-barkiet.
Hekk kif nagħlqu din il-konferenza, aħna nerġgħu nesprimu l-imħabba tagħna lejkom. Nitolbu li Alla jibgħat il-barkiet tiegħu fuqkom u jħariskom ilkoll. Flimkien ninsabu ingaġġati fis-servizz sagru tiegħu. Ejjew ’il quddiem, tal-Mulej immexxu x-xogħol! Għal dan jiena nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.