Konferenza Ġenerali
Nixtieq Nara t-Tempju
konferenza ġenerali April 2021


Nixtieq Nara t-Tempju

Huwa biss fit-tempju fejn aħna nistgħu nirċievu l-assigurazzjoni tar-rabta ta’ mħabba tal-familja li jkomplu wara l-mewt tul l-eternità kollha.

Għeżież ħuti, jiena grat li ninsab magħkom f’din l-ewwel sessjoni tal-konferenza ġenerali. Il-kelliema, il-mużika, u t-talba ġabu fostna l-Ispirtu—kif ukoll sentiment ta’ dawl u tama.

Dak is-sentiment fakkarni fl-ewwel jum li jiena dħalt fit-Tempju ta’ Salt Lake. Kont għadni żagħżugħ. Dak inhar l-uniċi persuni li kelli miegħi kienu l-ġenituri tiegħi. Meta dħalna ġewwa, huma waqfu għal ftit hekk kif ġew milqugħin minn ħaddiem tat-tempju. Jien kont ninsab ftit passi quddiehom, fejn għal mument kont spiċċajt waħdi.

Ġiet tilqagħni waħda mara b’xagħarha bajdani liebsa libsa bajda u sabiħa tat-tempju. Hi ħarset lejja u tbissmitli u mbagħad qalet b’leħen sieket, “Merħba fit-tempju, Brother Eyring.” Dak il-ħin ħsibt li kienet xi anġlu għaliex kienet taf x’jisimni. Ma kontx irrealizzajt li fuq il-pavru tal-ġakketta tal-libsa kelli mwaħħal biljett żgħir b’ismi miktub fuqu.

Jiena mxejt pass ’il quddiem minn fejn kienet u waqaft. Ħarist ’il fuq lejn is-saqaf abjad u għoli li kien jimla l-kamra b’tant dawl bħallikieku kellna s-sema fuq rasna. U f’dak il-mument, ġieni ħsieb f’moħħi permezz ta’ dan il-kliem mill-aktar ċar: “Jiena diġà kont żort dan il-post imdawwal qabel.” Iżda f’daqqa waħda feġġ f’moħħi, iżda mhux b’fommi, dan il-kliem: “Le, inti qatt ma ġejt hawn qabel. Inti qed tiftakar ħin qabel ma twelidt. Inti kont tinsab f’post sagru bħal dan.”

Fuq in-naħa ta’ barra tat-tempji tagħna, aħna npoġġu l-kliem, “Qdusija lill-Mulej.” Jiena naf minn esperjenza li dak il-kliem hu veru. It-tempju hu post qaddis fejn nistgħu niksbu r-rivelazzjoni b’mod faċli jekk qalbna tkun lesta li tilqagħha u nkunu denji tagħha.

Aktar tard f’dak l-ewwel jum jien erġajt ħassejt l-istess Spirtu. Iċ-ċerimonja tat-tempju tinkludi fiha xi kliem li wassluni biex inħoss bħal nar jaqbad f’qalbi, li kkonfermali li dak li kien qed iseħħ kien veru. Dak li ħassejt kien mill-aktar personali għalija rigward il-futur tiegħi, u sar realtà 40 sena wara permezz ta’ sejħa biex inservi mingħand il-Mulej.

Jien esperjenzajt dak l-istess sentiment meta żżewwiġt fit-Tempju ta’ Logan, Utah. Il-President Spencer W. Kimball kien dak li wettaq is-siġill. Fil-ftit kliem li qal, hu tana dan il-parir: “Hal u Kathy, għixu b’tali mod li meta tirċievu s-sejħa, issibuha faċli biex tmorru.”

Hekk kif hu lissen dak il-kliem, jien rajt b’mod ċar f’moħħi, bil-kulur, għolja wieqfa u triq li tieħdok għal fuq l-għolja. Fuq ix-xellug tat-triq kien hemm ċint abjad li għeb f’ringiela siġar fil-quċċata tal-għolja. Moħbija qalb is-siġar kienet tidher dar bajda.

Sena wara, jien għaraft dik l-għolja hekk kif konna mal-kunjatu waqt li kien tiela’ jsuq dik it-triq. Meta l-President Kimball tana l-parir tiegħu fit-tempju jien stajt nara kollox fid-dettall.

Meta wasalna fil-quċċata tal-għolja, il-kunjatu waqaf ħdejn id-dar il-bajda. Hu qalilna li hu u martu kienu se jixtru dik il-propjetà u li ried li jien u bintu noqogħdu fid-dar l-oħra li kien hemm ħdejha. Huma se jkunu qed joqogħdu fid-dar il-kbira, ftit passi ’l bogħod minnhom. Għalhekk, fl-10 snin li għamilna ngħixu f’dak l-ambjent mill-isbaħ tal-familja, jien u marti kważi kuljum konna ngħidu, “Ikun jaqbel jekk ingadwuha, għax m’aħniex se ndumu hawn wisq.”

Kont irċevejt sejħa mingħand il-kummissarju tal-edukazzjoni tal-Knisja, Neal A. Maxwell. It-twissija li kien tana l-President Kimball li issibuha “faċli biex tmmorru” kienet saret realtà. Kienet sejħa li nħallu warajna ambjent familjari mill-aktar idilliku biex immorru nservu f’post li ma kont naf xejn dwaru. Il-familja tagħna kienet lesta tħalli warajha dak iż-żmien u l-post imbierek għaliex profeta, ġo tempju mqaddes, f’post ta’ rivelazzjoni, ra avveniment li se jseħħ fil-futur li għalih aħna konna diġà ppreparati.

Jiena naf li t-tempji tal-Mulej huma postijiet qaddisa. L-għan tiegħi llum li nitkellem dwar it-tempji hu biex inkabbar ix-xewqa tiegħi u tagħkom li nkunu denji u lesti għall-opportunitajiet dejjem jikbru ta’ esperjenzi tat-tempju li se jkollna.

Għalija, l-akbar motivazzjoni li nkunu denji tal-esperjenzi tat-tempju hu dak li qal il-Mulej dwar id-djar imqaddsa tiegħu:

“Sakemm il-poplu tiegħi jibni dar għalija f’isem il-Mulej, u jara li l-ebda ħaġa maħmuġa ma tidħol fiha, li ma tiġix imniġġsa, il-glorja tiegħi se tkun fuqha;

“Iva, u l-preżenza tiegħi se tkun hemm, għaliex jien se niġi nżurha, u dawk kollha li huma safja f’qalbhom li se jidħlu fiha sejrin jaraw lil Alla.

“Iżda jekk hi tiġi mniġġsa jiena mhux se nidħol fiha, u l-glorja tiegħi ma tkunx fiha; għaliex jiena ma nidħolx f’tempji mhux qaddisa.”1

Il-President Russell M. Nelson għamilhielna ċara li aħna nistgħu “naraw” lis-Salvatur fit-tempju fis-sens li Hu ma jibqax aktar stranġier għalina. Il-President Nelson qal dan: “Aħna nifhmuh. Nifhmu l-ħidma tiegħu u l-glorja tiegħu. U aħna nibdew inħossu l-impatt infinit tal-ħajja inkomparabbli tiegħu.”2

Jekk jien u intom ikollna mmorru fit-tempju u ma nkunux safja biżżejjed, aħna ma nkunux nistgħu nagħrfu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, it-tagħlim spiritwali dwar is-Salvatur li aħna nistgħu nirċievu fit-tempju.

Meta aħna nkunu denji li nirċievu dan it-tagħlim, permezz tal-esperjenza tagħna tat-tempju, aħna nistgħu nkomplu nikbru tul ħajjitna fit-tama, fil-ferħ, u fl-ottimiżmu. Dik it-tama, u dak il-ferħ, u l-ottimiżmu huma disponibbli biss jekk naċċettaw l-ordinanzi li jitwettqu fit-tempji mqaddsa. Huwa biss fit-tempju fejn aħna nistgħu nirċievu l-assigurazzjoni tar-rabta ta’ mħabba tal-familja li jkomplu wara l-mewt tul l-eternità kollha.

Snin ilu, meta kont qed inservi bħala isqof, wieħed żagħżugħ gustuż baqa’ jirreżisti l-istedina tiegħi li hu jsir denju li jgħix ma’ Alla bħala parti minn familja għal dejjem. Hu kellimni b’mod pjuttost aggressiv dwar il-mumenti ta’ pjaċir li kien ikollu ma’ sħabu. Jien ħallejtu jitkellem. Imbagħad hu kellimni dwar mument partikolari f’wieħed mill-parties li kien jattendi, f’nofs l-istorbju kollu, meta hu f’daqqa waħda rrealizza li kien iħossu waħdu. Jien staqsejtu x’kien ġara. Hu qal li kien ftakar fi żmien meta kien għadu tifel ċkejken, bilqiegħda fuq ħoġor ommu, b’dirgħajha madwaru. Dak il-mument waqt li kien qed jgħidli dik l-istorja, huma nfaqa’ jibki. Jien għidtlu dak li kont naf li hu veru: “L-uniku mod kif tista’ terġa’ tħoss fik is-sentiment ta’ dik l-imħabba fil-familja għal dejjem hu li inti stess tkun denju u tgħin lil ħaddieħor jirċievi l-ordinanzi tas-siġill tat-tempju.”

Aħna ma nafux id-dettalji tar-rabta tal-familja fid-dinja tal-ispirti jew x’se jiġri wara li nqumu mill-mewt. Iżda aħna nafu li l-profeta Elija ġie kif kien imwiegħed biex idawwar il-qalb tal-missirijiet lejn l-ulied u l-ulied lejn il-missirijiet.3 U aħna nafu li l-ferħ etern tagħna jiddependi dwar kemm aħna nagħmlu l-almu tagħna biex noffru l-istess ferħ dejjiem lil kemm nistgħu minn fost il-qraba tagħna.

Jien inħoss l-istess xewqa li nirnexxi fl-istedina tiegħi lill-membri ħajjin tal-familja daqs kemm inħoss li għandi nkun denju li nirċievi u nonora l-ordinanzi tas-siġill tat-tempju. Dan hu parti mill-imwiegħda ġabra ta’ Iżrael fl-aħħar żminijiet fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Waħda mill-akbar opportunitajiet li għandna hi meta l-membri tal-familja tagħna jkunu għadhom żgħar. Huma jitwieldu bid-don tad-dawl ta’ Kristu. Dan jagħtihom iċ-ċans li jagħrfu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Għal dik ir-raġuni, li huma mqar jaraw tempju jew stampa ta’ tempju jista’ jiżra’ fit-tfal ix-xewqa li jkunu denji u li jkollhom il-privileġġ li xi darba jidħlu fih.

Dak il-jum jista’ jasal meta, bħala żgħażagħ, huma jirċievu rakkomandazzjoni tat-tempju biex iwettqu l-magħmudijiet bi prokura fit-tempju. F’dik l-esperjenza, jista’ jikber is-sentiment tagħhom li l-ordinanzi tat-tempju dejjem jippuntaw lejn is-Salvatur u l-Espjazzjoni tiegħu. Hekk kif iħossu li qed joffru persuna fid-dinja tal-ispirti ċ-ċans li titnaddaf mid-dnub, is-sentimenti tagħhom li qed jgħinu lis-Salvatur fil-ħidma sagra tiegħu li jbierek lil xi ħadd minn ulied Missierna fis-Smewwiet jikbru.

Jiena rajt il-qawwa ta’ dik l-esperjenza tibdel il-ħajja ta’ tfajla żagħżugħa. Snin ilu tard wara nofsinhar, jien mort ma’ binti ġewwa t-tempju. Hi kienet l-aħħar waħda li kienet se sservi ta’ prokuratur fil-battisterju. Lil binti staqsewha jekk setgħetx tagħmel ftit aktar ħin biex jitlestew l-ordinanzi għan-nies kollha li kellhom isimhom preparat. Hija qalet Iva.

Jien bqajt hemm nara liċ-ċkejkna binti nieżla fil-fonti tal-magħmudija. Il-magħmudijiet bdew. Iċ-ċkejkna binti kellha l-ilma nieżel ma’ wiċċha kull darba li kienet qed tinħareġ mill-ilma. Reġgħu staqsewha diversi drabi oħra, “Tista tagħmel iżjed?” Kull darba hija qalet Iva.

Bħala missier inkwetat fuq bintu, jiena bdejt nittama li hi tiġi skużata milli tkompli għaddejja. Iżda għadni niftakar kemm kienet ċerta kull darba li staqsewha jekk riditx tagħmel iżjed u hi wieġbet bil-leħen ċkejken u determinat tagħha, “Iva.” Hi baqgħet hemm sakemm l-aħħar persuna li dak inhar kien hemm fil-lista kienet irċeviet il-barka tal-magħmudija f’isem Ġesù Kristu.

Meta dik il-lejla jiena ħriġt magħha mit-tempju, immeraviljajt ruħi b’dak li kont qed nara. Tifla ċkejkna mtliet bl-Ispirtu u nbidlet quddiem għajnejja għax serviet lill-Mulej fid-dar tiegħu. Għadni niftakar is-sentiment ta’ dawl u paċi hekk kif imxejna flimkien mit-tempju.

Issa għaddew is-snin. Hija għadha sal-lum tgħid iva meta l-Mulej jistaqsiha jekk hijiex lesta li tagħmel aktar għalih meta mhux faċli tagħmel dan. Huwa dan li nieħdu mis-servizz tat-tempju li jibdilna u jelevana. Għalhekk it-tama tiegħi għalikom u għall-familja maħbuba tagħkom hi li intom tikbru fix-xewqa u d-determinazzjon li tkunu denji li tmorru fid-dar tal-Mulej kemm jista’ jkun skont kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħkom.

Huwa jrid jilqagħkom hemmhekk. Nitlob li intom tippruvaw tibnu x-xewqa f’qalb ulied Missierna fis-Smewwiet li jmorru hemm, fejn huma jistgħu jħossuhom qrib tiegħu, u li intom tistiednu wkoll lill-antenati tagħkom biex jikkwalifikaw ħalli jkunu miegħu u magħkom għal dejjem.

Dan il-kliem jista’ jkun kliemkom:

Nixtieq nara t-tempju.

Xi darba se mmur hemm

Ħa nħoss l-Ispirtu s-Santu,

Biex nisma’ u nitlob.

Għax it-tempju hu d-dar t’Alla,

Post ta’ mħabba u sbuħija.

Nitħejja kif għadni żgħir;

Dan huwa d-dmir sagru tiegħi.4

Jiena naqsam ix-xhieda solenni tiegħi li aħna wlied Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna. Hu għażel lill-Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, biex ikun is-Salvatur u l-Feddej tagħna. L-uniku mod kif nistgħu nerġgħu lura magħhom u mal-familja tagħna hu permezz tal-ordinanzi tat-tempju mqaddes. Jiena nixhed li l-President Russell M. Nelson iħaddan u jeżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju li jagħmlu l-ħajja eterna possibbli għall-ulied kollha ta’ Alla. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.